Novembru 2026

Bħala parti mit-tħejjija għat-tnedija ta’ Nifs: Kaos u Poeżija ta’ Franco “Bifo” Berardi, traduzzjoni ta’ Karl Baldacchino, għamilna workshop f’nofs Ġunju bit-tema “Kif Se Nieħdu Nifs Ġdid Hija l-Isfida ta’ Żminijietna” u komplejna naħdmu fuq it-test kollettiv li ħareġ minnu matul is-sajf. Ma kienx diffiċli għall-parteċipanti biex jagħrfu, anki f’pajjiżna stess, id-dinja li jitkellem dwarha Berardi. Is-sistema li iktar ma twegħedna, iktar tieħu minna, li timmultipplika l-ansjetajiet li ijassruna, imbagħad tbigħilna l-wens, li tbellgħalna marda wara l-oħra, imbagħad tfaqqarna nħallsu għad-duwa fjakka li toffrilna. L-aċċelerazzjoni u l-intensità tal-ħajja moderna forsi l-iktar faċli li nagħrfuhom fl-istorbju ta’ ħajjitna ta’ kuljum. Fit tieni parti ta’ Inkejja, li biha qed nibdew dan ix-xahar, Ryan Falzon iħares lejn kif nużaw il-karozzi biex nirbħu ftit spajzju għalina nfusna. “Il-privatezza, fi gżira ffullatissima, hi lussu kbir. Il-privatezza u l-ispazju huma nnegozjati ma’ kull pass li wieħed jieħu. Biżżejjed wieħed imur il-baħar fis-sajf. Irid jiġġieled biex isib roqgħa ilma baħar bla bżieżaq tad-drenaġġ ’il ġewwa mill-ħabel… Irid isib passaġġ liberu li mhux meħud minn turista li ma tafx iż-żona u firxet ix-xugaman fl-ewwel roqgħa vojta li sabet… Trid issib roqgħa fejn m’hemmx storbju…” Il-karozza tista’ tkun spazju kkontrollat li jtaffilna dawn l-iskumditajiet, u għalhekk, għal ħafna kienet iktar minn sempliċiment vettura, kienet namra. Iżda r-relazzjoni tagħna mal-karozzi ma tistax tevita r-realtajiet ekonomiċi. “Wieħed irid ikollu l-lussu li joħroġ il-Ħadd filgħodu jdur bil-karozza flok jagħmel part-time, ma jkollux iqatta’ s-Sibt filgħaxija jissara biex ilaħħaq mal-kera u jasal id-dar fil-ħamsa ta’ filgħodu l-Ħadd, inkella dik l-għodwa hi l-unika waħda li jista’ jqatta’ mat-tfal, jew ikollu jdur dawra ma’ daru minn fuq s’isfel inaddaf u jaħsel u jirranġa fejn jgħix, għax matul il-ġimgħa ċans ta’ xejn.”Bil-karozza, u l‐kultura kumplessa li bnejna madwarha, sibna mod kif inwessgħu l‐ispazju allokat lilna, iżda akkost li llum spiċċat ħakmitu hi l‐ispazju tagħna. Fil-workshop dwar Nifs: Kaos u Poeżija, Joe Gatt jgħid “li nfittxu metodoloġija għall-futur forsi jfisser li t-tensjoni bejn il-kaos u l-poeżija ma nħalluhiex tiġi riżolta, li… nfittxu li nirbħu fuq l-istorbju pjuttost bir-reżonanza milli bis-skiet.” Fil-ktieb Ittri lil Poeta Żagħżugħa, l-ewwel ġabra ta’ poeżiji ppubblikata minn Aphroconfuso, Jasmine Bajada toffrilna mhux biss meditazzjoni fuq is-sengħa tal-kitba tal-poeżija iżda wkoll manwal sentimentali u rakkont ta’ relazzjoni li toħloq l-ispazju tagħha, li tikber bir-ritmu kajman tagħha, titħarrek kemm kemm ma’ kull staġun.

Logo tal-podcast ta' Aphroconfuso
  • Novembru 2026

Inkejja #2

Ryan Falzon

Vilel, lussijiet, privatezza

Qabel ma t-terapija u l-counselling saru aċċessibbli, u moda, spazju bħalma kien il-garaxx kien iservi bħala lok privat fejn wieħed seta’ jkun waħdu, jew ma’ nies oħra li jistieden, u bejn biċċa xogħol u oħra, iġib id-diskors fuq kwistjoni li qiegħda tkiddu. Il-kuntest ta’ garaxx spiss inbidel għal dak ta’ kċina żgħira fuq wara, imlaqqta minn meta l-kunjata biddlet l-għamara tad-dar kollha, sufanijiet u siġġijiet skartati, sistema ta’ sound irfinuta, u refuġju għall-akkwarju l-kbir li l-mara ma ħallitekx iżżomm id-dar. Spiss tara garaxxijiet iffullati vetrini, kollezzjonijiet tal-mudelli tal-karozza, li wieħed ikun ilu jgħożż minn tfulitu, jew tabelli, reklami, armi u xbieki tal-mudelli li wieħed kiber bihom, ta’ qabel żmienu. Fil-kultura maskilista, fir-rwol tradizzjonali fejn l-irġiel iżommu fihom u ma jibkux u ma jiftħux qalbhom, il-garaxxijiet kienu jservu ta’ spazji importanti fejn wieħed seta’ jitkellem ma’ rġiel oħra, għax jistidinhom hu għandu, jew għax huwa l-garaxx tax-xogħol u għandu dejjem bl-irġiel jgħidu kelma, jew ġgajta dilettanti jiltaqgħu jarmaw karozza jew trakk għat-tlielaq Ħal Far, jew qed jirrestawraw xi vettura ruħ ommha fi snienha, jew jillustraw il-muturi. Għall-kontra ta’ postijiet tal-irġiel tradizzjonali bħall-każini u l-ħwienet u l-klabbs, il-garaxx kien iservi ta’ spazju fejn tistieden lil min trid, lil min jifhmek, lil min għandu tagħrif sew dwar is-suġġett li qiegħed jinkwetak. Possibbilment, l-enfasi li raġel ikollu naqra ta’ garaxx, jew għalqa, fejn imur iserraħ il-menti u jistieden lil min jixtieq hu naqas għar-raġuni li llum l-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb żdiedu u titfixkel fejn se tmur, u l-ispazji komunali, bħall-gyms, saru ħafna iżjed attrezzati sabiex wieħed isib postu. M’għadux iż-żmien ta’ ħanut tal-inbid kamra gabuba, imwejjed twal, bankijiet mal-ħajt u siġġijiet fuq barra, u kulħadd imeċlaq u jlegleg u jgħajjat u konverżazzjoni tirkeb fuq oħra. Wieħed faċli jsib il-privatezza fuq mejda f’kafetterija ġdida, jew ħanut li jibqa’ jservi l-ikel u x-xorb lejl sħiħ.

