Lejl u Nhar

Miriam Galea

Il-ħitan bojod joqtluk naqra naqra kuljum. Tipprova ma tismax is-skiet, itanbar stinat tul il-kurituri, iżda t-tektik ħafif fuq il-keyboards, it-tpetpit solitarju tal-cursor, l-ilħna mbiegħda f’uffiċċju minnhom jibqgħu ma jidfnuhx. Fil-kamra tal-arkivji xi ħadd jixgħel il-photocopier, li tobżoq folja wara l-oħra, mimlija ċifri, kliem kbir kollu rpużat, taħbiliet ta’ ideat suġġeriti u konsiderazzjonijiet meqjusa f’dokumenti Taljanizzati tal-Unjoni Ewropea. It-terremot f’Haiti, il-kriżi finanzjarja, il-faqar dinji, l-iżvilupp fil-pajjiżi eks-Komunisti, il-bidla fil-klima, id-dinja li qed titbaskat, tinstamat, tinħall f’taħlita tossika ta’ plastik jinten, jaħraq l-imnifsejn, jistordi l-menti, iżarrat ix-xagħar, inixxef il-ġilda. U l-photocopier tofroq karta minn oħra, tifrixhom pulit fuq xulxin bħal suldati stenduti, nodfa, stirati, bojod bħal-lożor. Il-ħoss tal-magna jkompli jħeddlek, mill-uffiċċju ta’ ħdejk tasallek konverżazzjoni bil-Franċiż.

Barra, ix-xita ċċarċar. Mal-ħġieġ l-għodwa sħiħa. It-tubu abjad iktar mis-sħab. U fl-erbgħa għoddu dalam. Ix-xogħol sempliċi;  il-jum battal. Fuq in-naħa l-oħra tal-bitħa tista’ tara l-uffiċċji ta’ faċċata, ringieli mimdudin u kolonni weqfin. Jaqsmu ’l xulxin bħal waħda mill-eluf ta’ dijagrammi fid-dokumenti statistiċi. Jew gallinar organizzat b’mod matematiku għall-aħħar. Metodu preċiż. Effiċjenti. Pedantiku. F’kull kubu: impjegat maqbud wara skrivanija, forsi xi pjanta, u erba’ stampi mal-ħajt. Tifkiriet ta’ dik li kellha tkun ħajja. Destinazzjonijiet turistiċi. Qraba u għeżież. Oġġetti ta’ sbuħija estetika, bħal warda għadha tiftaħ, ferħ ta’ qattus, il-Ġebla tal-Ġeneral, inżul ix-xemx.

Mit-twieqi ftit li xejn jidħol dawl. Il-ftit li jidħol batut. It-temp, f’dil-belt, m’għandux ħabta jkun sabiħ. Idoqq it-telefown. Tidħol fax.

Temp ikrah illum. Is-sema tqil, l-art għasra, il-bjut battala. Ili ma noħroġ. Fil-mera, wiċċi musfar u xagħri mitluq. Bl-istess flokk dawn l-aħħar jumejn u qalziet wiesa’ tal-piġama. Intella’ u nniżżel nixrifx mill-għatba ’l barra  —  nieħu naqra arja friska, inbiddel ftit, inderri. Iżda dawn l-erba’ ħitan wisq kennija. Lil hinn mill-maltemp, miċ-ċiera tan-nies u mir-rutina tax-xogħol, nagħżel li nestendi dan l-irtir domestiku. Hawn ġew ma jonqosni xejn: fadal xi bottijiet ikel fil-cupboard, jitħaddtu miegħi n-nies tat-televixin, u jżiegħel bija l-friex kbir u sħun. Negħreq ġo fih bħal f’baħar artab li minnu ma nitlax. Hekk jew b’hekk, temp ikrah illum.

