Il-Lanza, il-Labra, il-Qoffa, l-Azzarin

Loranne Vella

Il-Frammenti ta' Saffo Warren Bartolo, tr. (EDE Books, Malta 2023)

Ġieli jagħti l-każ li, jien u naħseb fuq ktieb li qed naqra, nibda nara f’kotba jew xogħlijiet oħrajn l-istess ħsieb, jew mod ta’ ħsieb mhux wisq ’il bogħod minnu, tant li nibda nissuspetta li fil-fatt qed jgħidu l-istess ħaġa, li l-kwistjoni qed jarawha mill-istess perspettiva. U allura, x’kumbinazzjoni li qed naqra żewġ jew tliet kotba miktubin fi żminijiet għalkollox differenti li qed jipproponu l-istess ħsieb! L-istess jiġrili jien u nikteb. Nibda nhewden fuq idea li mbagħad nibda naraha f’kull kitba oħra li naqra. Għadni kif qrajt it-traduzzjoni mill-Grieg Antik għall-Malti tal-Frammenti ta’ Saffo, ta’ Warren Bartolo. Din l-edizzjoni, li ħarġet f’Mejju 2023, tinkludi daħla, nota tat-traduttur dwar id-dixxiplina tat-traduzzjoni, annotazzjonijiet dettaljati għal kull framment u lista ta’ ismijiet imsemmija fuq wara. Jien u naqra n-noti u l-kummenti tat-traduttur, dwar x’inhu, skont hu, is-sinifikat ta’ Saffo llum, dwar it-traduzzjoni bħala proċess ta’ trasformazzjoni u mutazzjoni, dwar il-ħarsa queer ta’ Saffo, moħħi beda joħodni mingħajr ma rrid għaż-żewġ kotba l-oħra li kelli ħdejja.

Dal-aħħar kont qed inqatta’ l-filgħaxijiet tiegħi mal-aktar xogħol riċenti ta’ Paul B. Preciado, Dysphoria mundi, li jista’ jinqara bħala d-djarju ta’ dinja li, kollha kemm hi, qed tbati minn disforja u għaddejja minn tranżizzjoni. Din mhijiex l-ewwel kitba ta’ Preciado li tipproponi rivoluzzjoni radikali fil-mod kif inħarsu lejn id-dinja madwarna u naqrawha, u kif nistgħu, u għandna, nisfidaw l-oppressjonijiet, viżibbli u mhux, li joħonquna. Iżda bħala xogħol inħoss li huwa l-ewwel wieħed li jaspira, fuq skala tant kbira, li jitkellem dwar it-toqol — storiku, politiku, psikoloġiku, teknoloġiku, ambjentali — bħala fenomenu kumpless li jseħħ fil-konfini planetarji u juri li, mhux biss individwu jew komunità, iżda saħansitra d-dinja stess hija disforika. Hija d-dinja fit-totalità globali tagħha li mhijiex qed treġġih dan it-toqol, u li teħtieġ li ssib reġim għalkollox ġdid biex terġa’ tiġi fuq saqajha, biex il-ħajja terġa’ tiġi sapportabbli. Teħtieġ trasformazzjoni, mutazzjoni, jew aħjar, mikromutazzjonijiet li jwasslu għal konfigurazzjoni ġdida tar-relazzjonijiet bejn il-poter, l-għarfien u l-ħajja, bidliet li jġibu magħhom mod għalkollox ġdid ta’ kif nikkonċepixxu l-bniedem, il-mewt, il-konfini, il-ġisem, l-identità, id-differenzi sesswali u tal-ġeneru, id-demokrazija, ir-reliġjon. Biex forsi sa fl-aħħar tinqala’ mill-morsa kapitalista, patrijarkali u kolonjali, mill-ħakma “petro-sesso-razzjali” — it-terminu bażi f’dax-xogħol ta’ Preciado. Teħtieġ sfida enormi. Teħtieġ diżubbidjenza fuq livell dinji. Bir-rivoluzzjonijiet femministi, queer, trans u antirazzisti li għaddejjin bħalissa, u l-kontrarivoluzzjonijiet li qed iġibu magħhom, dir-rivoluzzjoni ipotetika forsi diġà bdiet.

Dysphoria mundi huwa djarju voluminuż, iżda l-ħsieb tiegħu joħodni wkoll għal ktieb ieħor li għandi quddiemi, għal dik li forsi hija l-iqsar kitba li qatt qrajt li kellha impatt kbir fuq il-mod kif naqra u nifhem l-istorja tal-bniedem. “The Carrier Bag Theory of Fiction” huwa esej ta’ Ursula K. Le Guin mill-1988 li, fi ftit iktar minn elfejn kelma, jurina fejn qiegħed il-bidu li minnu wasalna fejn qegħdin illum: fir-rakkuntar tal-ewwel storja fejn l-eroj, raġel b’saħħtu armat bil-lanza — li ħadna l-vizzju nsejħulha l-ewwel teknoloġija tal-bniedem — jitlaq mill-komunità agrikola tiegħu biex imur ’il bogħod, jiffaċċja l-bestja — il-mammut — u jiġi lura biha mbiċċra, idejh imdemmin. Huwa u joffri laħamha għal ikla festuża flimkien ma’ għanja li tirrakkonta l-avventura kollha li seħħet tul dal-vjaġġ, m’għandu l-ebda dubju li s-semmiegħa se jinġabru madwaru jisimgħuh, widnejhom miftuħin, għajnejhom imberrqin. Le Guin, però, tfakkarna li fil-fatt il-lanza mhijiex l-ewwel teknoloġija fl-evoluzzjoni tal-bniedem. Qabilha kien hemm il-qoffa, il-basket, ir-reċipjent maħdum mill-fibri tal-pjanti jew mix-xagħar, li fih kien jinġabar dak kollu li kien meħtieġ fil-ħajja ta’ kuljum: ċereali għall-ikel, weraq għall-mediċini, frott għall-allat. Le Guin hija magħrufa għat-trattament tagħha tal-ġeneri, tas-sistemi politiċi, u tad-diversità fil-kitba tagħha. Minkejja li tiġi kkwotata f’xogħlijiet ta’ ħassieba kontemporanji, bħal Preciado nnifsu jew Donna Haraway, Le Guin ma kinitx primarjament ħassieba — tant li kienet tgħid li l-iffilosofizzar tħallih f’idejn il-filosfi — iżda kittieba ta’ stejjer tal-fantaxjenza. Il-mod kif kienet tindirizza l-kwistjonijiet li nassoċjawha magħhom kien billi toħloq dinjiet alternattivi biex permezz tagħhom tesplora modi differenti ta’ kif tista’ tkun aħjar il-ħajja, ta’ kif jista’ jkun mod ieħor kif ngħixu, b’enfasi qawwija fuq il-gwerra bejn il-ġeneri, il-patrijarkat u l-ambjent naturali. Din il-fabulazzjoni spekulattiva, tispjega Donna Haraway fl-introduzzjoni tagħha għall-esej ta’ Le Guin — fl-edizzjoni tal-2019 li għandi f’idejja — hija għodda tajba li biha nimmaġinaw dinjiet li jistgħu jkunu radikalment differenti minn dik li nafu. Bħala kunċett, dan huwa rfinat sew fil-kitbiet ta’ Haraway, bħalma naraw fil-proġett tagħha tal-2018 Making Kin not Population: Reconceiving Generations li jindirizza l-konsegwenzi ambjentali li ġġib magħha ż-żieda fil-popolazzjoni dinjija, mingħajr ma jaqa’ fin-niħiliżmu, jekk mhux ukoll razziżmu sfaċċat, li dan l-argument ħafna drabi jġib miegħu. Permezz tal-fabulazzjoni, is-sinifikati u l-interpretazzjonijiet tradizzjonali ma jibqgħux jidhru daqshekk ċari u distinti, u l-moħħ jinħeles biex joħloq u jilħaq possibbiltajiet ġodda — mhux dinjiet barra minn tagħna, imma realtajiet għalkollox ġodda fid-dinja li ngħixu fiha. Bl-istess mod, f’idejn Le Guin, kull dinja, bħal qoffa, hija fiha nnifisha l-istorja fejn jista’ jseħħ kollox, fejn nistgħu nqiegħdu l-impossibbiltajiet, il-ħolm, l-istilel — u nilħquhom.

Hemm stejjer bil-lanza, bit-taqtigħa sfrenata, imdemmija, dwar dak il-wieħed li fl-aħħar joħroġ rebbieħ. Imbagħad hemm l-istejjer bil-qoffa, li narawha timtela bil-mod il-mod, nedhew niflu kull frotta li titqiegħed fiha, nistagħġbu bil-ġmiel, bl-ilwien, bl-emozzjonijiet li jitqanqlu fina hekk kif narawha timtela sa ma tfur. Iżda kull fejn inħarsu, l-aktar li naraw huma l-istejjer bil-lanza, għax l-istejjer bil-qoffa ma tantx jagħmlu ħoss. Kif tgħid Le Guin, “kif se tikkumpara rakkont dwar kif qaxxart żerriegħa wara l-oħra tal-ħafur salvaġġ, kultant inħokk gidma ta’ nemusa, imbagħad Ool qal ċajta u morna mixja sal-qala, xrobna u qgħadna niċċassaw lejn il-gremxul tal-ilma… mar-rakkont dwar kif il-lanza nifdet il-ġenb muswaf tal-annimal kbir daqs ġolf hekk kif Oob, minfud bil-qarn, kien qed jixher u jitkagħweġ bl-uġigħ, demm itir kullimkien… sa ma fl-aħħar sparajt il-vleġġa dritt f’għajn il-mammut li baqgħet dieħla sa moħħu”. Kull fejn tħares issibhom dawn l-istejjer, trid tagħmel sforz kbir biex tevita li tarahom, kull waħda iterazzjoni ġdida tal-istess storja, imlibbsa libsa ġdida skont l-aħħar moda. Niftakarni meta bdejt nitbiegħed minnhom stejjer bħal dawn, fl-istess żmien li kienu tawni l-parir li, jekk se nkompli nikteb stejjer għall-etajiet ta’ bejn l-għaxra u l-erbatax-il sena, mela rrid nibda b’ħafna azzjoni, b’ġirja sfrenata tal-qtugħ ta’ nifs fl-ewwel paġna biex il-qarrejja jinħakmu mal-ewwel sentenza u jibqgħu mwaħħlin mal-ktieb sal-aħħar paġna. Għax dawk huma l-istejjer li jbigħu. Imma jien il-bejgħ mhux li tant jinteressani.

