Gwida tal-istil

 

Nixtiequ noħolqu għal dal-ġurnal ton ta’ Malti intelliġenti, mhux pedantiku u lanqas akkademiku. Irridu livell għoli ta’ professjonalità fil-fażijiet kollha tal-proċess ta’ kitba u dak editorjali sabiex niżguraw xogħol letterarju ta’ kwalità għolja. Għaldaqstant, qed niddokumentaw il-ħsibijiet kollha tagħna dwar dan biex niżguraw il-konsistenza u qed nippubblikaw dil-gwida tal-istil, li qed tiġi aġġornata regolarment, biex tkun tista’ tintuża minn ħaddieħor. Dawn huma d-deċiżjonijiet li nieħdu waqt il-proċess editorjali, fejn rilevanti f’diskussjoni mal-kittieba u l-qarrejja tal-provi. Kull deċiżjoni mniżżla hawn hija, kważi dejjem, għażla suġġettiva tagħna.

  1. alla

    Nużaw “alla” b’a żgħira ħlief meta l-awtur qiegħed jirreferi — b’qima jew b’disprezz — speċifikament għal alla li jemmen fih.

  2. Aphroconfuso

    Niktbu Aphroconfuso dejjem b’a kbira, ħlief meta tkun fl-indirizz tal-website.

  3. bassoriljev

    Niktbu bassoriljev u mhux bas relief. Il-knejjes, il-festi u l-kultura ta’ madwarhom jagħtuna terminoloġija speċjalizzata u vasta, iżda mhux imqanżħa. 

  4. block quotes

    Nistgħu nużaw block quotes, imma jekk jista’ jkun nevitaw li jkollna ħafna f’esej waħda, u naraw li ma jkunux twal wisq.

  5. endnotes

    ara "noti"

  6. esej

    Nużaw it-terminu esej u mhux saġġ. 

  7. footnotes

    ara "noti"

  8. ġeneru

    Inħalltu: daqqa niktbu “qarrej”, daqqa “qarrejja”, eċċ.

  9. ismijiet mill-Grieg Antik

    Minn diskussjoni dwar l-ortografija ta’ ismijiet bil-Malti mill-Grieg Antik ma’ Warren Bartolo ddeċidejna li bħalu nimxu fuq ir-riċerka ta’ Maria Giuliana Fenech (ara "Methodologies for the transliteration of Ancient Greek names into Maltese" f’Ardet Amans: Essays in Honour of Horatio Caesar Roger Vella, ed. Carmel Serracino, pubblikazzjoni Midsea Books, 2022). Dawn huma l-ismijiet Griegi li diġà ntużaw f’dan il-ġurnal:

    Afroditi, Ajun, Akrisju, Apollun, Atena, Danae, Edipu, Ermes, Ewrjali, Faetont, Fedru, Foriku, Keto, Kronidi, Medusa, Oxirinku, Persew, Polidekti, Pusejdun, Stenun, Żews

  10. kliem barrani mhux Ewropew

    Kliem ta’ kulturi li sar għandhom rappreżentanza sostanzjali Malta għandna nħarsu lejh direttament mingħajr ma niddependu fuq lenti, sikwit orjentalista, ta’ lingwa oħra. Dan speċjalment meta l-kliem jinħass iktar komdu fil-Malti. Eżempji ta’ dan huma “ħiġab” u “fufu”.

  11. kliem barrani: immarkar

    Kliem barrani ma nimmarkawhx, la b’virgoletti u lanqas bil-korsiv. Madankollu, hemm dixxiplini li għandhom konvenzjonijiet stabbiliti dwar jekk jintużax korsiv, eċċ. Pereżempju, il-lingwi qodma fl-arkeoloġija, it-tassonomija fil-bijoloġija.

  12. kliem mill-Ingliż

    Nevitaw li nużaw kliem bl-Ingliż, imma aħjar bl-Ingliż milli neoloġiżmi mqanżħa. Bosta drabi, jekk nieqfu naħsbu minuta, insibu kelma isbaħ, iktar idjomatika, u ma tagħtix fil-għajn.

    Hemm ħafna każijiet fejn ikollna nagħżlu bejn żewġ modi kif niktbu kelma mill-Ingliż, pereżempju boots jew buz, cooker jew kuker, ners jew nurse, ground jew grawnd, shorts jew xorz, eċċ. Ġeneralment nippreferu l-ortografija Maltija, imma ġieli nħossu li l-effett ikun jew sfurzat jew parodiku.