Malli l-pjanu waqaf idoqq, infexxet iċċapċap. Mhux dejjem kienet tkun ħerqana, imma kull farka kultura f’dak il-bini burokratiku kienet tilgħaqha bħal kelb imġewwaħ. Mario, kollega qargħi u qed joqrob l-erbgħin, kien daqq valz ħelu f’din l-attività letterarja fl-okkażjoni tal-presidenza Rumena. Fil-ħila professjonali fqira tiegħu, fl-għażla antikwata ta’ ħwejġu mdennsin u fil-kumpanija banali li kien ifittex, Mario ma kien jimpressjonaha xejn, pjuttost idejjaqha. Iżda dakinhar paxxieha bil-kontribut mużikali tiegħu, biex ma ngħidux ħallieha ftit mistagħġba. Dawk in-noti ħelwin u żeffiena rathom bħal oażi f’dak id-deżert xott ta’ uffiċċji griżi u bla ruħ, kull wieħed mimli b’xi impjegat nofsu mejjet.

Kienet ilha snin twal taħdem il-Kumitat. Tnax-il sena ilu, dehrilha li kienet idea tajba li taħrab minn pajjiżha ċkejken u magħluq biex tiskopri l-ħajja f’belt Ewropea. Minkejja xi dubju u qtigħ il-qalb, irnexxielha tirkeb ajruplan bi ħwejjiġha f’bagalja u ssib kamra x’tikri fi Brussell. Bilkemm qatt ma kienet semgħet b’din il-belt; ma kinitx taf x’lingwa jitkellmu; s’issa kienet dejjem għexet m’ommha u missierha fir-raħal fejn twieldet fuq waħda mill-iċken gżejjer tad-dinja. Meta l-iskola kienu jistudjaw il-ġeografija, gżiritha lanqas biss kienet taraha fuq il-mappa. Nitfa ta’ ġebla, tgħum f’nofs ta’ baħar. Kienet tħossha kuntenta li Malta bilkemm tidher fuq il-mappa tad-dinja, bħallikieku kienet xi gżira tal-ħrejjef mistura mir-realtà. Tiftakar kif l-iskola kien ikollhom jimmarkawha bil-lapes eżatt taħt Sqallija fuq il-mappa. Bilkemm tintlemaħ, bilkemm teżisti.

Iżda issa, wara tant snin ’il bogħod, kienet bdiet tifhem li kulħadd jixxiebah fl-aħħar mill-aħħar. Setgħet tikkonferma li mhux il-Maltin biss kellhom dik il-ħila speċjali tal-medjokrità. Anzi, għarfet li spiss ħutha l-Maltin kellhom ħila u rieda iktar qawwija minn pajjiżi ikbar li ġieli jkollhom kunfidenza żejda. U b’hekk ċapċpet b’iktar ħerqa lil seħibha Mario, li tal-inqas kien qed ilewwen lil dawn l-erba’ ċċassati. Ċapċpet sa ma jdejha bdew jaħarquha għax, fl-aħħar, f’did-dinja, tibda tassew tapprezza lil kulħadd.

Naħseb Marija mardet. Qed tinsa kollox. Tinsa l-irgiel. Tinsa l-formoli tat-taxxa. Tinsa l-ismijiet. Tinsa l-kotba. Tinsa s-sess. Tinsa l-ġranet tal-ġimgħa. Tinsa s-somom.

 Tinsa tiekol. Tinsa tagħtas. Tinsa tqum.

Tinsa tiftaħ jew tagħlaq il-purtiera. Tinsa ssakkar il-bieb minn ġewwa. Tinsa l-arloġġ.

Wiċċ Marija għadu żagħżugħ u mislut, għajnejha jolqtuk u ħaddejha weqfin, iżda wiċċha kulur mitfi u taħt għajnejha iswed. Marija nsiet tixgħel id-dawl. Fil-kamra waqa’ dlam ħiemed. Ix-xemx nieżla kulur il-larinġ tittawwal minn wara l-ħajt wieqaf faċċata tat-tieqa. It-televixin mitfi u Marija tiċċassa lejn il-ħajt magħmul minn ġebliet żgħar żgħar. L-għasafar ipespsu u l-papri jħanxru.

Tinstema’ karozza tvenven mill-bogħod.