  • Ottubru 2026

Marta Marta (silta)

Loranne Vella

Ir-raqda, nhar ta’ Sibt, Dolores tibdieha mal-qawmien, għax nhar ta’ Sibt filgħodu Dolores ma tqumx, la tistenbaħ man-noti tal-qniepen għax il-qniepen ma jdoqqux, la tqum mir-raqda, la tqum mis-sodda, la tinżel isfel għall-fatra. Ma tiltaqa’ la ma’ Concetta, la ma’ Beneditta, la ma’ Marija Assunta, la ma’ Carmelina, la ma’ Marwa, la ma’ Nathaline, la ma’ ħadd minn ġewwa, la ma’ ħadd minn barra. Illum is-Sibt ma tara lil ħadd, la tara lil Damjan u lanqas taħseb fih. Illum la tqum titmattar, la tmur tbaħbaħ wiċċha, la kikkra te u lanqas kafè, la ħobż, la ċikkulatina, la sigarru bil-bokkin u lanqas mingħajru. Nhar ta’ Sibt bilkemm titħarrek mis-sodda, la tiftaħ għajnejha biex tara u lanqas widnejha biex tisma’, la tgħolli l-friex, la tiftaħ il-purtieri beraħ, la tiftaħ bibien ta’ armarji u lanqas kxaxen ta’ gradenzi, la tinża’ ħwejjiġha tas-sodda, la tilbes ilbies, la ħwejjeġ, la kostumi, la xinxilli u lanqas dehbijiet, la tħares fil-mera, la tomxot xagħarha, la tħammar ħaddejha u lanqas xufftejha, la terra, la fwieħa, la krema, la kulur; illum is-Sibt u rtokk ma jmurx. Nhar ta’ Sibt ma taħsibx la dwar ilbieraħ, la dwar għada u inqas u inqas dwar illum għax illum mhi se tagħmel xejn, mhu se jiġri xejn, mhi se tqis, mhi se tfassal, mhi se tqasqas, mhi se ġġarrab xejn. Illum is-Sibt jum il-mistrieħ, mistrieħ il-ġisem, serħan il-moħħ. Illum is-Sibt waħedha ma’ ħsibijietha imma lanqas dawk mhi se jkollha, la se taħseb, la se tħejji, la se thewden, la se toħlom, la se timla moħħha bi ħsieb u lanqas se tbattlu minn ieħor, illum is-Sibt, illum ma tagħmel xejn, ma jiġri xejn. Illum Dolores mhi xejn, la hi bint, la hi oħt, la hi omm, la hi Madre, ma hi xejn għax illum is-Sibt. Nhar ta’ Sibt ma tħabrikx, ma tgħaġġilx, sa tard la torqod u lanqas tqum. La tiekol, la tixrob, illum xejn minn dan. Nhar ta’ Sibt ma jħabbtilha ħadd, jekk iħabbtu ma tiftaħ lil ħadd

  • Poddata 20.10.2026

Noti Editorjali #14

ma’ Noah Fabri

« Naħseb l-ikel dejjem ħa jkun importanti f’ħajti u dejjem jibqa’ xi ħaġa essenzjali fil-ħsieb tiegħi jew fil-prattika tiegħi għax iżommli saqajja mal-art. U fl-ikel hemm il-kwistjonijiet kollha politiċi li jinteressawni: tal-ġisem, tal-ġeneru, ta’ kif jiżvolġu dawn in-networks tal-kolonjaliżmu, l-ekonomija, il-kapitaliżmu. Fl-ikel hemm kollox. Jiġifieri naħseb li dejjem, b’xi mod jew ieħor, ħa jkun hemm lenti tax-xogħol tiegħi li ħa tħares lejn l-ikel. Bħalissa qed naħseb fuq xi proġetti wkoll li jinvolvu b’mod aktar dirett l-ikel, l-idea ta’ tip ta’ performances li kont qed nagħmel kull darba li Bobb isaqsini. Qishom bdew ġejjin dawn l-ideat fuq dan il-proġett dwar l-ikel, u jkun sabiħ niżviluppawhom b’xi mod daqsxejn aktar teatrali, b’mod daqsxejn aktar meħjut bil-lenti tal-performance. Insalata kienet pjuttost diskursata, essenzjalment kienet diskursata u jiena qed nagħmel insalata fl-istess ħin. Naħseb jekk indaħħlu element aktar performattiv, aktar teatrali fiha, hemm possibbiltà pjuttost qawwija. Insalata kienet interessanti għax speċi kienet jien nitkellem b’mod relattivament teoretiku fuq l-ikel u fuq dawn l-affarijiet, dawn l-ideat li jeċitawni ħafna. Kont qed nikkwota l-awturi, jiġifieri kienet relattivament teoretika. Imma meta kont nasal fuq il-biċċa personali, li għalija kienet teżisti fuq l-istess skala tat-teorija, wara ġew ħafna nies fuqi jgħiduli grazzi talli qsamtha magħna. Veru ħassejtni emozzjonata. Jien lanqas kont ħsibt fil-possibbiltà li din tkun biċċa xogħol li temozzjona lin-nies. Issa din mhix xi ħaġa li tista’ tagħmilha b’mod intenzjonali, li speċi tasal għaliha bi żball. Jien dejjem emmint li, biex taffettwa l-moħħ imma wkoll speċjalment il-qalb ta’ udjenza u vera tgħinhom jidħlu f’xi ħaġa, trid tagħmilha kważi bi żball u bl-aktar mod kwiet u understated possibbli. »