Is-suq donnu f’konġura biex jaħbihomlna l-istejjer bil-qoffa. Dejjem ferħa meta jirnexxili nsib wieħed minn dawn ix-xogħlijiet. Ftit ġimgħat ilu qrajt Ma mère rit, memoir intimu ta’ Chantal Akerman dwar ir-relazzjoni tagħha ma’ ommha fl-aħħar ftit snin ta’ ħajjitha, u lbieraħ irnexxieli nara l-aħħar film ta’ Akerman, No Home Movie, li prattikament jaħdem bħala akkumpanjament għal dal-memoir. Huwa tip ta’ rakkont li fih, b’pass kajman fejn donnu ma jiġri xejn, ħajja tkun qed tinqaleb ta’ taħt fuq, u meta tasal fit-tmiem tiegħu tintebaħ li ħajtek tkun inqalbet magħha. Iżda trid tkun lesta, bil-paċenzja kollha u mingħajr għaġla, li timxi bl-istess ritmu ta’ film bħal dan, titgħaxxaq u titpaxxa bis-skiet, bl-immaġni kważi statika li taf iddum minuta sħiħa jew iktar qabel ma taqta’ għax-xena li jmiss, li tħallik tifliha sew, tiskanta kemm kapaċi tintebaħ b’dettalji li ma tkunx ilmaħt mal-ewwel daqqa t’għajn. U dak is-skiet u l-vojt kapaċi timlieh int jekk trid, u tagħmlu tiegħek. Għad għandna l-paċenzja u l-ħin nagħmluh dan? U jekk le, xi jfisser?

Il-lanza ppuntata, tniggeż u toqtol. F’verżjoni ċkejkna tagħha tista’ tkun labra. Hemm dik il-labra li tinfed il-farfett u tħallih tal-post. Imbagħad hemm il-labra tal-insiġ, tat-tiswija. Is-sena l-oħra mort nara l-wirja “The Woven Child” ta’ Louise Bourgeois, fil-Hayward Gallery, Londra, wirja li tiġbor flimkien xogħlijiet mill-aħħar għoxrin sena ta’ ħajjitha. L-arti ta’ Bourgeois tiffoka speċifikament fuq il-bniedem, fuq il-biżgħat u l-insigurtajiet tiegħu, fuq id-dominanza u l-oppressjoni mill-missier, u wkoll fuq il-kura u l-ħarsien tal-persuna f’dinja li lesta tgħakkisha. Fl-aħħar għoxrin sena, Bourgeois ma baqgħetx bħal qabel, tuża biss materjal iebes bħall-irħam, il-bronz, il-metall u l-għadam tal-annimali f’xogħolha. Minflok, bdiet toħloq xogħlijiet magħmulin minn materjali iktar morbidi, bħal ħwejjeġ, lożor, xugamani, drappijiet, meħjutin u minsuġin flimkien biex forsi tagħmel paċi mat-trawmi tat-tfulija tagħha. Kull tiċrita u kull ħjata hija eku ta’ separazzjoni li kellha bil-paċenzja kollha terġa’ traqqa’ u ssewwi. Jekk, għal Le Guin, l-alternattiva għal-lanza hija l-qoffa, għal Louise Bourgeois hija l-labra tal-insiġ. Bourgeois, li trabbiet f’familja li kienet taħdem fir-restawr tat-tapezzeriji, u anki hi stess kienet ta’ spiss tagħmel dax-xogħol ta’ tiswija hi u tikber, tgħid li minn dejjem kien jaffaxxinaha s-seħer tal-labra. Mhux il-labra li, bħal lanza fiċ-ċokon tniggeż u ttaqqab sa ma toħroġ id-demm. Iżda l-labra tal-ħjata li tintuża biex issewwi d-danni u permezz tat-tiswija titlob maħfra għall-ħsarat. Dil-labra, tgħid Bourgeois, qatt mhi aggressiva.

Mhijiex xi kumbinazzjoni kbira li ħassejt li jista’ jkun hemm konverżazzjoni għaddejja bejn il-lirika ta’ Saffo u x-xogħlijiet tal-oħrajn — Preciado, Le Guin, Akerman, Bourgeois — li semmejt. Waħda mill-aktar siltiet ikkwotati minn Saffo, l-ewwel strofa tal-framment 16, tgħanni l-istess ħsieb li jirfed kemm l-argument ta’ Preciado, kif ukoll il-proposta ta’ Le Guin:

Xi wħud jgħidu li armata tal-kavallerija, xi wħud jgħidu li armata tal-fanterija,
oħrajn jgħidu li flotta ta’ bastimenti hija l-isbaħ ħaġa
fuq l-art sewda, imma jien ngħid li hi
dik li wieħed iħobb.

Il-lirika ta’ Saffo hija dwar l-intimità, iż-żegħil u t-tfesfis; dwar l-imħabba, l-għira, l-erotiċiżmu; dwar ix-xewqa, l-istennija u x-xenqa femminili; dwar il-fwejjaħ, il-ħlewwa tal-għasel u l-frott; dwar l-uġigħ tal-firda; dwar il-mewt. Kliemha huwa senswali iżda b’saħħtu, hekk kif narawha tirrifjuta d-dinja tal-irġiel bl-ossessjoni tagħhom bil-ġlied u l-gwerer, u tfaħħar minflok il-ġmiel — kemm tal-maħbuba u kemm tan-natura — u l-ferħ li jġib miegħu dal-ġmiel. Il-kitba ta’ Saffo tibbaża għalkollox fuq l-emozzjoni u l-esperjenza suġġettiva tal-individwu u b’hekk toħloq kuntrast qawwi mal-poeżija fil-forma epika, drammatika u liturġika — li ġeneralment teżalta l-qawwa tal-eroj rebbieħ fil-konkwisti tiegħu — li kienet qed tinkiteb, minn poeti rġiel, fl-istess żmien.

Snin ilu ħadt id-deċiżjoni li, jekk se naqra xogħol letterarju jew kitbiet oħrajn b’lingwa li ma nafx — eż. ir-Russu, il-Ġappuniż, eċċ. — naqrahom tradotti mhux għall-Ingliż, kif kelli t-tendenza nagħmel meta kont għadni ngħix Malta, iżda għall-Franċiż jew it-Taljan, iż-żewġ lingwi oħrajn li nħoss li naf sew. Dan għax, wara snin kbar nikkonsma xogħlijiet bl-Ingliż, anki traduzzjonijiet, intbaħt kemm li meta nużaw lingwa waħda biss — u, aktar minn hekk, jekk dil-lingwa tkun ukoll il-lingwa kolonjali — bħala filtru ta’ dak kollu li ġej minn barra, dan idgħajjef l-impenn postkolonjali tagħna u jnessina li l-proċess ta’ dekolonizzazzjoni qatt ma bdejnieh verament. Dan kien, u għadu, il-mod tiegħi kif niddekolonizza.

Illum nista’ ngħid li, permezz tax-xogħol mirqum fit-traduzzjoni ta’ Bartolo tal-lirika ta’ Saffo, ma’ dawn iż-żewġ lingwi konxjament se nżid il-Malti bħala mod kif nersaq lejn xogħol letterarju miktub oriġinarjament b’lingwa li ma nafx — f’dal-każ il-Grieg Antik — mingħajr ma nħoss li qed nitlef xi ħaġa għax mhux qed naqrah, pereżempju, bl-Ingliż. Din hija ta’ importanza kbira għalija għax rari, jekk qatt, qrajt il-verżjoni Maltija, meta tkun teżisti, ta’ xogħol b’lingwa li ma nafx. Il-Bħagawad Gita, ngħidu aħna, nista’ naqraha bil-Malti — traduzzjoni mis-Sanskrit ta’ Michael Zammit — iżda jekk ma nagħmilx sforz, s’issa dejjem kont se nfittex traduzzjoni tagħha bl-Ingliż, jew minn ftit snin ’l hawn, bil-Franċiż jew bit-Taljan. Mhux għax ma jeżistux traduzzjonijiet fil-Malti: Ir-Repubblika ta’ Platun, Dwar l-Arti tal-Poeżija ta’ Aristotli, L-Odissea ta’ Omeru, L-Eleġiji ta’ Properzju — dawn kollha nista’ nsibhom bil-Malti. Parti ġmielha tar-repertorju teatrali Grieg ġiet maqluba għall-Malti. L-istess nista’ ngħid għax-xogħol bil-Latin, speċjalment dak tal-era Nisranija bħal, ngħidu aħna, Santu Wistin. Jekk kont nitħajjar naqra wieħed minn dawn ix-xogħlijiet, mingħajr ma naħsibha darbtejn, kont immur għal traduzzjoni f’lingwa oħra, forsi mhux l-Ingliż, iżda żgur mhux il-Malti. Il-proċess ta’ dekolonizzazzjoni ma kontx ħadtu sa dal-punt u nammetti li parti minni kienet tqis li, la għandi naqra traduzzjoni, mela kull traduzzjoni oħra dejjem se tkun aħjar minn dik bil-Malti.

Imma li kieku ridt insib il-frammenti ta’ Saffo bil-Malti ma stajtx. Għalfejn kellna nistennew sal-2023 biex sa fl-aħħar l-ilsien Malti jistagħna bil-lirika u l-poeżija ta’ Saffo, poeta li konna mingħalina nafuha sew tant drajna naqraw xogħolha b’lingwi oħrajn? Għalfejn, minkejja li kellna għadd kbir ta’ klassiċisti — prattikament kollha rġiel — jittraduċu mill-Grieg u l-Latin għall-Malti, ħadd minnhom qatt ma ġieh f’moħħu jittraduċi lil Saffo? Mhux qed insemmu awtur oskur imma poeta li kellha l-ammirazzjoni ta’ nies bħal Platun, u kienet onorata billi x-xbieha tagħha saħansitra tqiegħdet fuq muniti. Saffo kienet meqjuma minn poeti oħrajn, fosthom Catullus, fl-ewwel seklu QEK, li ttraduċa, jew aħjar, adatta fil-Latin, il-poeżija nru 31 tagħha — dik li nafuha bħala Catullus 51. Mix-xogħol tiegħu m’għandna l-ebda dubju li Catullus kellu ammirazzjoni kbira għal Saffo. Forsi mhux ta’ b’xejn li l-poeżiji tiegħu konxjament jitbiegħdu mill-poeżija epika klassika fit-tradizzjoni ta’ Omeru dwar it-taqtigħat u l-għeġubijiet fl-għemejjel kbar tal-eroj u l-allat, u jiffukaw, minflok, fuq il-ħajja personali tiegħu u ta’ bnedmin komuni bħalu, fuq il-kwistjonijiet u l-emozzjonijiet fiċ-ċokon tal-ħajja ta’ kuljum.