Jien ma nafx, imma dal-aħħar lil Marija mhux qed naraha f’sikkitha daqs qabel. Darba meta t-televixin kien mixgħul qbadtha tħares lejn il-ħajt warajh. Meta tkun ma’ raġel fis-sodda wkoll tehda tifli l-ħajt. L-aħħar darba lemħet lil Nathalie fi triqithom lejn ix-xogħol, u flok ma sejħitilha u mxiet magħha lejn l-uffiċċju, intilfet tħares lejn it-toppu miġbud fuq wara ta’ rasha, lejn xagħarha mġiegħed immaljat, donnu ta’ tifla tal-iskola li meta tikber ser tibqa’ ħoxna u kerha u tibqa’ dejjem tagħmel xagħarha malju.

Issa x-xemx laħqet niżlet u ngħidilkom li hawn dlam ċappa. U aqta’ xiex, Marija għadha ma xegħlitx id-dawl! Intasbet bilqiegħda fuq banketta fl-intrata. Minn hawn tista’ tara x-shower. Filgħodu minn ġol-ħġieġa jgħaddi d-dawl li jidħol mit-tieqa. Ix-xugaman il-kbir kollu strixxi ta’ kuluri differenti mdendel mal-bieb. Iktar tużah għall-baħar milli biex tinħasel. Imma x’waħda din issa, kemm hawn dlam. Marija ma titħarrikx. Wara ftit tqum tnaqqar żewġ gallettiet. Tixgħel it-tubu tal-kċina. Is-sodda għadha mħarbta u l-art mimlija ħwejjeġ li ppruvat is-Sibt filgħaxija. It-tajts is-suwed taħt is-sodda, il-flokk l-isfar fuq il-pultruna, il-kowt il-griż kobba fuq it-tapit. Marija tixgħel ftit mużika baxxa.

Is-Sibt filgħodu, meta ħarġet xemx tisreġ, Marija marret Rue Anspach. Wara li stenbħet fis-sodda tal-Grieg u libset u ħarbet, wara li xorbu kafè, erħitilha kif kienet  —  bi flokk ilellex u ż-żarbun li jweġġagħha  —  lejn iċ-ċentru tal-belt. Rue Anspach imtektka ħwienet. Fi tmiem it-triq tasal ħdejn is-sex shops. Marija tittawwal ġewwa kif tgħaddi minn quddiemhom. Ftit ġimgħat ilu, meta marret l-Olanda, baqgħet dieħla f’wieħed minnhom. M’għandniex xi ngħidu. Issaħħret tiċċassa lejn aġġeġġi ta’ kull tip, ta’ kull daqs u forma. Purtieri miġbudin jaħbu kabini daqs nitfa. Vetrini mżejna bi stediniet prekoċi. Ktajjen u ġild sewda. U Marija tiċċassa bil-kalma kollha, maħsula f’dawl blu. In-nisa jingħafsu mal-ħġieġ tat-twieqi, qajla lebsin. Kuxxtejn imlaħħmin kollhom xaħam. Bojod Skandinavi. Waħda punk b’xagħar miżbugħ roża. Libsa tiġġebbed ċilesta u bra isfar jgħajjat. Tanga sewda. Waħda tiżżegleg sieqha mgħollija. Isserraħ mas-siġġu hekk kif tħares ’il barra. Il-kanal ta’ Amsterdam. Il-gawwi jitgerrex fi qtajja’ fuq id-dgħajjes mgħottija. Il-borra u ċ-ċaflis. Marija titgeddes hi u ttiegħem il-borra. Amsterdam u r-roti u l-bars b’riħa makakka.

Mike qalilha li hi minn dejjem kienet bla ħeġġa. Stedinha żżuru fil-flat tiegħu li jagħti għal fuq il-Port il-Kbir. Hi ma qalitx le. Tidħol iż-żiffa mill-gallarija tagħti fuq il-Port il-Kbir. Żiffa ħafifa li tiffriskak. Mike sabitu liebes il-piġama. Kif daħlet u poġġiet ħdejh idu ġriet lejn sidirha u fittex il-condom fuq tarf il-mejda. Marija ħadet gost. Fliet il-ħajt b’idejn Mike fuq sidirha.