  • Diċembru 2023

Joey Tilbes, it-Tabù Tinża’

Omar N’Shea

Joey kienet tinżel imlibbsa u mpittra, saff eyeshadow abjad mad-dawra, faxx lapes max-xfar, u kulur skur ilellex fuq il-kappell t’għajnejha. Gloss u glitter aħmar, ras nokkli bil-backcombing u l-ġnub miġbudin u llixxati lura b’pettne tad-djamantini. Meta kienet tilbes ta’ mara, kienet tħobb tagħżel xi libsa tal-Haro, li kellhom ħanut tal-ħwejjeġ Tas-Sliema, moda impurtata f’Malta minn familja Anglo-Iżraeljana li kienu jgħixu hawn. Kellhom stabbiliment tal-ħwejjeġ ieħor il-Belt, u r-restorant LeRoy ġewwa Tigné. Lil din il-familja tal-Haro, iz-zija t’ommi, Salvina kienet għall-ewwel isseftrilhom u mbagħad bdiet tieħu ħsieb it-tfal tagħhom għax kienet taf titkellem bl-Ingliż. Kienet fuq tagħha u ommi dejjem tiġri magħha u ġieli kienet tmur magħha għandhom. Din id-dar lil ommi fetħitilha orizzonti ġodda u internazzjonali ħafna, u l-Haro kien nissel fiha sens ta’ moda, avolja qliezet u qomos tal-irġiel biss kienet tilbes. Junior, imma, kien galantom u jberbaq sew fuq Antoinette u l-gwardarobbi tal-Iklin kienu kmamar sħaħ fil-basement tad-dar, li fil-weekend spiss jispiċċaw mimlijin sinjorini jitpittru quddiem mera rettangolari kollha bozoz mad-dawra u ħwejjeġ, parrokki, u tkaken għaddejjin minn id għall-oħra ħa jaraw min se jilbes xiex. Antoinette kellha mijiet ta’ lbiesi, tant li ġieli l-kontestanti tax-shows bħal Miss Sunshine kienu jilbsu kważi biss ħwejjeġ mill-gwardarobba tagħha, qisha l-benefattriċi tat-travestì. Wara joħorġu jiżżagħblu l-Hungry Tiger u jiġu lura l-għada, kulħadd daħna, kollha daħq, żuffjett, ikkampjar, riħa ta’ xorb u sigaretti, u min jorqod ’l hemm u min jorqod ’l hawn. Imma l-parrokki kienu dejjem jidħlu lura ġol-kaxxi tal-kartun roża b’ħabel gold biex iġġorrhom minnu, imqiegħda hemm ġew fuq irjus tondi tal-ġablow li fuqhom Joey kienet tpinġi għajnejn, imnieħer u xufftejn bil-make-up t’Antoinette, u meta jiġu lura miż-żagħbil tal-lejl, kienet taqla’ l-eyelashes foloz u twaħħalhom fuqha. Il-parrokki kienu joħduhom darba fix-xahar il-Village Gossip, għand Manwel u l-Mimì, għal wash u blow dry.

  • April 2026

Murmurazzjoni #2

Luke Joseph Buhagiar

Bikja fid-Dija tal-Iskrin

Il-prinċipju tal-antinataliżmu nħaddnu imma ma nipprattikahx. Hemm purità f’ċerti tipi ta’ ipokrezija; huma ftit imma hemm purità f’dawn il-ftit. It-tip ta’ purità li tittradixxi mhux biex tiċħad imma għax tifhem li taħt ix-xewqa (li dejjem tqum qabel il-ħsieb) hemm tbaqbaq magma li l-loġika tagħha mhijiex ta’ din id-dinja, u li l-għaref jimxi mal-kurrenti tagħha mhux kontrihom. Jibqa’ l-fatt li l-eżistenza tagħna bħall-eroina: qabel l-ewwel daqqa, ma nafux x’aħna nitilfu (il-kalkoli jibdew wara). Imma għall-inqas kollox temporanju. Il-konsegwenzi tar-reat prokreattiv, għall-ħlejqa li tissawwar, idumu medja ta’ tmenin sena biss. Il-fluwidu ċerebrospinali nħossu joqgħod. Temperatura 36.5 gradi, bħat-temperatura tat-tarbija kull darba li noħodhielha. L-uġigħ fid-darsa għadu jtektek qisu borma fuq nar baxx. Il-konservatiżmu ta’ sieħbi mhuwiex fiskali, u mawra sal-emerġenza jaħfirhieli kieku. Huwa konservattiv tal-ġabra ngħidlu jien. Familja, natura, ħin għall-introspezzjoni, xi tip ta’ fidi, teknoloġija riżervata għal żviluppi mediċi u militari, mill-bqija nillimitaw l-indħil tagħha fl-isferi umani, eċċetra, eċċetra. Għalkemm segretament jogħġbuni diversi aspetti tal-ħajja miġbura, spiss ngħidlu li l-ħajja mhix sempliċi. Minkejja s-similarità etimoloġika mal-politika li jħaddan, il-ħajja mhix xi bott kunserva. Jgħidli li l-kunserva tajba, jara li dejjem ikollu maħżuna, u meta jasal fl-aħħar jibża’ għaliha l-aħħar naqra. Jgħidli li kieku bl-istess spirtu jmexxih il-pajjiż. Ngħidlu li jien m’għandix paċenzja għat-tadam, m’għandix rispett lejn l-istaġuni tal-ħajja. Lili t-togħma tal-mistura togħġobni, il-mistura zokkrija ta’ meta konna tfal.