Isem Saffo huwa sinonimu mal-viżjoni utopika, ħafna drabi kontroversjali, ta’ mara ħielsa mill-ħakma tal-patrijarkat, mill-konvenzjoni eteronormattiva, u għaldaqstant l-istorja ta’ kif intlaqgħet Saffo tul is-sekli hija parti essenzjali mill-importanza tagħha fil-kanonu letterarju. Nafu li kemm-il darba traduzzjonijiet ġew adattati, siltiet ġew eliminati u kelmiet ġew mibdula bil-għan li tinħoloq, fi kliem Bartolo, “Saffo ħielsa mit-tebgħa tal-omoerotiċiżmu”, li ma jmurx il-poeżija ta’ Saffo jkollha impatt ħażin fuq il-qarrejja. Għalfejn il-poeżiji ta’ Saffo mhumiex fost dawk ix-xogħlijiet li kienu qed jinqalbu mit-tradutturi Maltin fit-tieni nofs tas-seklu għoxrin? Forsi għax ħafna mix-xogħlijiet li kienu qed jinqalbu kienu ta’ natura reliġjuża? Forsi minħabba l-omoerotiżmu fil-lirika tagħha li wassal biex xogħolha jitwarrab bil-Malti, għax kif nafu sew, ċerti kwistjonijiet kapaċi nindirizzawhom bl-Ingliż iżda bil-Malti jieħdu xejra tal-biża’ u ma nkunux nafu niffaċċjawhom? L-aġġettiv Saffiku, li fis-seklu sittax kien jirreferi għall-metrika fil-poeżija ta’ Saffo, mit-tmiem tas-seklu dsatax ’l hawn beda jiġbor fih l-idea ta’ relazzjoni omosesswali bejn in-nisa. U t-terminu liżbjana, li oriġinarjament kien ifisser persuna li ġejja mill-gżira ta’ Lesbos, bħal Saffo, illum irridu nagħmlu qabża mentali biex infakkru lilna nfusna li mhux minn dejjem kien jindika orjentazzjoni sesswali. Forsi għax Saffo poeta mara u l-kitba tagħha mhux denja għat-traduttur akkademiku Malti li sas-seklu għoxrin kważi dejjem kien raġel? Forsi għax frammenti biss fadlilna ta’ Saffo u lanqas ħaqq nintilfu fuq fdalijiet daqshekk żgħar? Jew verament għax il-lirika tagħha tipproponi tluq mill-istruttura patrijarkali u eteronormattiva li s-soċjetà Maltija għadha tibbaża fuqha bis-sod sal-lum?

Bgħatt nistaqsi lil Maria Grech Ganado jekk il-figura ta’ Saffo jew il-poeżiji tagħha qattx kienu influwenzaw il-kitbiet tagħha. Ma kellix għalfejn nistaqsiha b’liema lingwa kienet qrathom. Qaltli li kienet qrat ix-xogħol ta’ Saffo meta kienet żgħira iżda ma setgħetx tiftakar mill-ewwel jekk qattx kienet semmietha fil-poeżiji tagħha. L-għada reġgħet kitbitli għax kienet ftakret eżatt x’kien dwar Saffo li wassalha biex tidentifika mal-poeżiji tagħha — l-espressjoni tal-emozzjoni personali ta’ mara. Fil-kitba tagħha stess, qaltli Maria, kemm jista’ jkun tenfasizza aktar l-emozzjonijiet personali milli l-kwistjonijiet soċjali.

L-attiviżmu politiku rajnieh f’ħafna forom Malta. Iżda diffiċli ħafna biex tmur lura u ssib evidenza ta’ attiviżmu femminista, kemm politiku u kemm letterarju. Kien hemm ix-xogħlijiet ta’ poeti bħal Doreen Micallef u Maria Grech Ganado, u żgur li kien hemm xogħol ieħor li ma sabx leħen fl-istituzzjonijiet kif kienu dak iż-żmien. Mhux talli hekk, talli l-ġlidiet li rajna fis-seklu għoxrin, li kienu taqtigħat għall-ħelsien tal-pajjiż mill-kolonjalisti Ingliżi, kienu ssudati permezz tal-istruttura patrijarkali tal-familja nnifisha, li kienet meqjusa s-sisien u d-dritt indiskutibbli tas-soċjetà Maltija, struttura li kienet tpoġġi fit-tmexxija tagħha ’l-missier, u tiddefinixxi r-rwol tal-mara bħala dak ta’ indukrar tal-familja u l-ulied. Minkejja d-diffikultajiet kollha li kienet tiltaqa’ magħhom il-mara anki sa tmiem is-seklu għoxrin, fosthom l-ossessjoni bir-rwol tagħha ta’ appoġġ għal żewġha u omm għaqlija għal uliedhom — kollha kemm aħna għandna nanniet u zijiet li kienu tmint aħwa u anki iktar — xejn ma jidher li kien hemm sforzi kbar li għamlu xi tip ta’ ħoss biex il-mara taqla’ lilha nnifisha minn din il-pożizzjoni żvantaġġata li kienet imqiegħda fiha. Forsi mhux kumbinazzjoni li waħda mill-ftit protagonisti nisa tal-ħajja politika Maltija tas-seklu għoxrin kienet Agatha Barbara, mara mhux miżżewġa. U żgur li mhux kumbinazzjoni li l-iktar mod komuni li kienet tiġi insultata bih kien dak li llum kieku nsejħulu tgħajjir omofobiku u transfobiku — Agatha Barbara kienet tikkonfondi l-ideat dwar il-ġeneru tas-soċjetà ta’ dak iż-żmien, u forsi tal-lum ukoll. Jekk Saffo kienet qed tinqara minn tfajliet Maltin fis-seklu għoxrin, il-lirika tagħha ftit li xejn kien qed jirnexxilha tqanqal viżjoni ta’ realtà oħra u ta’ ħajja ħielsa għall-mara, tant li tasal li tittieħed bħala emblema ta’ reżistenza. It-taqtigħa fejn tidħol is-sesswalità kif ukoll il-kwistjoni tal-ġeneru qed narawha tbaqbaq sew dawn l-aħħar snin, anki f’Malta. Il-femminiżmu f’pajjiżi oħrajn għandu storja ferm eqdem, ta’ ħamsin, sebgħin, jekk mhux anki mitt sena. L-isfortuna hi li parti żgħira — imma storbjuża — minn dawk li jsejħu lilhom infushom femministi qed taqbad tieħu xejra kemxejn problematika. Dan fejn il-ġlieda ta’ komunitajiet ta’ nisa tieqaf tiffoka fuq l-oppressjoni tagħhom mis-sistema patrijarkali, u tibda tisħaq, minflok, fuq x’inhu dak li — suppost — jagħmel mara bħala mara, femminiżmu li jisħaq fuq id-definizzjoni a priori u essenzjali ta’ x’inhi — u x’mhijiex — mara. Hawnhekk, il-ġlieda favur id-drittijiet tal-mara tispiċċa ssir hi stess forma ta’ oppressjoni fuq komunitatjiet ta’ persuni li jiġu esklużi minn din il-“kategorija, li mhijiex xjentifikament u indiskutibbilment naturali kif jisħqu dawk li jirrifjutaw l-idea li l-ġeneru huwa kostrutt soċjali. Dan għax dat-tip ta’ attiviżmu, li ħa pożizzjoni antitrans b’saħħitha sew, speċjalment fl-Ingilterra u issa fl-Istati Uniti, għandu l-effett li jkompli jsaħħaħ il-kunċett binarju tal-ġeneru, l-eteronormattività u l-viżjoni patrijarkali tas-soċjetà, aspetti li verament ixekklu u joppressaw lil dawk kollha — nisa u oħrajn — li ma jallinjawx ma’ dawn il-preċetti. Huwa proprju hawnhekk fejn tidħol l-importanza tal-ħarsa queer lejn dak kollu li qed jiġri madwarna, kif jissuġġerixxi Bartolo fin-nota tat-traduttur.

Traduzzjoni ta’ kitba minn lingwa għal oħra hija proċess fejn jinħoloq pont li permezz tiegħu l-qarrejja tista’ titlaq minn naħa, mil-lingwa li taf taqra, biex tasal għal-lingwa sors tal-kitba oriġinali. Il-verżjoni tradotta mhijiex l-istess xogħol eżatt f’lingwa oħra, u nafu kemm jintilfu affarijiet f’dan il-proċess ta’ trasferiment minn lingwa għal oħra. It-traduzzjoni, kif jgħid Bartolo huwa u jserraħ fuq l-argument ta’ Derrida dwar dan, hija kitba mill-ġdid. Traduzzjoni dejjem tinkludi, intenzjonalment jew le, mhux biss elementi personali tat-traduttur iżda wkoll aspetti u referenzi kontemporanji għalih, li hija waħda mir-raġunijiet għalfejn xogħlijiet klassiċi, pereżempju, jiġu tradotti mill-ġdid kull tant snin. Madankollu, ix-xogħol tradott huwa l-eqreb li jista’ jkun, fil-fehma tat-traduttur, tal-oriġinal. U jekk m’hemmx mod ieħor kif jinqara dax-xogħol, it-traduzzjoni toffri fetħa mnejn qarrejja tista’ tgħaddi biex toqrob lejh. Iżda ġieli jagħti l-każ li lanqas it-traduttur ma jkun jaf jaqra l-lingwa oriġinali tax-xogħol li jixtieq jittraduċi u biex jagħmel dan juża hu stess dik li speċifikament tissejjaħ traduzzjoni pont, jiġifieri jittraduċi mhux l-oriġinal iżda t-traduzzjoni li diġà teżisti f’lingwa oħra li jaf jaqra. Juża pont biex joħloq pont ieħor. Traduzzjonijiet ta’ dat-tip jispiċċaw ħafna iktar ’il bogħod mill-oriġinal u t-telf huwa ħafna u ħafna ikbar.

B’din it-traduzzjoni eċċellenti ta’ Bartolo, huwa biss issa li Saffo bdiet toqrob lejna, għax aħna u naqrawha m’għandniex għalfejn nagħmlu traduzzjoni mentali biex naqilbuha għall-idjoma li nużaw fil-ħajja ta’ kuljum. Il-ġmiel ta’ din it-traduzzjoni tal-frammenti ta’ Saffo mhuwiex biss għax hija bil-Malti imma aktar minn hekk għall-fatt li Bartolo ttraduċa direttament mill-Grieg Antik mingħajr ebda waqfiet żejda bejn dawn iż-żewġ lingwi. B’dax-xogħol għandna traduzzjoni tassew komprensiva, ġabra li, minkejja li tibbaża fuq il-manuskritt ta’ Voigt mill-1971, tinkludi anki l-aħħar frammenti li nstabu fl-2004 u fl-2014.