Issa barra nġema’ s-sħab. Marija ntefgħet tara film ikrah li kriet dwar it-traġedja f’Hiroshima. Il-mara titkellem bil-Franċiż artab u l-pjanu u l-vjolin idoqq fl-isfond. Għajnejn Marija jaħarquha. Is-siegħa neqsin ħamsa ta’ billejl il-Ħadd filgħaxija. Marija għandha griżmejha xotti. “Comme toi, j’ai oublié. …Écoute-moi. …Deux cent mille morts. Il-mara fil-film daqt tibda tixjieħ. Marija tinnota t-tikmix irqiq fuq moħħha; ħaddejha għoddhom kif bdew jiddendlu. F’magazine minnhom, Marija nnutat ukoll it-tikmix fond mal-ġnub t’għajnejn Anjelica Huston. Issa dik qabżet is-sebgħin, u fir-ritratti Marija rat xagħarha twil kannella u għajnejha kbar u ċassi. Fil-magazine rat ukoll ħafna nisa evoluti lebsin l-iswed u b’għajnejhom miżbugħin. Jieħdu kafè u whisky, black and white. Il-mara fil-film għandha xagħarha maqtugħ qasir u ftit minfuħ bħal fis-sebgħinijiet, imma mhux iżżejjed. Liebsa libsa bajda ħafifa, li minnha tidher il-ġilda samranija.

Naħseb Marija qed tongħos. Għejiet fuq saqajha. Issa s-sema kulur imdardar. Kulur it-tajn ħamrani fl-għelieqi. Barra tifla twerżaq imbagħad tinfaqa’ tidħaq. Ommha tittawwal minn ġewwa. Toħroġ terfagħha bil-qalziet ta’ ġewwa u bil-papoċċ. Araha, issa Marija qed isserraħ rasha fuq l-imħadda. Issa għalqet għajnejha. Araha, ħa torqod.

Marija toħlom b’ġuvni għadu żgħir li daħal f’ħanut tal-kafè, xagħru iswed u b’sigarett mitfi f’ħalqu. Imma ma jdumx ma joħroġ, u fil-ħolma dlonk terġa’ titħatteb u tgħaddas rasha fil-kafè.

Barra, ix-xemx imqanżħa qajla tidħol mit-tieqa. Il-karozzi għaddejjin waħda, waħda. Għodu għodu, Marija qed tħossha mistrieħa u f’sikkitha. Tosserva r-rifless tal-karozzi fuq il-ħġieġ. L-iskrivanija organizzata bil-lapsijiet f’bott qadim tal-kunserva. Il-kompjuter kbir u żgombruż, jieħu nofs l-iskrivanija u qatt ma jħallilha spazju fejn tikteb. Mitfi; insiet tixegħlu.

Naħseb Marija mardet. Qed tinsa kollox. Tinsa tiftaħ l-umbrella meta tqattar ix-xita. Tinsa titgħatta bil-liżar billejl. Tinsa tiżbogħ xufftejha filgħodu. Tinsa l-kotba. Tinsa l-ġranet tal-ġimgħa.

Tiftakar is-Sibt u l-Ħadd. Tiftakar l-uċuħ sbieħ.

Aħdar, aħdar, u aħdar, jien u nongħos fuq il-ferrovija fi triqti lura lejn il-belt. Quddiemi mara fil-ħamsinijiet taħdem il-crosswords minn fuq ktejjeb f’ħoġorha. Xagħarha maħlul mimli ħjut griżi, u wiċċha abjad terra. Ħdejja tfajla tistudja ’l King Lear u barra jnixxi l-aħdar. Aħdar u aktar aħdar.