  • Frar 2024

Il-Mara tas-Suldat

Jien_a

Fil-bidu, jekk qatt kien hemm bidu, il-maħbubin kollha sejħu lilhom infushom amazzuni. Huma u jgħixu flimkien, jinħabbu, jiċċelebraw lilhom infushom, jilagħbu, fiż-żmien meta x-xogħol kien għadu logħba, il-maħbubin fil-ġnien tal-art baqgħu jsejħu lilhom infushom amazzuni tul Żmien id-Deheb kollu. Imbagħad, xħin twaqqfu l-ewwel bliet, bosta maħbubin kissru l-armonija oriġinali u sejħu lilhom infushom ommijiet. Minn dan iż-żmien ’l hemm, il-kelma amazzuna saret tfisser għalihom tifla, li qatt ma tikber, immatura, dik li qatt ma tħaddan id-destin tagħha. L-amazzuni tkeċċew mill-bliet tal-ommijiet. Kien f’dak il-mument li dawn saru vjolenti u bdew jiġġieldu biex jiddefendu l-armonija. Għalihom, l-isem antik amazzuni baqa’ bit-tifsira oriġinali. U minn issa beda jfisser xi ħaġa aktar: dawk li jħarsu l-armonija. Minn hemm ’il quddiem stajt issib amazzuni f’kull żmien, f’kull kontinent, gżira u xatt. Dħalna fiż-Żmien Glorjuż grazzi għall-amazzuni tal-lum. Ħafna drabi maħbuba tuża ġesti biex b’ġisimha ssir tixbah dak l-annimal jew dawk l-annimali li l-aktar li għandha affinità magħhom u b’hekk tagħti pjaċir lill-maħbuba tagħha. Dan isir aktar faċli meta tkun taħt ipnożi. Trid tinsa l-mossi ta’ kuljum u ssib dawk tal-annimali tagħha. Din mhix imitazzjoni tal-annimalesk: din hija mima. Hija ħaġa diffiċli biex taqbad u tagħmilha spirtu pront, anki jekk il-maħbuba ssaqsiha biex tagħmilhielha bl-ikbar ġentilezza. “Meta ssaqsini biex nagħmilha ta’ ġemel, niddejjaq, għax rari jirnexxili.” (Charlotte Plume, Iċ-Ċirku Tiegħi, Gallija, Żmien il-Konkos.)

  • Marzu 2024

Likantropi

Davinia Hamilton

Kull fejn tħares tara kurċifiss: Kristu tal-ġibs fl-agunija divina. Fuq il-ħitan hemm inkwatri bir-ritratti tal-uċuħ imwerwra tal-bniet li ġew qabilna. Is-sorijiet għaddejjin bit-tonka u l-velu iswed qishom fuq wiċċ l-ilma. Insejħulhom “The Sisterhood”, imma mhux f’wiċċhom. Diffiċli taqta’ kemm għandhom żmien; diffiċli tqishom bħala nisa, bħal ommijietna u z-zijiet li jagħmlu l-lipstick u l-powder u l-fwieħa. Hemm minnhom iktar henjin; hemm min jitkerrah u jirrabja. Kultant, tisparixxi xi waħda minnhom. Tmut, jew tiġi trasferita. Is-soru li kienet tgħallimna l-Franċiż sparixxiet u bla kliem ġiet oħra flokha. Hemm qlajjiet li spiċċat il-manikomju, jew li sabet wieħed. Dawn l-istejjer it-tnejn affaxxinanti u nemmnuhom. Għassa mal-kuritur hemm statwa kbira ta’ Sant’Anjeże, għajnejha kannella jħarsu ’l fuq, b’girlanda fjuri ma’ rasha. Liebsa l-abjad u xalla turkważ fuq spallejha, kollha tal-ġibs, kull tikmixa u kull tinja ffurmata bir-reqqa. F’idha l-leminija qed iżżomm palma, u bl-id l-oħra terfa’ ħaruf żgħir. Tidher dħulija, qisha setgħet kienet waħda minna. Fil-klassi hawn il-bard. It-twieqi ilhom miftuħin il-lejl kollu biex tiċċirkola l-arja li kuljum tisfieq bl-irwejjaħ t’iġsma adolexxenti: għaraq, demm, deodorant u xampù. Inpoġġu tnejn tnejn fuq imwejjed li ilhom hemm minn żmien żemżem. L-injam miksi b’deċennji ta’ marki. Jien u Alice nisperaw dejjem li ma jifirduniex. Qegħdin tletin f’dil-klassi. Ilna flimkien mindu kellna erba’ snin, tlajna flimkien. Lil dax-xebbiet inħobbhom daqskemm nobgħodhom.

  • 24.02.2025

ħu ħsieb

Noah Fabri, Kurt Borg, Omar N’Shea, Raylene Abdilla

Fid-dinja Ingliża u dik tal-Punent, “to care” dejjem kienet distinta minn “thought” u “reason”. “Care” assoċjata ma’ emozzjonijiet, irtubija tal-qalb, femminilità — u mhux il-ħsieb, li dejjem kien meqjus rett, veritier u imparzjali, kif ħafna drabi huwa mfisser fil-Punent. Qisu l-Malti ma jagħmilx din id-distinzjoni radikali bejn il-ħsieb bħala ħsieb astratt u li tieħu ħsieb xi ħadd.