Sfortunatament, fil-passat saru bosta adattamenti ta’ xogħlijiet klassiċi għall-Malti minn traduzzjonijiet pont, ġeneralment mill-Ingliż, bħal pereżempju Għemejjel Gilgamex ta’ Pawlu Montebello. Jekk nieħdu l-istorja tat-traduzzjoni għall-Malti tal-ħrejjef magħrufin bħala Elf Lejla u Lejla, jew L-Iljieli Għarbin — ħrejjef li għandhom storja kumplessa ħafna ta’ kif, tul is-sekli, imxew mill-fomm għall-kitba, minn pajjiż għall-ieħor u minn kultura u lingwa għal oħra — naraw każ estrem ta’ dak li qed ngħid. L-ewwel ġabra miktuba ta’ dawn il-ħrejjef, li oriġinarjament kienu biss orali, kienet bil-Persjan (Hazār afsāna, Elf Ħrafa) iżda din il-ġabra m’għadhiex teżisti. It-traduzzjoni ta’ dil-ġabra bl-Għarbi (Alf Layla) li saret fis-sena 850, imbagħad, intużat bħala l-bażi ta’ ġabra ikbar, bi ħrejjef Għarab miżjudin magħha, li hija l-Alf Layla wa Layla li għadna familjari magħha sal-lum. Din, madankollu hija adattazzjoni intensiva, iktar milli traduzzjoni, tal-ħrejjef oriġinali. Matul is-sekli baqgħu jiżdiedu ħrejjef oħrajn sa ma l-corpus kollu ġie maqlub għall-Franċiż minn Antoine Galland fil-bidu tas-seklu tmintax, u l-persunaġġi u l-istejjer tagħhom daħlu fl-immaġinarju Ewropew, fosthom dik ta’ Aladin u dik ta’ Ali Baba, li ma kinux fil-manuskritti Għarbin u fil-fatt ġew miżjudin minn Galland innifsu. Din it-traduzzjoni tant kienet ta’ importanza li l-verżjoni bl-Għarbi tal-ħrejjef li nsibu llum x’aktarx tinkludi traduzzjoni lura għall-Għarbi mill-Franċiż ta’ bosta minnhom. Dawn il-ħrejjef waslu l-ewwel darba bil-Malti fl-1977, maqlubin mill-Kaptan E. D. Busuttil. Iżda Busuttil ma bbażax it-traduzzjoni tiegħu fuq il-verżjoni Għarbija, jew għall-inqas dik Franċiża, imma fuq traduzzjoni Ingliża mill-Franċiż. Kellhom jgħaddu kważi erbgħin sena sa ma fl-aħħar, fl-2015, waslet traduzzjoni ġdida u komprensiva ta’ dawn il-ħrejjef bil-Malti, miġburin f’volum wieħed li fih iktar minn elf paġna. Veru kont ħadt ferħa xħin rajt li kienet ta’ Edmund Teuma peress li assumejt li kienet traduzzjoni magħmula minn lenti ta’ Arabista. Assumejt hekk għax naf li Teuma jafu fuq li jafu l-Għarbi; fil-fatt għandna t-traduzzjoni tiegħu tal-Qur’ân mill-Għarbi għall-Malti, li tinkludi noti eseġetiċi. U allura kont iddiżappuntata xħin indunajt li — minkejja li l-kobor tal-proġett huwa evidenti u li m’għandi l-ebda dubju tal-kapaċità u d-dedikazzjoni kbira ta’ Teuma biex jaqleb il-ħrejjef għall-Malti — bħala eżerċizzju ta’ traduzzjoni ma kien jinkludi l-ebda annotazzjoni u dokumentazzjoni tal-proċess, u iktar u iktar meta qrajt, fl-introduzzjoni qasira tiegħu stess, li l-verżjoni bl-Għarbi lanqas biss ikkonsultaha huwa u jittraduċi l-ħrejjef. Agħar minn hekk huwa l-fatt li, imbagħad, jibqa’ vag ħafna dwar is-sors li uża u ma jispeċifikax b’mod ċar u tond minn liema lingwa qalbu dax-xogħol, u liema edizzjoni segwa, minkejja li jgħid li din hija l-ġabra “sħiħa” tal-Iljieli Għarbin. Id-dispjaċir tiegħi ġie mill-fatt li ħassejtu ħafna n-nuqqas ta’ tagħrif dwar x’jiġifieri għalih li jittraduċi xogħol bħal dan għal-lingwa tagħna, ta’ x’inhuma l-implikazzjonijiet għalina, meta tqis il-kumplessità storika ta’ dawn il-ħrejjef. Id-drawwa li xogħol jiġi “maqlub għall-Malti” biex sempliċiment ikollna verżjoni tiegħu bil-Malti għal skopijiet ta’ divertiment jew għall-iskejjel kienet komuni fit-traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet klassiċi fis-seklu għoxrin, u kont mingħalija li kienet qiegħda tinqata’ biex tagħti lok għal traduzzjonijiet li jsiru f’ambitu ta’ riċerka akkademika minflok. Li rrid ngħid hu li xogħlijiet li jserrħu biss fuq traduzzjoni pont u li ma jasserux minn liema lingwa ġew tradotti ma jistgħux jiġu kkumparati ma’ dawk li jsiru bi trasparenza u reqqa kbira, u mill-oriġinal, bħal pereżempju t-traduzzjonijiet mill-oriġinal ta’ Pietru Pawl Saydon, Albert M. Grech, Victor Xuereb, Horatio C. R. Vella, Karmenu Serracino, Michael Zammit, Maria Giuliana Fenech u, issa, Warren Bartolo.

Kittieba bħal Temi Zammit, Dun Karm, Bro. Henry Grech, Oliver Friggieri, Edmund Teuma, Achille Mizzi u Pawlu Montebello, fost oħrajn, minkejja li meqjusin bħala tradutturi prolifiċi u ta’ ċertu livell, fil-fatt mhux dejjem ħadmu direttament mill-oriġinal, u hemm bosta każijiet fejn intużaw traduzzjonijiet pont mingħajr ma dan ġie speċifikat. Ħaġa tal-iskantament kemm taf tibqa’ vaga l-istqarrija ta’ ċerti tradutturi dwar is-sors li ħadmu fuqu u kemm hi diffiċli kultant issib bil-miktub minn liema lingwa ġew tradotti wħud minn dawn ix-xogħlijiet, forsi wkoll biex tiġi evitata l-kwistjoni ta’ kif se jinkisbu l-permessi tat-traduzzjoni u d-drittijiet tal-awtur. Veru li b’dawn l-adattazzjonijiet it-tradutturi kienu qed jikkontribwixxu, b’xi mod, għal-letteratura Maltija, iżda jibqa’ l-fatt li traduzzjoni li ssir mingħajr referenza għall-oriġinal tagħmel l-eżerċizzju wieħed amatorjali, anki għas-sempliċi raġuni li żgur se tkun tinkludi elementi esterni għall-oriġinal, u se tkun nieqsa minn dawk l-elementi li kienu neqsin fit-traduzzjoni pont. Ukoll, fejn kien hemm nuqqas kbir ta’ trasparenza u ta’ dokumentazzjoni tal-proċess ta’ traduzzjoni — parti essenzjali f’dan il-qasam — it-tradutturi mhux dejjem ġew ikkritikati għal dan. Biex inkun għedt kollox, jista’ jagħti l-każ li r-raġuni għalihom dawn it-traduzzjonijiet, ħafna minnhom ta’ drammi jew ħrejjef, kienet ġejja mill-fatt li l-uniċi tradutturi Maltin kapaċi jittraduċu minn, pereżempju, il-Grieg u l-Latin, dak iż-żmien kienu iktar medhija jittraduċu xogħlijiet ta’ natura liturġika milli letterarja u drammatika. U li l-bżonn li ħassew il-kittieba, il-poeti u n-nies tat-teatru li jaħdmu b’xogħlijiet klassiċi letterarji fil-Malti kellu jinqeda minnhom stess billi jserrħu fuq traduzzjonijiet mill-Ingliż, bħat-traduzzjonijiet għall-palk ta’ Ġużi Gatt u Oliver Friggieri. Mentri, jekk nieħdu lil Val V. Barbara — li x’aktarx huwa wieħed mill-iktar tradutturi prolifiċi li qatt kellna Malta, u li l-biċċa l-kbira tal-corpus tat-traduzzjonijiet tiegħu huma reliġjużi, fosthom L-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin u Il-Belt ta’ Alla — dak iż-żmien huwa kien qed jaqleb testi għall-Malti direttament mil-lingwi oriġinali tagħhom, mill-Ebrajk, mill-Grieg, mil-Latin, mill-Ingliż, mill-Franċiż, mit-Taljan u mill-Ispanjol! Is-sena l-oħra, jien u nittraduċi Mutter Courage und ihre Kinder mill-Ġermaniż, traduzzjoni kkummissjonata minn Teatru Malta biex tittella’ fit-Teatru Manoel f’Settembru 2022, kien hemm mumenti fejn atturi li kienu qed jaħdmu fuqha bagħtu jistaqsuni għalfejn ċerti partijiet ma kinux qed jaqblu mal-verżjoni li kellhom huma, li fil-fatt kienet il-verżjoni Ingliża — x’aktarx waħda mill-ħafna verżjonijiet li jeżistu ta’ Eric Bentley, dik li donnha tul is-seklu għoxrin kienet l-aktar verżjoni li nqrat f’Malta. Il-verżjoni ta’ Bentley kienet intużat ukoll meta ttellgħet minn Atturi Productions fl-1989, ukoll il-Manoel, direzzjoni ta’ Joe Friggieri. Fil-fatt, tant hu komuni l-isem bl-Ingliż ta’ dan id-dramm Malta li fil-paġna ddedikata għalih fuq il-website ta’ Teatru Malta ssib miktub hekk: “Ma Kuraġġ u Wliedha” hija traduzzjoni bil-Malti ta’ Loranne Vella ta’ Mother Courage ta’ Bertolt Brecht bil-Ġermaniż. Jien u nittraduċi stajt nikkonsulta s-soluzzjonijiet li sabu tradutturi f’lingwi oħrajn u kelli aċċess għall-verżjoni Ingliża ta’ Bentley tal-1962, it-traduzzjoni Taljana ta’ Ruth Leiser u Franco Fortini tal-1970 u filmat tal-verżjoni għall-palk bil-Franċiż li tibbaża fuq it-traduzzjoni ta’ Geneviève Serreau u Benno Besson tal-1960. Minn dawn il-verżjonijiet kollha, ta’ Bentley kienet dik li għalija l-iktar li tinħass traduzzjoni libera, l-iktar waħda li titbiegħed mill-oriġinal. Li kieku użajtha bħala traduzzjoni pont kont nispiċċa ndaħħal elementi li mingħalina huma ta’ Brecht imma li fil-fatt huma ta’ Bentley, għażliet tiegħu biex jaqdi s-sensibbiltà tal-qarrejja u l-ispettaturi Ingliżi ta’ dak iż-żmien. Kif, wara kollox, sa ċertu punt kont qed nagħmel jien ukoll, irrid u ma rridx. Nemmen li traduzzjoni għandha tkun idjomatika imma fl-istess ħin assolutament fidila lejn l-oriġinali, paradoss li impossibbli tirriżolvih.