Għaddejjin ħafna sigar, u għelieqi, u djar weqfin waħidhom fil-wesgħat miftuħa. Mogħdijiet fil-kampanja, ħamrija mxarrba u ċpar fuq l-għoljiet. Bogħod wara bogħod, tul ta’ sema, griż, għal dejjem ta’ dejjem. Xagħrek ukoll ittektket melħ. Il-ġilda xierfa u għajnejk tqal bħaċ-ċomb. Koppja żagħżugħa quddiemi: il-ġuvni mserraħ mal-ġenb tat-tieqa jżomm it-tfajla rieqda f’dirgħajh. Ix-xemx tixgħel u titfi minn bejn il-friegħi. Int xiħ u bla grazzja u ma tgħumx f’qigħan l-ibħra. It-tfajla ta’ ħdejja tniżżel noti rqaq b’lapes bil-ponta, u tħassar pulit bil-gomma fit-tarf.

Il-ferrovija tirrombla; wara dawn il-jumejn, ma fadalli xejn ħlief griżmejja juġgħuni u l-Ħadd filgħaxija. Fil-belt, sħabi jixxenglu sa kmieni filgħodu, filwaqt li aħna mxejna tul toroq usa’, iqsar, fejn jilqgħek ir-riħ ġej mill-ftuħ tal-foresti. Jien, kummidjanta, ngħarbel l-uċuħ fil-bar, ħarsiet ġodda, għajnejn sbieħ, ħuġbejn mewġ mewġ, u nifhem li lanqas hawn mhu posti, lanqas miegħek. Li hawn, surti hi biss taż-żufjett. U kliemi wisq artab, iffjurit wisq.

Ġibdiet fuq ġibdiet ta’ raba’. Uċuħ żagħżugħa, jarmu l-frott, kilometri ħodor. Allat ta’ ħamsa u għoxrin, bnedmin t’erbgħin, jieħdu belgħa birra mal-bar. Jitgerrbu aktar u aktar siġar, u sema, u għelieqi u sema u sħab, fil-bogħod, jirbombja. Traxxix mal-ħġieġa. Ninsiek mili ’l bogħod warajja. Il-belt tgħajjatli mill-ġdid. Interraq triqitha, ninġarr tulha, ngħum f’qiegħ il-folol ta’ nies u karozzi u bankini u torrijiet griżi u għoljin. Il-qiegħ delli, milqut b’riflessi jilagħbu mill-wiċċ. Miksi ramel li jqum fi sħaba trab hekk kif tolqtu b’saqajk. Il-qiegħ frisk u kiesaħ, u miftuħ, tara l-fond kull fejn tħares.

Il-mara b’xagħarha griż maħlul issa refgħet il-ktieb u refgħet il-basket marsus taħt abtha. Niflilha t-tikmix iggranfat ma’ għonqha u ħaddejha magħluba mdendlin. U nħares ’l isfel lejn idejja, żagħżugħa imma xotti bil-bard. Iktar ma noqrob lejn il-belt, iżjed naf li għada ħa ninsiek. Bħalma ninsa kollox. Jien ma niftakar xejn.

It-tabella hemm fuq tavża li daqt wasalna. Iteptpu kelmiet oranġjo fuq id-display, bl-ismijiet tal-istazzjonijiet. Namur. Bruxelles-Nord. Schuman. Il-bagoll taħt is-seat imbullat u goff. Nerfgħu bil-mod biex ma nolqot xejn. Nisserrep minn bejn in-nies lejn il-bieb. U nistenna biex ninżel hekk kif tieqaf il-ferrovija.

Il-Ħadd filgħaxija fil-belt id-dlam imma mhux il-ksieħ. L-arja wieqfa mingħajr żiffa titħarrek. Kif noħroġ mill-ferrovija nterraq toroq li drajt biss dan l-aħħar. Sinjali jixegħlu, karozzi jvenvnu u soqfa ħomor. Qalbi tferfer. Bla ma rrid, nitbissem.

In-nies tlaqqat biss l-istejjer tal-wiċċ. Imma jien ngħum fil-qiegħ bħat-tfal li l-baħar jehdew bil-maskra. Id-dar negħja wara sagħtejn li nasal. Nixgħel il-kompjuter, it-televixin, u nħalli l-lampa ta’ ħdejn is-sodda mixgħula. Minn barra t-tieqa nista’ nara l-qamar. Imdendel ’il fuq, fuq id-dwal tal-belt. Marco u Julia jċempluli biex noħroġ. Biex immorru nixorbu xi ħaġa.