  • 24.02.2025

tpaxxa

Davinia Hamilton, Kurt Borg, Omar N’Shea

Jouissance, kif nafha jien, ma tfissirx biss pjaċir, imma xi ħaġa fl-estrem, li tista’ wkoll tinkludi l-uġigħ u s-sofferenza. Jouissance mhix pura, fiha hemm l-eċċess, hemm il-mewt, livell ta’ eċitazzjoni li kważi ma tiflaħhiex. Lacan jagħmel distinzjoni bejn il-pjaċir u l-jouissance. Il-pjaċir jobdi l-liġi tal-omeostażi li nsibu f’Beyond the Pleasure Principle [Jenseits des Lustprinzips], fejn il-moħħ ifittex l-inqas tensjoni. B’hekk, il-prinċipju tal-pjaċir ipoġġi limitu fuq il-pjaċir. Min-naħa l-oħra, il-jouissance tikser din il-liġi u hi “beyond the pleasure principle” u iktar tallinja ruħha mad-death drive [Todestrieb].

  • 13.02.2024

xewqa/xenqa

Davinia Hamilton, Raylene Abdilla, Kurt Borg

Il-kelma “xewqa” togħġobni iktar ukoll għaliex tista’ timplika element konxju fejn is-suġġett konxjament jista’ jixtieq xi ħaġa partikolari, filwaqt li l-kelma “xenqa” timplika passività fejn is-suġġett ma jistax ma jixxennaqx għal dak li m’għandux. Naħseb li għal Lacan, il-kunċett ta’ désir jopera kemm fil-konxju u kemm fl-inkonxju. F’dan is-sens, is-suġġett inkonxjament jixtieq totalità, jixxennaq għaliha, u fl-istess waqt li dan l-impuls inkonxju jiggverna x-xewqa, ix-xewqa nnifisha titlibbes forma li s-suġġett huwa konxju tagħha, bħal pereżempju: il-fantażija ta’ suġġett Ingliż awtonomu, ħabrieki, patrijott, aħjar mill-Ewropew u miżmum lura appuntu minħabba l-Ewropew inferjuri u l-Ewropew li jrid idaħħal l-immigranti, flimkien ma’ fantażiji dwar narrattivi ta’ grandjożità imperjali u kolonjali. Din il-fantażija Ingliża ġiet immanifestata b’mod konxju f’dawk il-votanti pro-Brexit fl-Ingilterra fl-2016. L-identifikazzjoni mal-kampanja tal-Brexit topera kemm fuq livell konxju fis-sens li s-suġġett Ingliż ħaseb li ġaladarba l-Ingilterra toħroġ mill-UE, ħa jerġa’ jsir sħiħ kif ukoll jitpaxxa (iħoss sens ta’ jouissance) bir-riżultat tal-vot. Fl-istess ħin, din il-faċċata konxja qed tgħatti l-implikazzjoni mistura ta’ xenqa għal totalità li qatt ma tista’ tinkiseb: fejn anki wara Brexit dak li ġie mwiegħed, ma wasalx.

  • Ottubru 2026

Għalhekk Qed Nivvjaġġa bil-Mod #3

Kristina Borg

9157

Tat-taxi jdum idur ftit, kważi jwaqqafni f’terminal ħażin, u bis-saħħa tal-uffiċjali tal-port jifhem li jrid iwaqqafni f’terminal F3, iddedikat għall-Grimaldi Lines. Imnalla ma ħadtx it-trasport pubbliku għax bit-tibdiliet kollha li kieku kelli nagħmel dal-ħin minn mezz għal ieħor, x’aktarx kont indum indur iktar, bir-riskju li l-ferry jħallini l-art. Hawn it-terminal jinħass terminal ta’ veru — frisk, spazjuż, organizzat, bil-bar u b’siġġijiet fejn tistenna. Neħles iċ-check-in mad-desk u, bil-boarding pass tal-karti f’idi, infittex fejn inpoġġi. Mudell ta’ vapur, magħluq ġo kaxxa tal-perspex trasparenti, jattirali għajnejja; jinzerta l-mudell tal-Cruise Barcelona — l-istess ferry li daqt nimbarka. Niflih minn kull kantuniera u nipprova nara nagħrafx fejn tista’ tkun il-kabina tiegħi. Inpoġġi fuq wieħed mit-tliet siġġijiet ta’ maġenbu u nkompli nistenna sakemm jgħajtu għall-passiġġieri bil-mixi. Tersaq lejja koppja kemxejn anzjana u tistaqsini jekk is-siġġijiet ta’ ħdejja humiex vojta. Nagħmel il-wisa’ u nċaqlaq il-basket addizzjonali minn fuq is-siġġu; il-basket taċ-ċarruta li xtrajt minn Londra issa nbidel ma’ sports bag tond, xtrajtu b’ħarba minn bazaar Ċiniż qabel ma għalqu l-ħwienet f’Santander. Għandi bokka bih dal-basket il-ġdid, l-ieħor taċ-ċarruta ma kienx se jwassal u dan iktar b’saħħtu, inħossni għamilt capture, l-iktar waqt it-traġitt lejn u minn Malaga meta kelli ngħaddi mill-kaos tal-istazzjon tal-ferrovija Madrid Puerta de Atocha. Il-ġenn ta’ Stazione Centrale f’Milan lanqas jibda ma’ ta’ Madrid, fil-fatt vera apprezzajt il-coche en silenzio li spiċċajt fih ta’ bla ħsieb.