Li tittraduċi ’l Saffo mis-sors hija sfida kbira minħabba li t-test li se taħdem bih, Grieg Antik bid-djalett Eoliku, kellu l-ewwel jiġġonġa flimkien minn papirologi biex it-test ikun fi stat li jista’ jinqara u jiġi studjat. Fil-fatt, meta ngħidu li Warren Bartolo ttraduċa x-xogħlijiet ta’ Saffo direttament mil-lingwa oriġinali mhux qed ngħidu li ħadem fuq il-kitbiet tagħha minn żmienha, għax dawn inqerdu kollha, u dak li għandna ta’ Saffo huma fil-fatt frammenti ta’ vrus mill-poeżiji tagħha miktubin fuq papiri li bdew jinstabu mill-1879, ħafna minnhom fil-miżbla viċin ta’ Oksirinku fl-Eġittu, u oħrajn fuq parċmini jew buqari tat-tafal. Dawn huma testi li kienu ġew ikkupjati mill-oriġinal mijiet ta’ snin wara żmienha, meta l-verżjonijiet oriġinali kienu għadhom ma nqerdux, u meta l-ikkupjar tagħhom kien mod kif jinżammu ħajjin peress li l-poeżiji ta’ Saffo kienu popolari ħafna u kienu jiġu ta’ spiss inklużi f’antoloġiji. Madankollu għal madwar għaxar sekli — bejn is-seklu disgħa u s-seklu dsatax — ix-xogħol ta’ Saffo kien sparixxa kważi għalkollox u xejn ħlief xi kwotazzjoni tagħha jew testimonjanzi u rakkonti dwar ħajjitha f’kitba antika ma kien għad fadal. Ovvjament, Bartolo lanqas ma ħadem direttament minn fuq dawn l-artefatti, għalkemm kellu l-opportunità jara żewġ parċmini fl-Ägyptisches Museum und Papyrussammlung, Berlin. Jeżistu żewġ ġabriet maġġuri tax-xogħlijiet ta’ Saffo miktubin fil-verżjoni oriġinali tagħhom: dik ta’ Edgar Lobel u Denys Page tal-1955 u dik ta’ Eva-Maria Voigt tal-1971, li, minkejja li ma tinkludix il-frammenti li nstabu wara l-1974, għadha meqjusa bħala l-edizzjoni moderna standard, u hija dik li segwa Bartolo, iżda żied magħha l-frammenti l-oħrajn li nstabu wara.

Minħabba l-istat frammentarju tal-poeżiji ta’ Saffo, ġieli kulma fadal minn vers huwa nofs kelma, u hemm opinjonijiet differenti dwar x’setgħet kienet il-kelma sħiħa; aħseb u ara dwar x’seta’ kien il-bqija tal-vers, jew il-bqija tal-poeżija nnifisha. Fin-noti ta’ wara, Bartolo jispjega l-għażliet tiegħu, u r-raġunijiet għalihom, ta’ kliem fejn ma kienx ċar jekk fuq il-papiru fejn instabet dik in-nofs kelma — mhux sħiħa minħabba qasma fil-papiru stess — hijiex kelma jew oħra. Jispjega wkoll id-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom huwa u jipprova jqarreb il-ħsieb ta’ Saffo għall-mod kif kieku jingħad bil-Malti, bħal pereżempju f’każ fejn jintuża l-infinittiv tal-verb fil-futur, li bil-Malti m’għandniex kelma waħda għal dil-forma. Drabi oħrajn, id-diffikultà toħroġ mill-fatt li l-kelma, avolja sħiħa, mhux ċara biżżejjed biex tinqara sew u kien hemm papirologi li għamlu traskrizzjoni differenti tagħha. Fl-ewwel vers tal-ewwel poeżija hemm kelma li tista’ tkun jew “poikilothron” — tron ikkulurit — jew “poikilophron” — moħħ ikkulurit. Skont x’jagħżel it-traduttur se toħroġ tifsira li ssegwi l-interpretazzjoni tiegħu: “poikilothron”, li jagħżel Bartolo, toħloq il-vers “Afroditi dejjiema tat-tron intarsjat” u aħna u naqrawh nimmaġinaw l-injam lussuż ikkulurit li fuqu tpoġġi Afroditi. L-istess tifsira narawha fil-verżjoni Franċiża ta’ Renée Vivien tal-1903: “Toi dont le trône est d’arc-en-ciel, immortelle Aphrodita”. Iżda kieku għażel li jsegwi l-verżjoni l-oħra li tinsab fil-manuskritti, “poikilophron”, kif għamlu tradutturi oħrajn, bħal pereżempju Anne Carson fl-2002, il-vers jinbidel għal dan: “Deathless Aphrodite of the spangled mind”. Liema waħda kellha f’rasha Saffo? Sa ma titfaċċa biċċa papiru oħra mhux se jkollna risposta u għalhekk dawn iż-żewġ realtajiet ta’ Saffo huma possibbli jeżistu fl-istess ħin, fejn waħda ma tikkanċellax lill-oħra. Jeżistu t-tnejn mhux f’dinjiet paralleli jew alternattivi, jew fil-livell kwantistiku, iżda f’verżjonijiet u traduzzjonijiet li rriżultaw minn deċifrazzjoni u interpretazzjoni differenti tal-fdalijiet tal-papiri, fatt li jkompli jżid mal-faxxinu ta’ kif nesperjenzaw ix-xogħol ta’ Saffo.

Din silta mill-framment 44, u nammetti li hija waħda li qrajt ħafna drabi, ma nafx għalfejn togħġobni daqshekk. Se nniżżilha hawnhekk u nħalliha titkellem għaliha nnifisha:

Minn Tebi l-belt qaddisa u minn Plakija li dejjem tnixxi —  
Andromaki d-delikata fl-iġfna fuq il-mielaħ
baħar. U bosta brazzuletti dehbin u lbiesi
vjola mfewħa, ornamenti mlewna,
tazez tal-azzar bla għadd u ivorju.
Hekk qal, u malajr l-għażiż missier qam,
 u l-aħbar daret ma’ sħabu fil-kbira belt,
fis it-Trojjani rabtu l-bgħula b’madmad
mal-mirkba bla xkiel, u telgħu kotra sħiħa 
ta’ nisa kif ukoll ta’ tfajliet b’għekiesi delikati

Kważi kważi, il-ġmiel ta’ xogħol bħal ta’ Bartolo qiegħed fid-dokumentazzjoni tal-prattika u l-proċess tat-traduzzjoni daqskemm hu fit-traduzzjoni nnifisha. Fi żmien meta t-traduzzjoni, permezz tal-awtomatizzazzjoni, tmur id f’id mal-idea li jiġi ġġenerat iktar u iktar kontenut fl-inqas żmien possibbli — litteralment f’ħakka t’għajn — ix-xogħol tat-traduttur bħala bniedem, speċjalment fil-każ ta’ xogħol letterarju u poeżija, u speċifikament meta qed niffukaw fuq fdalijiet ta’ vrus fuq papiru miktubin iktar minn elfejn sena ilu, huwa imprezzabbli. In-noti ta’ Bartolo jinqraw bħal djarju intimu, onest, offrut b’rispett kbir mit-traduttur lill-qarrej. B’kitba li xxaqleb minn qrara għal memoir għal dokumentazzjoni akkademika, it-traduttur-poeta jieħu lill-qarrejja tiegħu fuq il-vjaġġ li qed jagħmel huwa u jiskava biex jara kif l-aħjar jista’ jwassal fil-lingwa Maltija dak li fadal mil-lirika ta’ Saffo. Insibu dokumentazzjoni tal-prassi u tal-proċess tat-traduzzjoni, id-deċiżjonijiet li kellu jieħu, il-ħsibijiet li tqanqlulu huwa u jissara mal-kitbiet ta’ Saffo. Hemm nota għal kważi kull framment, xi drabi b’tagħrif grammatikali, oħrajn b’referenzi għal kitbiet oħrajn minn żminijiet differenti li setgħu kienu allużjoni għall-vrus ta’ Saffo, oħrajn b’kummenti analitiċi dwar il-poeżija nnifisha. F’oħrajn insibu kummenti personali, bħal entrati fi djarju, u dawn nagħrfuhom minħabba l-użu tal-korsiv. Insiru nafu iktar dwar fejn kien, x’kien qed jaħseb, x’kien għaddej fil-ħajja tat-traduttur huwa u jgħix il-vrus li kien qed jaħdem fuqhom. Anki hu, bħala traduttur, iħalli kliem Saffo jitħaddtu ma’ kitbiet ta’ kittieba oħrajn li kien qed jaqra tul is-snin li dam jaħdem fuq il-frammenti. B’dan kollu nintebħu kemm qed jipprova jkun trasparenti u onest magħna huwa u jagħżel liema kelma toqgħod l-aħjar, għażla li forsi ġejja wkoll mis-sitwazzjoni, mill-burdata tiegħu dakinhar, jew imnebbħa minn kitba oħra li nzerta kien qed jaqra, miktuba minn xi ħadd ieħor. Nammetti li fraħt meta rajt lil Paul B. Preciado msemmi fin-nota għall-framment 93. Intbaħt bih wara li bdejt nikteb dan l-esej, wara li għażilt li nħalli l-ktieb ta’ Bartolo jitkellem mal-kotba l-oħra li kont qed naqra jien, inkluż Dysphoria mundi. Dil-konverżazzjoni kienet ilha li bdiet.