    Mill-banda l-oħra, kelma tibqa’ tidher stramba għas-sempliċi raġuni li m’aħniex imdorrijin narawha. Li qed ngħidu hawn jista’ jinstema’ kontradittorju, imma mhux dejjem se nsibu soluzzjoni faċli. Tajjeb li, fejn hemm bżonn, id-diffikultà nuruha.

  13. kwotazzjonijiet

    Naġġornaw l-ortografija tal-kwotazzjonijiet meħudin minn testi bil-Malti, sakemm mhux qed nużawhom għall-effett arkajku tagħhom.

  14. marki ta’ kwotazzjoni

    ara "virgoletti"

  15. noti

    Annotazzjonijiet ma nużawx. Fil-bidu tal-paġna nagħtu informazzjoni dwar kotba li se nsemmu; jekk hemm bżonn iktar informazzjoni, nistgħu nagħmluha f’nota fil-qiegħ.Nużaw il-konvenzjoni li nsemmu l-volum li użat il-kittieba. Imma nagħtu wkoll l-oriġinal. Dejjem insemmu t-tradutturi.

  16. podcast / poddata

    Niktbu podcast għal sensiela u poddata jew podcast għal episodju.

  17. pronomi

    Jekk nafuhom, dejjem nużaw il-pronomi preferuti mill-persuna li qed nirreferu għaliha.

  18. punteġġatura

    Inkunu minimalisti fil-punteġġatura.

  19. queer / kwir

    Il-kelma queer tintuża hekk internazzjonalment anki biex it-terminu jingħaraf mill-ewwel u jkun hemm sens ta’ sjieda u ta’ safespace lessikali mill-komunità queer innifisha. Min-naħa tagħna, aħna ħsibna jekk hux possibbli li t-terminu jiġi ddomestikat fil-lingwa Maltija għax nemmnu li huwa att politiku li ċerti termini ma jitħallewx barranin. Għaldaqstant, fil-każ fejn il-kittieba jħossu li jidentifikaw iktar mat-terminu "kwir", għall-finijiet tal-ġurnal jistgħu jużaw it-terminu miktub hekk.

  20. referenzi

    Ma nispjegawx iżżejjed. Ngħidu Ludwig Wittgenstein mhux il-filosfu Awstrijaku Ludwig Wittgenstein. Naturalment, xi mkien qed inpinġu linja ta’ x’nassumu li jaf il-qarrej imma aħjar inħalluh ifittex milli nippatronizzawh.

  21. rivisti u ġurnali oħrajn

    Nippruvaw inkunu familjari ma’ dak li nkiteb f’rivisti u ġurnali letterarji oħrajn Maltin u nirreferu għalihom meta relevanti; inkunu ġirien tajbin. Qed nippruvaw noħolqu momentum, diskors.

  22. titli

    Fil-każ ta’ titlu ta’ ktieb bil-Malti niktbu Leli ta’ Ħaż-Żgħir mhux Leli ta’ ħaż-żgħir. Jekk ikun titlu ta’ ktieb bit-Taljan, insegwu s-sistema Taljana (eż. La coscienza di Zeno).

  23. titli ta’ kotba fil-kitba

    Nużaw virgoletti doppji meta nsemmu diska jew artiklu. Nużaw il-korsiv meta nsemmu rumanz, ktieb, film, jew sensiela. Għall-kliem xjentifiku nużaw il-korsiv mhux virgoletti.

  24. tqassir

    Bħala regola nevitaw il-punt. Niktbu Mr mhux Mr., NATO mhux N.A.T.O., u niktbu am, pm, lol, Dr, USA, nru, is-Sa, eċċ. Iżda nagħmlu punt f’każijiet bħal ismijiet, eż. F. Calleja mhux F Calleja, u ma niktbux dott imma dott.

  25. traduzzjonijiet

    Meta nsemmu kotba barranin li ġew maqluba għall-Malti, għandna nsemmu dil-verżjoni bil-Malti u jekk nikkwotaw, nikkwotaw minnha. Jekk it-traduzzjoni ma nsibuhiex sodisfaċenti u għalhekk ma rridux nużawha dan għandna ngħiduh.

  26. trigger warnings

    Aphroconfuso huwa mmirat lejn il-qarrej matur, però jibqa’ l-fatt li l-esperjenza individwali tiegħu tista’ tagħmel differenza kbira fil-mod kif ċerti temi jaffetwawh. Dan huwa l-każ partikolarment fit-tip ta’ trawmi li wieħed jista’ għal żmien twil jiffaċċja waħdu. Minħabba n-natura online tal-ġurnal, u l-fatt li l-qarrej jista’ jsib ruħu jaqra l-kitba tagħna għal għarrieda — ngħidu aħna fuq smartphone wara li jsegwi link mill-midja soċjali — meta l-kitba tagħna tittratta b’mod ċentrali dawn it-temi, għandna nwissu lill-qarrej permezz ta’ trigger warnings.