  • April 2024

Splużjonijiet #1

Jimmy Grima

Il-kwiet u l-lejl

Kif issejħet f’diversi kitbiet, Filfla qisha artal. Speċjalment meta tqis li faċċata tagħha hemm dawk iż-żewġ strutturi li nsejħulhom tempji. Hekk sejħilhom Temi Zammit u hekk sejħulhom l-arkeologi fiż-żmien kolonjali. Ma tantx iddoqqli din tat-tempju u tal-artal, għax spiċċajna nħarsu lejhom minn narrattiva waħda biss: dik li tiffoka fuq ir-riti u ċ-ċerimonji. B’hekk, possibbilment eskludejna funzjonijiet jew raġunijiet oħra għalfejn kien jeżisti dan il-ħaġar impoġġi b’mod arkitettoniku ta’ barra minn hawn. Il-kelma tempji tirrifletti perspettiva Ewroċentrika li dehret f’perjodu meta l-akkademiċi Ewropej kienu qed jikklassifikaw u jiddeterminaw id-dinja skont in-normi u l-preġudizzji kulturali tagħhom. L-użu tal-kelma “tempji” inevitabbilment tesponi l-aspett reliġjuż jew dak tar-ritwal tas-siti. Din hija spjegazzjoni monofunzjonali li tista’ tkun qed tnaqqas mill-vera funzjoni tagħhom.Meta dawn is-siti jiġu mmarkati bħala “tempji” mill-komunità interpretattiva — li storikament kienet magħmula minn akkademiċi tal-Punent — tieħu l-awtorità li tiddetermina x’inhi u, fl-istess ħin, x’mhijiex. Il-kelma “tempji” f’kuntest kolonjali tikxef l-effetti tal-orjentaliżmu li jirrifletti mhux biss ir-relazzjonijiet tal-poter bejn il-kolonizzatur u l-kolonizzat, iżda wkoll il-mod kif dawn ir-relazzjonijiet jinfluwenzaw il-produzzjoni tal-għarfien.

  • Novembru 2026

“lejlet l-erwieħ”

Jasmine Bajada

għażiża poeta,
nhar lejlet l-erwieħ niżel bħan-nida
fuq il-qċaċet ta’ ħsibijieti,
u t-tokk solitarju tas-siegħa daqq
mal-pass sieket tiegħek.
spiss tasal għandi f’xi siegħa bikrija  — 
is-seħer ta’ dil-lejla
m’għandux x’jaqsam
miegħek hawn,
quddiem għajnejja
magħluqa.

m’hemmx għalfejn mewtek biex tidhirli.

aktar ma jgħaddi ż-żmien
aktar nagħraf li kull tieqa li nbexxaq
qatt ma tingħalaq sew, tissakkar  — 
għall-inqas mhux dawk
li niftaħ fil-ħarifa,
dawk li jagħtu għal ruħi.
la tasal hawn, għalhekk,
insibni nerġa’ nistiednek
b’ħalqi mitbuq  — 
għażiża poeta,
nixtieq inħarbxek hawn
ħa nerġa’ nisma’ kliemek  — 

dak li qrajt minqux

fit-tinja ta’ ħaddejk,
xħin tellajt is-siparju ta’ ruħek
u għamiltni widintek.
ma stajtx ninqala’ minn wiċċek  — 
diqitek qarnita żammitni fil-qiegħ
bi mnieħri ma’ xagħrek,
u r-riħa tal-melħ, tat-talb,
ħallmitni bix-Xwejni, tfuliti.

għal mument, poeta, ħsibtek dari

jew ġejt minn dawk l-inħawi,
djalett f’ħalqek qisu tiegħi
li sejjaħtli bih u stħajt,
għax stħajjiltek rajtni ħuta.
b’rogħda f’għadmi għedtlek

aqrani biss jekk tħallini naqrak  — 

dak li ktibt b’liema lingwa ġiet
skont x’qallek l-uġigħ.
m’offrejtx li ngħallmek, poeta:
jien nerħi l-vers f’idejk,
ħa tbenġlu jekk trid,
jekk trid tgħannih;
u l-biża’ tal-kelma ħallih għalija,
mistur fix-xewka ta’ dahri
ħa jżommni fil-wiċċ
met’inti terħini u nitla’  — 

inħożż għażiża fl-ilma baħar

li m’għadnix intiegħem mielaħ
bħas-sjuf ta’ dari  — 

għażiża poeta,
ħsibijieti għomja ma jagħrfux il-lejl  — 
qajmuni kmieni jsaqsuni għalik.

x’minnek poeta?

inħossok ’il bogħod, distanti  — 
aħjar, ħa nqarrbek hawn fil-kitba.
infittxek bejn dil-kelma u din,
inħithom puliti biex noftoqhom
ittra ittra  — 

imbagħad

nikteb par għajnejn
ħa nħares mit-tieqa li tagħti
għall-imkien li tinsab fih.
pupazza tal-linka, indendlek
mal-linji tal-paġna b’versi-labar
ħa niskonġrak mid-diqa
li tefgħetek f’infern

sa ma jisbaħ il-jum  — 

nikkalma, u terġa’ t-tama
li tiktibli. tinbet u twarrad u tmut,
it-tlieta f’temp ta’ jum  — 
għażiża poeta,
ikun kaġun li nbiegħdek
minni b’dawn l-ittri.
forsi ġa taħsibni qed nimrad.
ninsab f’dinj’oħra
bix-xewqa li npejjep

naqra ’l Doreen

u nikteb kulma jidħol f’rasi.
anki l-kliem bla sens, bla rima.
kultant nimmaġinani Vita  — 
ngħidlek li sfajt ħaġa li tridek.
iktar minnek, irrid inkun naf
li għadek ħajja u tinjorani,
ħa nkompli niffissa nħares
lejn it-tebgħa tal-inbid
li ħallejtli fuq il-ktieb.
għal ftit,
numbrak bil-ħlewwa  — 
kien għadu ġdid.