Huwa mifhum li Saffo kitbet madwar 10 000 vers, li fil-Greċja Antika kienu jinqraw billi kienu jinsabu miġburin f’disa’ volumi. Minn dan kollu fadlilna biss 650 vers. Biċċa mhux ħażin minn dawn il-vrus huma frammentati sew, kultant kelma waħda minn linja tiġi segwita minn kelma waħda oħra mill-vers ta’ wara, imbagħad isegwi vers mitluf, jiġifieri linja vojta. Taf tkun frustranti taqra framment li kulma fih huma kelma ’l hawn u oħra ’l hemm. Kif suppost naqrawhom? Għalfejn għandna nqisuhom ta’ importanza dawn il-fdalijiet tant li saħansitra jiġu tradotti? U xi tfisser traduzzjoni meta fil-fatt kulma hemm deċifrabbli fuq il-papiru huwa nofs ta’ kelma li tista’ faċilment tkun jew kelma jew oħra? Kif iħossu t-traduttur li huwa wkoll ikollu jagħmel xogħol ta’ skavar, deċifrar u interpretazzjoni tat-tifsira ta’ kelma waħdanija maqtugħa mill-kuntest? Imma wkoll, kif tħossha l-qarrejja hi u tqalleb fihom? Il-pubblikazzjoni tat-traduzzjoni f’lingwi differenti tal-frammenti ta’ Saffo hija fiha nnifisha stedina lill-qarrejja biex, qabelxejn, taċċetta li dak li se taqra huma fdalijiet żgħar, frammentati, mix-xogħol il-kbir li, skont it-testimonjanzi li għandna kien kapolavur, ta’ barra minn hawn! U li la ma tista’ tagħmel xejn biex taċċessa l-għeġubijiet ta’ Saffo, tkun lesta li tersaq lejn xogħolha b’mod għalkollox differenti minn kif kienu jesperjenzawh il-qarrejja — u s-semmiegħa — fi żmienha u fis-sekli ta’ wara meta l-kitbiet kienu għadhom qed jiġu kkupjati u moqrija.

ħsieb 
ħafi 
]
  (framment 12)

Il-framment bħal żerriegħa. Il-framment bħal ċelebrazzjoni tal-inkompletezza. Framment jista’ jkun aċċidentali iżda wkoll intenzjonali. Il-framment jista’ jinqara bħala forma ta’ emanċipazzjoni li tikser il-konvenzjoni tar-reċipjent li jesa’ t-totalità. Il-framment jisfida ż-żmien, jinħeles minnu. Kif taqrah framment? Bħal jigsaw puzzle, fejn kull biċċa ġdida tibdel l-istampa kollha li kellna s’issa, iżda wkoll, fejn kull biċċa hija totali fiha nnifisha, u fejn kull framment isir sħiħ minħabba l-kuntest li jinqara fih? Il-frammenti li jifdal minn xi ħaġa jafu jsiru aktar ta’ valur u ta’ min jipproteġihom — bħal perla waħdanija minn teżor mitluf — milli kieku l-ħaġa tinsab sħiħa, intatta. Għax il-frammenti huma l-ħjiel ta’ xi ħaġa ikbar li qatt m’aħna se naraw. Il-framment huwa bħal fetħa żgħira li minnha nistgħu nilmħu x’seta’ kien. Il-frammenti ta’ Saffo huma frammenti aċċidentali, l-istat tagħhom ta’ framment huwa sforz il-medda ta’ żmien u sensiela ta’ sfortuni, fosthom, x’aktarx, in-nirien li ħakmu l-librerija ta’ Lixandra. Iżda jista’ jkun li l-biċċa l-kbira tal-kitbiet ta’ Saffo tħallew jintilfu kemm minħabba l-kontenut tagħhom kif ukoll minħabba l-fatt li l-kittieba kienet mara li bi kliemha sfidat ċerti konvenzjonijiet.

]
]u lanqas 
]xewqa 
]u fl-istess ħin 
]fjura 
]xewqa 
]pjaċir 
  (framment 78)

Tul is-seklu tmintax u sal-bidu tas-seklu dsatax, ir-rovini u l-fdalijiet mill-imgħoddi kienu ta’ faxxinu kbir għall-artisti u l-poeti. Ukoll, tant kienet saret drawwa komuni u aċċettata li l-qarrejja jaqraw xogħlijiet mhux kompluti, fdalijiet ta’ kitbiet minn żmien ieħor, li bil-mod il-mod bdiet xejra ta’ poeżiji intenzjonalment miktubin u ppubblikati f’forma frammentata. Din kellha l-ekwivalenti tagħha wkoll pereżempju fl-arkitettura, bħalma huma r-rovini artifiċjali li għadek issib fil-ġonna ta’ bosta palazzi Ewropej mis-seklu tmintax, fosthom Château de Laeken, il-Palazz residenzjali tal-familja Rjali tal-Belġju. Għaldaqstant, fid-dawl tal-importanza li bdiet tingħata lil dil-kitba deliberatament frammentata — fis-sens ta’ xogħol li jitħalla inkomplet b’mod apposta, jew xogħol mibni speċifikament bħala framment, tant li nħoloq ġeneru fih innifsu, bħall-framment Romantiku, l-esej frammentat jew ir-rumanz frammentat — il-vrus li fadlilna ta’ Saffo llum jistgħu anki huma jinqraw bħala frammenti intenzjonali. Il-kelmiet neqsin, immarkati b’elissi jew parentesi, isiru pawżiet meqjusa biex jikkalmaw ir-ritmu tal-qari, spazji ta’ silenzji li joffru mod differenti ta’ kif naqraw u nirrelataw mal-poeżija. Fit-traduzzjoni ta’ Bartolo, is-sinjal ] jintuża biex jindika lill-qarrej li l-poeżija jew il-kelma hija maqsuma u mhux kompluta. It-traduttur javżana li l-“poeżija ta’ Saffo hija maqsuma. Il-framment tagħha jħoll il-verb, ixaqqaq in-nom mill-aġġettiv. Fuq paġna ta’ ktieb li fiha iktar vojt milli kitba, il-parentesi u l-elissi jsiru l-ekwivalent viżwali tas-silenzju solenni mqanqal mill-qerda li ġarrbu l-kelmiet u l-vrus maqsumin jew neqsin. Pawżiet li jġegħluna naqraw b’iktar reqqa u napprezzaw iktar il-vuċi ta’ poeta li ġiet imsikkta matul sekli sħaħ. Silenzju li jtarrax. Vojt li jitlob li jimtela permezz ta’ interpretazzjoni u ta’ immaġinazzjoni. Bil-kontra ta’ test komplut, il-framment isir, b’hekk, espressjoni ta’ libertà, ta’ fluwidità. Mhuwiex finali u lanqas finit. Il-framment jittrasforma l-proċess tal-qari fi stennija proprju għax fl-inkompletezza tiegħu jirrifjuta li jasal għad-dunque, billi jagħżel, minflok, li jerġa’ jdur fuqu nnifsu u joffri l-kuntrarju mingħajr ma jikkontradixxi. Mhuwiex test qarrieqi bħalma jaf ikun test sħiħ li bit-totalità u l-kompletezza tiegħu jipprova jwassal il-ħsieb li hemm “il-verità” maqbuda ġo fih. Fil-framment, il-ħjiel tal-verità jista’ jintlemaħ fl-elissi u l-parentesi li joffru fetħa għal possibbiltajiet infiniti. Il-framment jevita r-riżoluzzjoni billi jaħdem bħala rivoluzzjoni.

Fil-qari ta’ framment, il-ħin jinħass għaddej iktar bil-mod, minkejja li fil-qosor tiegħu jista’ jinqara malajr. Iżda l-pawżiet huma sostnuti, l-ispazji tqal lesti biex iwelldu ħsieb ġdid, u joħolqu effett li jkanġi l-kliem madwaru — it-tifsira tal-kelmiet daqqa tidher mod, daqqa mod ieħor. Il-framment ma jinqarax b’mod lineari iżda multilineari. Il-kronoloġija ma tibqax importanti. Isiru importanti l-konnessjonijiet li jinħolqu bejn il-fdalijiet. Bħal f’możajk. Il-ħin tal-framment mhuwiex dak li nassoċjaw ma’ Kronidi — ħin konsekuttiv, lineari, storiku, progressiv, jiġifieri l-kunċett empiriku taż-żmien li jinqasam f’passat, preżent u futur — iżda dak ta’ Ajun, il-ħin perpetwu, mingħajr konfini, il-ħin taċ-ċiklu u l-istaġuni, iż-żmien tar-ritwal li jiġi kull sena, fejn il-futur huwa verżjoni oħra tal-passat u ż-żmien jiġi esperjenzat bħala eternità.

Storikament, il-poeżija-framment bħala forma letterarja narawha titwieled fil-letteratura u l-filosofija Romantika — speċjalment fix-xogħol ta’ Friedrich Schlegel, fl-ewwel fażi tar-Romantiċiżmu fil-letteratura Ġermaniża f’Jena. L-għan ewlieni tar-Romantiċiżmu bħala moviment kien li jeżalta l-emozzjoni u l-ġmiel, u li jkun ta’ reazzjoni għar-rivoluzzjoni agrikola u dik industrijali li kienu qed iseħħu dawk iż-żminijiet, u għar-razzjonaliżmu xjentifiku tan-natura. August Wilhelm Schlegel, ħu Friedrich, jgħid li l-aktar kwalità prezzjuża tan-natura tal-bniedem hija t-tendenza tagħha li tinbidel u tiddiversifika. Minkejja l-element Romantiku li jigglorifika glied ta’ ċertu tip — pereżempju f’isem in-nazzjonaliżmu — u eroj belliċi bħal Napuljun u Garibaldi, fit-teorija, il-ħsieb Romantiku kien jopponihom l-istejjer li qed insejħilhom bil-lanza, l-istejjer fejn il-ħajja u n-natura huma l-ewwel li jinqerdu, u kien imqanqal sew mit-tama tal-fejqan tad-dinja. Id f’id ma’ dan kien hemm il-ħsieb l-ieħor li l-hekk imsejħin kuntrarji jistgħu fil-fatt jingħaqdu f’unjoni armonjuża, u li dawk l-aspetti li normalment jitqiesu bħala opposti jistgħu fil-fatt jiġu rikonċiljati. Bħalma, pereżempju, naraw fil-poeżiji ta’ William Blake, ħaġa mhijiex in-negazzjoni tal-oppost tagħha; il-kuntrarji huma essenzjali f’dak li jagħmilna bnedmin, u ma jistax ikun hemm progress mingħajr kuntrarji. Il-framment, għaldaqstant, kien għall-poeti Romantiċi kemm l-emblema tat-taqtigħa kontra dak kollu li jxekkel l-emozzjonijiet, id-diversità u l-ġmiel naturali, kif ukoll it-tama għar-rebħa nnifisha. Il-lista tal-poeti Romantiċi, fosthom Byron, Keats u Shelley, li jagħmlu referenza għal, pereżempju, il-framment 31 ta’ Saffo hija xhieda ta’ kemm kienet influwenza kbira fuqhom, l-aktar fir-rigward tal-idea tal-poeta bħala persuna li tħoss, u li tgħanni l-emozzjonijiet tagħha f’widnet min lest jismagħhom, idea għalkollox differenti mill-kunċett klassiku tal-poeta bħala artiġġjan tal-kelma li jindirizza l-ġemgħa. Sfortunatament, raġuni importanti għalfejn x’aktarx il-ħsieb Romantiku falla milli jwettaq l-għanijiet tiegħu ġejja mill-ottimiżmu enormi li kellhom il-poeti fis-saħħa tal-ġmiel, ottimiżmu li ma għarfux jibbilanċjaw b’polemika u attiviżmu politiku b’saħħtu tant meħtieġ biex ma jingħelibx mill-forza qerrieda tal-industrijalizzazzjoni. Iż-żerriegħa veru li b’saħħitha għax tħaddan fiha l-ħajja u l-ġmiel, iżda l-potenzjal tagħha jispiċċa fix-xejn mal-ewwel daqqa li taqla’.