    Il-lingwaġġ ta’ dawn it-twissijiet għandu jkun ċar mingħajr ma jkun fih innifsu grafiku. Fis-sistema tagħna dawn it-twissijiet jistgħu jingħalqu mill-qarrej, u ma jerġgħux jidhru għal tlett ijiem. 

    Min-naħa l-oħra, trigger warnings m’għandhom jidhru qatt fil-pubbliċità jew xi mkien ieħor ħlief fuq l-istess paġna fejn tidher il-kitba. Inkella nkunu qisna qed nużawhom, flok biex inwissu lil min jista’ jkun affetwat ħażin, biex inħajru lill-oħrajn.

  27. virgoletti

    Il-virgoletti niktbuhom doppji dejjem. Niktbuhom singli biss f’każ li jkun hemm virgoletti ġo virgoletti, jiġifieri meta t-test diġà jinsab f’test itwal li qiegħed bejn virgoletti doppji. Il-punteġġatura dejjem tiġi barra, sakemm mhix parti mill-kwotazzjoni nnifisha jew f’każijiet fejn hemm konvenzjoni stabbilita; eż. “Ejja, qal Michael.

  28. il-vuċi ta’ Aphroconfuso

    Il-vuċi ta’ Aphroconfuso hija leġġera imma mhux frivola, serja imma mhux bla gost. Mhux dejqa, jew formali, jew pedantika. Niktbu qisna qed nitkellmu mal-aktar ħabiba intelliġenti li għandna. Il-qarrej ta’ Aphroconfuso qed jaqra għall-pjaċir mhux għad-dover — pjaċir letterarju u intellettwali imma xorta pjaċir. Inkunu ċari fil-kitba. Inkunu interessanti u mhux iktar ikkumplikati milli hemm bżonn, imma nassumu li l-qarrejja interessata fis-suġġett.

    Kultant, għax ikollna l-impressjoni — forsi bir-raġun — li qed niktbu għall-ewwel darba bil-Malti dwar xi suġġett, ikollna t-tentazzjoni li kulma niktbu bil-Malti jieħu l-forma ta’ gwida għall-prinċipjanti. Nirreżistuha.

    Ma ninsewx li Aphroconfuso huwa, l-ewwel nett, ġurnal letterarju. Allura, kull opportunità biex norbtu dak li qed ngħidu ma’ xi ktieb partikolari — speċjalment ktieb Malti, jew ktieb bil-Malti — għandna noħduha. Tajbin ukoll reċensjonijiet li jiftħu f’esejs, jew esejs li jsemmu iktar minn ktieb wieħed.

    Għandna nisfidaw il-kanonu, kemm dak Malti kif ukoll dak barrani. Nagħmlu sforz konxju biex inferrxu l-attenzjoni tagħna fuq kittieba u artisti li fil-passat ġew imwarrba għal raġunijiet ta’ ġeneru, klassi, razza, eċċ. Ma nżidux mal-kult ta’ adorazzjoni għall-istess erbat irġiel.

    Ma nżommux lura milli ninvolvu lilna nfusna fl-istorja permezz ta’ aneddoti, u tal-esperjenzi tagħna ma’ dan is-suġġett. Ma nibżgħux nuru l-proċess tal-kitba, tal-fehim tagħna. Ma nibżgħux nuru li qed nitgħallmu mal-qarrej.

    Tajjeb ukoll li, jekk ikun hemm bżonn, insemmu d-diffikultajiet li qed niltaqgħu magħhom bħala kittieba biex nesprimu dak li qed nippruvaw ngħidu bil-Malti

    Nippreferu l-ideat milli l-opinjonijiet.

    Ma ninħbewx wara subgħajna. Dak li għandna ngħidu ngħiduh, mingħajr tgħajjir. Jekk dak li rridu ngħidu għandu bżonn fiduċja kbira mill-qarrej — għax forsi nistgħu ninftiehmu ħażin jew inweġġgħu — l-ewwel irridu nkunu ċerti li rbaħnieha l-fiduċja. M’hemmx għalfejn ħniena ma’ min hu iktar qawwi minna; dik il-ħniena nrodduha lil min hu iktar dgħajjef minna.

Dekorazzjoni art-nouveau