 —  forsi vera mradt

u kultant ngħid
jalla qatt ma narak aktar
ħa jkompli joħroġ dal-leħen
li rari jrid jitkellem
minn ħalqi għall-paġna
jekk mhux għal vers.
jekk ma narakx,
aktar niktbek, niktiblek.
mma ma’ kull qamar ġdid
qed nitlef fell’ minnek,
u x’tiswa strofa bla dettall  — 
bħal kif tnejt il-komma
tal-qmis pulzier pulzier
sakemm kxift idejk u wrejtni
kif ħaditek ix-xemx das-sajf,
in-nemex.

ma nafx għaliex, ’mma jbikkuni  — 

kollu ħtijiethom li billejl
nibqa’ nfittex it-triq li tagħti
għal kamra mwarrba minn darek,
dik li rari tara dawl u qatt ma żżur:
titfaċċa darba fill biex tfarfar,
taqta’ qalbek malajr u tgħib.
qas kamra ma rrid  — 

agħtini persjana

minn fejn tixref, poeta  — 
għal meta tkun għoddok
ħroftli mill-vers għalkollox  — 

għadni naħseb fik,
għażiża poeta,
bħalma niftakar f’dawk
il-versi l-aktar għal qalbi  — 
mhux ma’ kull nifs,
mma mal-kultantijiet
li toffri l-ħajja  — 
war’għafsa ta’ qalb,
wara tbissima  — 
għażiża poeta,
dil-pinna għalik
biex tiktibli biha.

’ppruvaha  — 

kemm terħi, hux?
kemm tiġri, meta tridha  — 
kemm nimmaġinaha
taħt idek, qatt bierda  — 

għażiża poeta,
naqbel perfettament miegħek
li sensibbiltà poet’ka
hija importanti immens
għat-tiswir tal-persuna-poeta.
li jinteressani hu minn fejn
ġejja dis-sensibbiltà  —  jew,
fi kliem ieħor, jekk tinsabx
diġà fil-persuna, jekk tikbirx
waħedha jew għandhiex bżonn
it-tisqija, jekk tistax tinbet
mix-xejn, bl-esperjenza.

hekk kif qed nikteb

dan il-kliem ma nistax
ma naħsibx dwar il-qari.
bħala poeta żagħżugħa
nemmen li għandek
tkun qarrejja impenjata,
li taqra u ssib familtek
fil-poeti ta’ stoffa.
għandek issib
l-omm li tagħder u tweġġa’,
il-missier kontra min
teħodha, u li tqis kultant
bil-ħlewwa, ħutek fil-ħsieb,
fl-espressjoni, fil-ħsus.

meta taqra tgħix

dak li taf fi kliem ieħor,
tiskopri dak li seta’ kien
f’ħajtek u ma seħħx
jew għadu jrid isir.
meta taqra titgħallem
kemm għandek x’tgħid,
u kemm ġa ntqal ħafna.
meta taqra titgħallem
ma ssejjaħx dak kollu
li tħarbex poeżija.
meta taqra tkun qed
issawwar il-leħen,
tħarreġ il-vuċi,
għax minn familtek
tieħu tant u tagħmlu tiegħek.

aqra minn kollox  — 

immarka l-poeżiji li jqanqluk,
għożżhom qabel tipprova
tifhimhom, imbagħad studja
kif iħaddmu l-poetiku  — 
iktibhom fi kliemek,
erġ’aqrahom
meta tħossok se tiskot  — 

aqra, ikteb, aqra  — 

għażiża poeta,
qed nibgħatlek lil
William Carlos Williams
kif tlabtni.
ħudli ħsiebu dan il-ktieb
għax tant għal qalbi.

 —  darba kiteb

no ideas but in things  — 
b’hekk naf biċ-ċert li
jien u hu, f’ħajja oħra,
konna ħbieb (għala le?)
bħalm’aħna f’din  — 

għażiża poeta,
il-pjan għal-lejla kien li nikteb,
li mmidd idi u naħdem fit-tul,
forsi xi darba nagħlaq il-ġabra.
bħas-soltu poġġejt mal-iskrivanija,
bramt sieq taħti u bil-lapes f’ħalqi

tfajt ħarsti ’l ġewwa.

għaddew siegħa, sagħtejn
mingħajr vers wieħed
li hu wieħed komplut,
l-ebda xaqq ta’ dawl
ħlief kelmtejn  — 

wiċċ qamri.

ma ħlomthomx, dal-kelmiet  — 
naf sew minn fejn ġew,
minn liema lejl’iddew bħal kwiekeb
li tibqa’ tara għal xi żmien,
qabel fl-aħħar iċedu u jmutu.
kont għadni mank naf ismek.
kien dakinhar li ltqajna  — 
fl-udjenza lmaħtek tħares fiss lejja,
għajnejn jibbru f’qamar kwinta.
għal mument tlift il-fil  — 
wiċċ qamri  — 
rajt il-kliem miktub b’idejja
quddiem għajnejja,
ħarstek il-poet’inkonxja tagħhom.
skużajt ruħi u rġajt
bdejt naqra mill-bidu.
li kieku ma ġejtx tintroduċi ruħek,
għalija kont se tibqa’
dawk il-kelmtejn
li kienu se jsibu ruħhom
f’xi poeżija  — 
fil-qalba ta’ ruħha umana,
fl-intimità tagħha.
imm’inti ġejt tgħidli
x’jismek, ħadt gost tismagħni,
li tikteb ukoll, dal-aħħar
ma tantx, kollu tort
tal-qsim il-qalb.