Il-framment għadu sal-lum forma ta’ emanċipazzjoni u ta’ reazzjoni kontra l-omnipotenza tas-sistemi ta’ kontroll totali. Il-framment huwa interruzzjoni volontarja. Huwa espressjoni tal-impossibbiltà tal-kompletezza tal-ħsieb, tal-insuffiċjenza tal-lingwa bħala mezz ta’ komunikazzjoni. Il-framment huwa totalità parzjali, preżenza assenti, jew aħjar, assenza preżenti. Kif diġà semmejt, fil-framment, il-kontradizzjoni ma tikkanċellax ħaġa biex tenfasizza l-oppost tagħha; anzi, l-opposti flimkien jiġġeneraw iktar possibbiltajiet. Ilni mill-bidu nistenna sa ma jasal l-aħjar waqt biex insemmi dak li għalija huwa l-kapolavur, s’issa, ta’ Matthew Schembri — Ħassartek, li ħareġ fl-2021 — ktieb li malli tiftħu u tqalleb fih ma tistax ma taħsibx fil-pubblikazzjonijiet tal-lum tal-frammenti ta’ Saffo. Dax-xogħol ta’ frammentazzjoni deliberata ta’ Schembri huwa ħarba minn kull tentattiv ta’ kategorizzazzjoni letterarja. F’kitbiet oħrajn ta’ Schembri naraw kemm is-suġġett tal-ġeneru, jew aħjar tal-kategorizzazzjoni — jiġifieri t-tqegħid f’kaxxa magħluqa mingħajr lok għal ċaqliq jew tibdil — tal-ġeneru, huwa ta’ interess kbir għalih, u dan l-aspett jesplorah mhux biss tematikament iżda fil-fluwidità tal-ġeneri letterarji nfushom. It-test ta’ Ħassartek inħoloq mhux bil-kitba, jiġifieri bil-produzzjoni, ta’ test ġdid, iżda bit-tħassir ta’ partijiet sostanzjali minn xogħol ieħor, iktar bikri, ta’ Schembri — ir-rumanz Stessi li ħareġ fl-2018. L-awtur fittex il-materjal ġdid tiegħu billi skava fis-saffi tal-kitba tiegħu stess, neħħa dak kollu li, wara tlieta jew erba’ snin beda jinħass żejjed, u ħalla biss dawk il-ftit kelmiet minn linja ’l hawn u minn oħra ’l hemm. Baqa’ jħaffer u jarmi sa ma tfaċċat biċċa xogħol ġdida. Biex nagħti eżempju, f’paġna 60 ta’ Stessi hemm paragrafu minnhom li jinkludi dis-sentenza: “Lgħabt logħba wara logħba fuq il-PSP. Imma qisu ma kellix interess u bdejt nitlef kull darba”. Fil-paġna 60 ta’ Ħassartek insibu paġna kważi vojta li tinkludi biss dawn il-kelmiet:

logħba wara logħba
                    bdejt nitlef kull darba

F’dan il-proċess letterarju li jinħass ukoll wieħed ta’ żvilupp personali, Schembri kien kemm l-arkeologu li skava, kemm l-awtur tal-bieraħ li ġie skopert, kemm il-papirologu li ddeċifrah, kif ukoll l-awtur tal-frammenti l-ġodda offruti lill-qarrej tal-lum. Ħassartek twieled minn rumanz iżda jinqara bħal poeżija. Ir-rumanz Stessi jien qrajtu darba, b’mod lineari minn qoxra sa qoxra. Ħassartek esperjenzajtu b’mod għalkollox differenti. Ftaħtu, flejtu u dortu kemm-il darba u l-frammenti qatt ma qrajthom paġna wara l-oħra. L-istess framment qrajtu iktar minn darba u kull darba qanqalli ħsibijiet differenti.

Fil-każ ta’ Saffo, hemm għadd kbir ta’ arkeologi, papirologi u studjużi jfittxu u jeżaminaw kull framment ġdid li jitfaċċa. Il-framment 58, dak li huwa magħruf ukoll bħala l-poeżija ta’ Titonu, għandu storja ta’ skoperta sabiħa immens li tmur ħafna mat-tema tal-poeżija nnifisha. F’dan il-framment insibu l-mit tal-alla tas-Sebħ u l-maħbub tagħha Titonu, li kien żagħżugħ mill-isbaħ tant li Sebħ talbet lil Żews jagħtih id-don tal-ħajja dejjiema. Iżda fit-talba nesiet tinkludi x-xewqa tagħha li jibqa’ żagħżugħ ta’ dejjem ukoll, u maż-żmien Titonu jibda jixjieħ u kompla jixjieħ iżda qatt ma jmut. Dal-framment illum jinkludi poeżija kważi sħiħa li ġġonġiet flimkien matul is-snin minn fdalijiet li nstabu f’postijiet għalkollox differenti: mill-papiri li nstabu mormija f’Oksirinku fis-seklu dsatax li wasslu għall-manuskritt ta’ Oxford u mill-papiri oħrajn li nstabu ħafna iktar riċenti — u ġew ippubblikati fl-2004 — li jagħmlu parti mill-kollezzjoni ta’ papiri magħrufa bħala l-papiri ta’ Kolonja. Dal-papiru baqa’ kkonservat peress li kien intuża fil-proċess ta’ kkonservar tal-mummji fejn għandek saff fuq ieħor ta’ għażel u papiri miksijin bil-ġibs, ħafna drabi għall-iffurmar tal-maskri użati fir-rit tad-difna. Dal-papiru bil-vrus ta’ Saffo dwar l-immortalità ta’ Titonu, li sab ruħu mgeżwer ma’ ġisem immummifikat bil-għan li jippreservah, huwa mill-bidu tas-seklu 3 QEK u huwa l-iktar artefatt qadim li qatt instab bil-vrus ta’ Saffo. Din is-sejba, flimkien ma’ diversi sejbiet oħra riċenti ta’ papiri li jinkludu frammenti ta’ Saffo, tkompli żżid mal-proċess ta’ immortalizzazzjoni tal-kitba ta’ Saffo, fejn ma’ kull sejba ġdida tinbidel l-immaġni li għandna ta’ dil-poeta.

Ir-reċezzjoni tal-lirika frammentata ta’ Saffo hija evidenza ta’ kemm il-vojt, in-nuqqas, it-tħassir, kapaċi jimtela biex jingħatalu sinifikat li jrendi kitba minn żmien ieħor applikabbli għar-realtà tal-preżent. Il-vojt li jimtela minn ilħna li huma oppressi, soppressi, mill-ħakma qerrieda ta’ viżjoni ta’ ħajja medhija bil-qerda, il-qtil, ir-regħba, il-kruha, it-tniġġis, il-mibegħda, il-firda, l-istmerrija, id-djuq. Mhux ta’ b’xejn li fl-2023, bil-gwerer, il-problemi klimatiċi, l-inugwaljanza, l-esplojtazzjoni, it-transfobija, u t-turbolenzi kollha li qed iseħħu madwarna, Bartolo jistedinna naqraw il-poeżiji ta’ Saffo mhux biss bħala kitba femminista iżda iktar minn hekk bħala kitba queer “li tipprovdi dinja alternattiva fejn is-sbuħija u l-imħabba bejn in-nisa tiġi mifruxa anke mal-ambjent: kanzunetta, irwejjaħ, fjuri, drapp għani”, lil hinn mill-kitba epika li għadha tinkiteb sal-lum dwar ġlied, konkwisti u eroj, dwar kif minn dejjem tħares lejn id-dinjal-għajn paterna nekropolitika”, kif isejħilha Preciado. Bħala kitba queer, il-lirika ta’ Saffo tqanqal ħarsa ġdida lejn dak kollu li huwa aħna u li huwa madwarna, ’il bogħod mill-eġemonija kapitalista eteronormattiva, qrib ta’ dak li hu omosesswali u femminista, imma l-eqreb ta’ dak li hu queer għax jitbiegħed għalkollox mill-binarju ta’ kif imdorrijin nirċievu u nipperċepixxu, u naċċettaw b’mod passiv li nifhmu d-dinja madwarna, minkejja li narawha timrad kulma tmur. Il-kelma queer hija użata hawnhekk kemm fit-tifsira wiesgħa u kkulurita tagħha tar-rispett għad-diversità u d-differenza, kif ukoll, u aktar minn hekk, bħala “għodda ta’ rifjut”. U għalhekk, kif jgħid Bartolo fid-daħla, “il-poeżija ta’ Saffo hija wkoll queer hekk kif hi tapplika u tħaddem kull tip ta’ reżistenza, ksur u diskrepanza fi kliemha — il-framment ta’ Saffo jfixkel l-ordni ordinarja tal-poeżija: huwa jiddiżorjentana, jiskomodana, iġegħelna naqraw queer. Iktar minn hekk, il-queer jitkellem dwar il-prekarjetà tal-ħajja, mhux biss tal-uman, iżda anke tad-deċentriċità tiegħu. Bil-lirika tagħha Saffo tfixkel b’mod sistematiku dak kollu li hu familjari u tħeġġiġna nisfidaw iċ-ċertezzi. Bil-ħarsa queer tagħha ssawwar realtajiet u possibbiltajiet ġodda ta’ kif nirrelataw b’mod rispettuż ma’ xulxin u mal-ambjent naturali. Kliem Saffo moqri llum jinqara bħal duwa prezzjuża għal dinja marida li donnha daqt tmut. Kapaċi jsalvaha lid-dinja daqsxejn ta’ framment?

