•  

Dwarna

 

Aphroconfuso huwa ġurnal letterarju bil-Malti online li ġie mniedi fl-1 ta’ Mejju 2023. L-isem ġej mill-ewwel deskrizzjoni stampata li għandna tan-nies li kienu jgħixu fil-gżejjer Maltin, Insulae Melitae Descriptio ta’ Jean Quintin, Lyon 1536: “Siculo sunt homines ingenio, Aphro confuso: ad praelia parum fortes & commodi” [In-nies ta’ dawn il-gżejjer] huma Sqallin, imħalltin mal-Afrikan: mhumiex bsaħħithom biżżejjed għall-ġlied u ma tantx jinqalgħu għalih. L-isem huwa rilevanti iktar bħala sintomu milli bħala xi aġenda speċifika. Nuru kunfidenza u kurżità dwar l-identità Maltija fuq orizzonti ġodda lil hinn mill-binarji klassiċi ta’ Malti/Ingliż u Malti/Taljan. Konxji wkoll mill-fatt li l-Malti issa sar jintuża minn barranin li ġew joqogħdu Malta u li b’hekk qed jinħolqu orizzonti interni għall-ilsien Malti u nisperaw li fil-futur, bħala ġurnal, nibdew niskopruhom ukoll.

Aħna interessati nippubblikaw esejs, stejjer u poeżiji u xogħlijiet letterarji li mhux faċli tikklassifikahom. Interessati fit-traduzzjoni, fil-koeżistenza ta’ lingwa żgħira qalb il-lingwi globali, kif ukoll fl-espressjoni ta’ ideat globali fil-lingwa tagħna. L-interess tagħna huwa miftuħ, b’mod speċjali f’esperjenzi femministi, realtajiet marġinali u queer.

Għalkemm miftuħin għal formati oħrajn, nemmnu li hemm vantaġġi kbar għall-format online. Irridu noħolqu ġurnal letterarju sostenibbli online. Ma nixtiqux infittxu l-prestiġju tiegħu biss meta/jekk eventwalment nużaw il-forma stampata. Għal din ir-raġuni qed niddefinixxu Aphroconfuso bħala ġurnal letterarju online. Madankollu, m’aħna neskludu l-ebda format ieħor li jista’ jissupplimenta l-format online. Formati oħrajn jistgħu jinkludu pubblikazzjonijiet stampati, podcasts, audiobooks, e-books, avvenimenti fiżiċi jew online, u oħrajn. 

Għandna Appuntament kull l-ewwel Tnejn tax-xahar meta nippubblikaw l-ewwel xogħol relatat ma’ tema editorjali. Iktar tard matul ix-xahar nippubblikaw xogħlijiet oħrajn, x’aktarx ukoll relatati. Se nkunu qed nippromovu dawn ix-xogħlijiet u l-awturi tul ix-xahar kollu. Il-forma tista’ tkun proża, bħal novella, jew silta minn rumanz; poeżija twila b’mod sostanzjali; traduzzjoni maġġuri/ambizzjuża (minn lingwi Mediterranji u oħrajn); esej, reċensjoni, kritika letterarja, djarju u tipi oħrajn ta’ nonfiction u ta’ ġeneru mhux determinabbli. Bosta drabi nkunu involuti editorjalment mill-bidu nett.

Ma nixtiqux li r-reċensjonijiet u l-esejs ta’ kritika letterarja jkunu biss dwar pubblikazzjonijiet ġodda, ħalli bil-mod il-mod nibnu arkivju ta’ reċensjonijiet/kritika ta’ kwalità letterarja dwar il-corpus letterarju Malti.

Mil-lat tekniku, aħna nużaw software open-source, u dak kollu li nipproduċu bħala software u konfigurazzjonijiet huwa wkoll disponibbli fuq bażi open-source. Is-sit jilħaq l-istandards Ewropej għall-aċċessibbiltà. Kemm jista’ jkun nużaw software installat fuq is-server tagħna stess biex niġbru statistika dwar il-qarrejja mingħajr ma nirriskjaw il-privatezza tagħhom b’cookies u trackers ta’ kumpaniji kbar.

Dekorazzjoni art-nouveau