kien xieraq li jerġa’ jitfaċċa

l-wiċċ qamri f’dal-lejl għammieq.
donnu ma riedx jinkiteb
jekk mhux għalik.
issa li ktibtu  —  ktibthulek  — 
inkewwes kafè
u nerġa’ nibda  — 
għażiża  — 
dil-qoffa larinġ
waslitlek bit-tama li ħalqek,
magħluq għall-kliem,
mill-ġdid jinferaq
għal dil-benna
li tagħti bla tistenna,
tqawwi ’l ġismek
għal meta jasal
waqt qalbek.
fadal frott fis-siġra  — 
ejja ħu kemm trid
u ’nsieh il-kliem,
sellimli biss  — 
ma nafx x’nista’
nroddlok aħjar
milli joffri l-larinġ,
f’daż-żmien
li tinsab fih  — 

għażiża, ħu ħsiebek  — 
ħallik mill-poeżija.
wara kedda bħal dik,
kif tridek tikteb?
il-vers jiġi żmienu, tibżax.
ġieli jiddawwar, idum biex jasal,
mma la jħabbat isib idek
diġà soda fuq il-pum.

aktar ma jitlajja, kultant,

aktar aħjar. ma nafdax
fil-vers miktub fl-agħar  — 
arani, snin ta’ kitba warajja,
u qatt għadni qattajt siegħa
mad-dulur tal-qalba.
kk jiġi jtektek mat-tieqa,
nagħmel tabirruħi ma smajtux.

għażiża poeta  — 

għalissa iskot, iskot ftit.
stenna l-materjal uman
jitlef mill-preżenza tiegħu  — 
u la jsir jixbah ftit aktar memorja,
arah jinbidel f’materja poet’ka.

fuq kollox, sikket dawk id-dubji

li għax ilek ma tikteb
tlift il-kitba għalkollox.
minnek sponta l-vers għax jista’,
u la seta’ jerġa’ jista’  — 
bħas-siġra li tibqa’ tagħmel
il-weraq, sena wara sena.
il-poeżija hija l-waħda fik
mhux il-ħafna fuq il-paġni  — 
is-siġra li tħaddar mhux il-weraq.

aqra fil-kwiet, u ħu nifs  — 

tinsiex tħares ’il barra.
kemm stennew lir-rebbiegħa
dal-poeti li naqraw  — 
daqslikieku x-xitwa
m’għandhiex il-fjur tagħha  — 
għażiża poeta,
meta nkun qed insuq u ninnota,
għall-ewwel darba, is-siġar tal-lewż
mogħni bil-fjur roża, inħossni
nimtela  —  se nfur  —  bix-xewqa
li nikteb din ix-xbieha. mhux hekk
nixtiequ mill-poeżija?  —  li tkun
xejn inqas minn mirakoluża  — 
filli friegħi li tara bla ma tagħraf,

filli fjur, u fjur.

ma tħossx, meta tpoġġi biex tikteb,
il-polz poet’ku ta’ kull kelma
jħabbat? imma b’liema ħsieb,
b’liema ġest il-kelma magħżula
minn magħluqa tinfetaħ
f’offerta fertili,
il-wegħda tal-frott?

li tkun siġra tal-lewż  — 

li tgħix kull staġun ġurnata b’ġurnata,
li tagħraf ir-rebbiegħa riesqa,
is-sbuħija tax-xitwa  — 
li tkun poeta mhu xejn aktar  — 
għażiża poeta,
grazzi mill-qalb.
naħseb il-fjuri huma l-awguri,
u l-poeżija hija l-kemm nixtieq
nerġgħu niltaqgħu.
jekk fhimt tajjeb, iktibli.
kk fhimtek ħażin, ikkoreġini  — 
għażiża poeta,
l-ittra tiegħek sabitni
mxennq’għal vers misjub
fil-labir’intimi tal-qalb,
vers li jaf jistabar u jħenn.
imħabbti ma tagħdirnix  — 
tridni ngħir, tridni nagħmel
dak li mhux xieraq  — 
tridni nfittxek,
avolja m’intix tiegħi.
imħabbti trid titħalla
ssir infern fiex nissaffa  — 
u ħadd ma jista’ jlumni
għajr ir-ruħ ta’ ruħi,
l-poeżija. fi kliemha,
imħabbti ssib l-ilsien
li ma jridx jiskot
bl-għerf li hu veru,
xejn inqas minn divin.
ma tibqax it-tama li
tgħib hekk kif tfeġġ.
ma nibqax nistenna
fejda li ma taħmilnix,
qatt ma jasal waqtha.
il-vers iħobbni,
jibża’ għalija  — 
jagħtini l-qalb inħobb  — 
għażiża poeta,
l-agħar ħaġa li tista’ tagħmel
hi li tikteb biex timpressjona  — 
meta l-kliem apposta jkarwat
f’widnejn il-qarrej bir-rabja
jew disprament, u l-metaf’ri
huma labirinti kbar, b’qas lemħa
tal-Minotawru, ’qas l-iċken ħoss.
meta tħoss il-ġibda li tikteb hekk,
staqsi lilek innifsek
għal min qed tikteb, u għaliex
dan hu aktar importanti
mill-poeżija nnifisha.
il-poeta veru jikteb
daqslikieku kulħadd
se jaqra vrusu,
u jara li jinftiehem
anki minn min ilu s-snin
ma jaqbad ktieb.

il-poeżija suppost faċli  — 

turik, twissik, tbikkik,
sikwit tagħtik x’taħseb
mhux għax impressjonatek
bil-kapolavuri ta’ kliem, anzi  — 
għax daħlet taħt ġildtek
bit-togħma biss ta’ lsienha
bil-ħsus fuq il-ponot ta’ kliemha.
mal-wasla tat-tmiem tagħha
fhimtha, u fehmitek.

il-poeżija li taf tkun faċli

tixher bla ma turik
tant li tinsa l-mod kif
mill-ftit qalet ħafna  — 
għalhekk tpoġġu…

Dekorazzjoni art-nouveau