Il-kelma “vrus” tidher kemm-il darba f’dan l-esej, u jien u nerġa’ naqra l-paragrafi li diġà ktibt mhux l-ewwel darba li qrajtha “virus” minflok. Għall-ewwel tbissimt u rajtu żball ħelu. Sa ma ntbaħt li fil-kuntest ta’ dak li qed nipprova ngħid b’dil-kitba, dan mhu żball xejn. Jekk nerġa’ nqiegħed maġenb xulxin Il-Frammenti ta’ Saffo u Dysphoria mundi ta’ Preciado, il-vrus ta’ waħda, speċjalment jekk qed ngħidu li se naqraw dax-xogħol bħala kitba queer, isiru l-virus li huwa l-persunaġġ ewlieni fil-proposta ta’ Preciado għal rivoluzzjoni radikali fil-mod kif naqraw u ngħixu d-dinja madwarna, li fil-preżent qed tbati minn disforja u diġà bdiet il-proċess, fuq skala planetarja, tat-tranżizzjoni tagħha. Miktub fuq medda ta’ sentejn waqt l-eqqel tal-Covid-19, proprju fiż-żmien meta Preciado kien marid hu stess bil-virus, Dysphoria mundi jħares bir-reqqa lejn x’inhu virus: x’inhu dal-velenu tant ċkejken li kapaċi jikkontamina, imarrad u joqtol? U iktar minn hekk, kif jista’ l-virus, bħala metafora, jitqies mil-lenti tal-filosofija kontemporanja? It-terminu virus ittieħed bosta drabi — fit-tifsira negattiva tiegħu mibnija fuq il-mudell militari ta’ parassita li taħkem ġisem, tikkolonizzah u teqirdu — biex jintuża għal persuni mistmerrin mis-soċjetà minħabba l-fatt li jgħixu mod ieħor minn dak li hu soċjalment aċċettabbli. Eżempji li jġib ta’ dan huma l-omosesswalità deskritta bħala epidemija fid-diskors omofobiku tul is-seklu għoxrin, diskors li lejn l-aħħar tas-seklu sar virali daqs l-HIV stess; l-analoġija bejn il-virus u l-prattika trans fl-ewwel kitbiet antitrans, fl-1979, ta’ Janice Raymond; kif ukoll id-diskors — li smajnieh m’ilux anki f’Malta — li t-tfal jistgħu jiġu “infettati” jew “ikkontaminati” b’ideat queer u trans. Bil-virus deskritt b’dal-mod, jgħid Preciado, “l-istejjer kollha tal-letteratura u taċ-ċinema jistgħu jinqraw bħala varjazzjonijiet tal-mit virali: il-virus huwa s-serp li jittanta lil Eva, huwa l-Ispirtu s-Santu li jtaqqal lil Marija mingħajr kopulazzjoni bejn l-istess speċi, huwa l-bewsa ta’ Ġuda, il-ħarsa qattiela tal-Medusa, huwa Edipu li taparsi mhuwiex iben ommu u jkattar l-ulied magħha, huwa l-fantażma ta’ Amletu, huwa rumanz kavalleresk f’idejn Don Kixott, huwa l-mera ta’ Alice, iżda huwa wkoll il-kodiċi pirata li jista’ jżarma l-Matrix. U forsi b’din l-aħħar analoġija, ta’ virus bħala kodiċi pirata li minkejja ċ-ċokon tiegħu kapaċi jżarma struttura sħiħa, saħansitra globali, ta’ oppressjoni, Preciado joffri mudell ieħor li fuqu tista’ tinbena t-tifsira ta’ virus, mudell li jibbaża fuq il-kunċett ta’ dikostruzzjoni ta’ Derrida. Virus ma jaħdimx fuq il-prinċipju tal-binarji għax la huma raġel u lanqas mara, la annimali u lanqas veġetali, la organiċi u lanqas inorganiċi, la fuq barra u lanqas fuq ġewwa. Bħal spettru bijoloġiku jħufu l-konfini u jittrażgreduhom, jirreplikaw lilhom innifishom u fl-istess ħin jinnegaw l-identità tagħhom hekk kif jgħaddu minn mutazzjoni għal oħra u jħarbtu l-kategoriji u t-tassonomiji. Li jipproponi Preciado hu li, iva, it-transġeneru u l-viżjoni queer tal-ħajja huma virus, huma proprju dawk il-virus meħtieġa biex jeqirdu l-istrutturi ħakkiema madwarna li ilhom sekli kbar imarrdu u jeqirdu d-dinja li ngħixu fiha. Il-virus huwa bħall-pharmakon, kelma li tista’ tfisser kemm velenu kif ukoll kura. Fuq l-istess prinċipju, il-virus, għal Preciado, isir il-velenu li jaħdem bħala kura. U allura jista’ jittieħed huwa wkoll bħala metafora tar-reżistenza, tad-diżubbidjenza u tar-rivoluzzjoni meħtieġa fuq skala dinjija biex permezz ta’ (mikro)mutazzjonijiet intenzjonati u deliberati tkun tista’ sseħħ il-bidla radikali meħtieġa li tkun kapaċi teqred lil dak l-eroj li l-ewwel niffed il-lanza f’għonq il-mammut, u lil dawk kollha li ġew warajh u għamlu minn kollox biex isegwu l-passi tiegħu u jkomplu jeqirdu kulma jista’ jinqered. Din hija r-rivoluzzjoni li emmnet fiha Saffo, li bil-vrus tagħha tat testimonjanza li l-poeżija hija forma ta’ seħer u li bil-manipulazzjoni tal-lingwa, il-poeta tista’ timmanipula wkoll ir-realtà li tiddeskrivi. Sfidat bi kliemha l-kunċett tal-patrijottiżmu u wriet stmerrija għall-eroj. Kitbietha jasserixxu, minflok, il-primazija sovversiva tal-kuxjenza tal-persuna individwali, u l-validità tal-fehmiet u l-impulsi tagħha. Din hija l-istess rivoluzzjoni li sawret is-sisien tal-letteratura u l-filosofija Romantika tas-sekli tmintax u dsatax. L-istess rivoluzzjoni li ppruvat tagħmel Louise Bourgeois bil-labra u l-ħajta, hi u traqqa’ l-feriti kkaġunati mill-missier. L-istess waħda li Ursula K. Le Guin tgħidilna niffaċċjaw mhux bil-lanza imma bil-qoffa. Id-dinja, madankollu, għadha ma fiqitx. Mhux talli hekk, talli donnha sejra dejjem għall-agħar u li m’hemmx fejqan. X’nagħmlu? Inċedu? Inħallu kollox jinqered? Preciado jinsisti li l-fejqan jista’ jseħħ bid-diżubbidjenza. Iżda la din waħidha mhux biżżejjed, jipproponi l-mutazzjoni u jieħu l-ewwel pass: bil-kitba — Derrida jgħid li l-kitba hija l-virus li tinfetta l-kelma u għaldaqstant jipproponi t-terminu pharmakon bħala metafora għaliha — u bit-tranżizzjoni. Jekk iż-żerriegħa hija tant fraġli li tinqered mal-ewwel daqqa, mela “ninfettaw” iż-żerriegħa jekk hemm bżonn. Monique Wittig, bil-gwerriera nisa tagħha, diġà kienet qed toqrob lejn l-istess ħsieb:

Qalu, hi u hi u hi, li dawk minnhom li riedu jittrasformaw id-dinja kellhom l-ewwel jaħtfu l-azzarin. Qalu li kienu se jerġgħu jibdew mix-xejn. Qalu li hija dinja ġdida li kienet se tibda .

Dysphoria mundi ta’ Paul B. Preciado huwa ppubblikat minn Grassett, 2022. “The Carrier Bag Theory of Fiction” ta’ Ursula K. Le Guin ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fl-1988. L-edizzjoni li ntużat hawn hija ta’ Terra Ignota, 2019, b’introduzzjoni ta’ Donna Haraway. L-esej huwa disponibbli online. Making Kin not Population: Reconceiving Generations, ta’ Donna Haraway, huwa ppubblikat minn University of Chicago Press, 2018. Il-Wirja ta’ Louise Bourgeois The Woven Child kienet il-Hayward Gallery fl-2022. Ma mère rit ta’ Chantal Akerman huwa ppubblikat minn Gallimard, 2013. No Home Movie huwa dokument ċinematografiku tal-istess perjodu fil-ħajja ta’ Akerman u ommha. Victor Xuereb qaleb għall-Malti “poeżija” waħda ta’ Saffo, “Lil Anaktorja”, li hija inkluża fil-ġabra ta’ poeżiji Letteratura tal-1992, ed. Toni Cortis, ġabra li kienet tintuża fl-iskejjel. Din il-poeżija — li tibbaża fuq il-framment 16 — qatt ma kienet dehret imkien ieħor qabel. Ukoll, mhux ċar jekk Xuereb qalibhiex mill-Grieg jew minn lingwa oħra. It-traduzzjoni ta’ Michael Zammit tal-Bħagawad Gita ta’ Wjasa hija ppubblikata minn Pin Publications, 2008. Campus FM kienu ddedikaw sensiela sħiħa għal din it-traduzzjoni. Ħafna mill-informazzjoni dwar it-traduzzjonijiet tal-Klassiċi fil-Malti ġejja mill-artikluIx-xogħlijiet Klassiċi u l-kitbiet ta’ Santu Wistin bil-Malti” ta’ Ivan Said, maqsum fi tliet partijiet fil-ħarġiet nru 18, 19 u 20 tal-Aċċent. L-Iljieli Għarbin, traduzzjoni ta’ Edmund Teuma, huwa pubblikazzjoni ta’ BDL Books, 2015. Pietru Pawl Saydon, barra li qaleb il-Bibbja mit-tliet lingwi oriġinali, qaleb ukoll xi kitbiet mill-Għarbi, fosthom It-Tieni Safra ta’ Sandabad il-Baħri. It-titlu bl-Ingliż “Mother Courage” għad-dramm ta’ Bertolt Brecht jissemma kemm fil-paġna bil-Malti tal-avveniment ta’ Teatru Malta li ttella’ fit-Teatru Manoel fl-2022, kif ukoll fil-verżjoni bil-Malti tal-programm tad-dramm innifsu. Verżjoni ta’ Saffo bil-Franċiż ta’ Renée Vivien mill-1903 hija disponibbli online. If Not, Winter: Fragments of Sappho ta’ Anne Carson huwa pubblikazzjoni Vintage, 2002. Omar N’Shea jikteb dwar Għemejjel Gilgamex ta’ Pawlu Montebello f’dan il-ġurnal. Ħassartek, huwa ppubblikat mill-awtur Matthew Schembri, 2021. Il-kwotazzjoni tal-aħħar meħuda minn Les Guérillères ta’ Monique Wittig, Les Éditions de Minuit, 2021. Il-ktieb kien ħareġ għall-ewwel darba fl-1969. L-immaġni li qed tintuża fil-pubbliċità ta’ dan l-esej hija ta’ waħda miż-żewġ parċmini bil-vrus ta’ Saffo li jinsabu fl-Ägyptisches Museum und Papyrussammlung, Berlin.

Dekorazzjoni art-nouveau