Ħa niktibha hawnhekk forsi nikser iċ-ċirku vizzjuż. Fi kliem Keats, il-kapaċità negattiva hi li tkun “kapaċi toqgħod fl-inċertezzi, Misteri, dubji, bla ebda ġiri antipatku wara l-fatti u r-raġuni”. Dan kunċett antik, simili għat-trankwillità, jew ataraxia. Ix-Xettiku Sextus Empiricus u dawk kollha li ġew warajh jissuġġerixxu li din tiġi mill-bilanċ, mill-equipollence (jew għall-inqas hekk isostnu t-tradutturi li għandha tinqaleb il-kelma ἰσοσθένεια). Dan kollu jingħata ħafna iktar kulur u kumplessità minn Husserl bil-kunċett tal-epoché. Keats jgħid, allura, li l-aqwa karatteristika tal-kittieb — u skontu, l-aqwa eżempju ta’ dan huwa Shakespeare — hi l-kapaċità li jkunu jafu li ma jafux, u li jibqgħu f’din il-“ma nafx”, f’din il-boqqaġni, bla ebda attentat għall-għerf u t-teleoloġija. Kif għedt qabel: il-“jien” ta’ Keats la tifhem u lanqas tispjega. Forsi din il-kapaċità negattiva ta’ Keats taf tagħtini xi forma ta’ risposta għall-mistoqsija li dejjem insib ruħi nistaqsi: il-baħar ukoll ħabs? Il-fatt li Malta mdawra bl-ilma: ċella jew ħelsien? Għalkemm postijiet bħall-Awstralja jew ir-Renju Unit huma wkoll imdawrin bl-ibħra u l-oċeani, naħseb kollha kemm aħna nifhmu li post bħal Malta każ kemxejn speċjali. U kemm hi kbira Malta? Għax it-topografija tal-ġebel u l-baħar tifforma wkoll it-topografija kunċettwali-personali tagħna. Il-leġiżlazzjonijiet differenti li jaqsmu l-baħar ta’ madwarna — tal-baħar territorjali, taż-żona kontigwa, taż-żona esklużiva tas-sajd — kollha jqisuna b’kejl differenti. Fuq l-art dil-problema ma ssibx sodezza (niftakru ftit fil-ġuriżdizzjonijiet diversi u mħawdin tal-gvern, tal-knisja, tal-privat), u allura ovvja li nsibu ruħna nixtarru, bla qatt ċertezza, l-oriġini u l-identità tagħna, il-Maltiżmu tagħna mċaflas minn litanija ta’ karatteristiċi li huma fl-istess ħin riġidi daqs iż-żonqor u flessibbli daqs il-mewġ.