U żgur li ninsiek. Jien xejn ma niftakar. Jien u ġejja, tliftek fl-għelieqi.

Hawn m’hawnx xemx. Is-sema abjad bħall-għadam.

Ħares ’l hawn. Baħħ, m’hawnx ruħ. Ir-riħ ivenven u l-weraq jinxef.

Fejn mar il-gawwi, jittajjar fuq truf l-art? Jitbaskat fin-nirien ta’ nżul ix-xemx.

Tar lejn artijiet imbiegħda malli nġema’ s-sħab.

Fejn qed tistaħba x-xemx tisreġ, fejn mar id-dawl?

Ħares lejja. Wiċċi kulur it-terra, donni rajt fatat. U ara għajnejja, mhux qed tarahom neżlin ġol-ħofra, imdawrin swidija?

Għażiż tiegħi, ġieli ħarist lejn sema ikħal, u ftit ftit rajtu jiddallam u jissaħħab, imbagħad jiswied? Ftit wara jinfetħu bwieb is-sema u fil-pront tfaqqa’ sajjetta. Minn wara t-tieqa, mis-sħana ta’ darek, tara d-dinja tinqaleb ta’ taħt fuq.

Ħares barra, għażiż! Ara s-sema donnu tbenġila. U għajnejja  —  żewġt ibjar!

Dal-lejl, it-toroq kienu battala u kesħin. Fid-dlam u fix-xita qliel kulħadd kien inġabar għall-kenn ta’ daru u jien kont waħda mill-ftit iterrqu t-toroq jiżolqu tal-belt, jirbumbjaw bl-eku ta’ passi għajjiena.

Għażiż, il-gawwi ħarab. Nisimgħu jwerżaq mill-bogħod. Intilef fis-sħab ruxxan hu u jittanta x-xemx għaddejja. Il-gawwi mbiegħed, biss daqqa sewda fl-orizzont. Għażiż, ara, għajnejja, għadajjar ta’ deheb maħlul.

Tiegħek żaffiri. Kalmi daqs il-baħar żejtni. Ċari daqs is-silġ. Bilkemm iteptpu, iħarsu siekta fil-bogħod, xejn ma jxekkilhom. Ileqqu bħall-ħġieġ.

Jostru elf ħolma, elf ħsieb: il-ġejjieni mimli, sabiħ.

  • Akropoli mpitter bl-akwarell, kuluri oranġjo u ċelesti, qishom f'ħolma.
    Lejl u Nhar — illustrazzjoni ta’ Miriam Galea

Iżda jien tbattalt. Tbattalt minn kollox. Tbattalt mix-xemx bnina li taf tfuliti. Mir-riħa tfuħ tal-baħar, miż-żiffa friska li ssabbar l-eqqel sajf. Tbattalt minn kull kelma li dawwar ilsieni. Tbattalt minn kull għoqda li għaqqadt, ħallejt kull ċoff. Tbattalt minnek, u għajnejk żoroq, xagħrek qamħi, u s-sigħat kollha li trejjaqt mid-diqa tiegħek. In-niket li għasart minnek. Ħelu ħelu.

Fis-skiet imiss li tintemm sena oħra, taħt dan is-sema tal-azzar. Int bħall-gawwi, nistħajlek twerżaq mill-bogħod. Iżda hawn kwiet perfett. Dlam ċappa. Toqtol u tidfen. Inħaffer fil-fond, nordom il-mejjet, imbagħad infarfar idejja mit-trab. Jien u miexja lura d-dar jibda jbexbex; id-dawl kiefer jifga lil-lejl u jgerrex lill-iħirsa. Il-jum jitqalleb u jitmattar u jistenbaħ kollu nfiħ. F’ħalqu togħma qarsa, xufftejh nexfin. Naħseb kellu ħolma kerha, waħda minn dawk l-imxajtnin.

Fil-bogħod, il-gawwi jwerżaq. Joqrob lejn l-art .

Dekorazzjoni art-nouveau