Aphroconfuso 8
isbn 978-9918-9599-4-5
416-il paġna
Marta Marta huwa Rebbieħ fil-kategorija Rumanzi tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2023.
It-tnedija ta’ Marta Marta se ssir fl-1 ta’ Novembru 2026 fis-6pm il-Malta Society of Arts waqt il-wirja Għadajjar Għajnejja: Ebbs and Flows ta’ Miriam Galea
Din hija t-tieni edizzjoni, edizzjoni komunitarja, bil-parteċipazzjoni ta’ fatima a.m., Raylene Abdilla u Davinia Hamilton.
Madre Dolorosa u Madre Immacolata Concetta huma ż-żewġ nisa anzjani li jmexxu Dar il-Pjaċir, binja ta’ xejra kumplessa bejn klawsura, cabaret u burdell, u fl-istess ħin post li joffri kenn u sigurtà għan-nisa li jgħixu magħhom. In-nisa jimlew il-ġranet b’passatempi raffinati u bil-kumpanija intelliġenti ta’ xulxin, jaqraw, jitħaddtu u jħejju għall-cabaret tal-Ġimgħa filgħaxija. Dakinhar l-irġiel prominenti tal-belt jattendu lejla artistika sofistikata miżgħuda ritwali ta’ umiljazzjoni, eċċess orġastiku u dagħa performattiv. Marta Marta huwa rumanz irrakkontat minn ħamsa mill-persunaġġi li jabitaw did-dar. Fosthom iż-żgħira Nathaline, li waslet Malta dal-aħħar. Din iġġib magħha fehim aktar riġidu u teoretiku ta’ kif in-nisa għandhom jirrelataw ma’ xulxin. Fuq kollox hija rrabjata li f’Malta l-abort għadu illegali fi kważi kull ċirkostanza. Il-preżenza tagħha hija l-katalist li jwassal biex, f’jum l-Ewwel ta’ Mejju, id-differenzi ġenerazzjonali fil-fehim tan-nisa dwar il-femminiżmu jikkulminaw f’konklużjoni esplussiva.
Meta ħareġ Marta Marta fl-2022, mill-ewwel kien rikonoxxut bħala mument importanti fil-letteratura Maltija, partikolarment il-letteratura femminista Maltija. Fi kliem ir-riċensuri tiegħu kien “ktieb li jidħol sparat fil-kanonu”, “ktieb għalkollox Malti, mhux biss għall-ambjentazzjoni ewlenija imma wkoll għall-ħakma inkredibbli ta’ lsien qadim li kapaċi jitlibbes l-iġded ilbies biex iġib ruħu fid-dinjiet kumplessi tal-lum”, u “qari essenzjali għal kull min għandu l-iċken interess fil-letteratura kontemporanja Maltija... wieħed minn dawk ix-xogħlijiet li jassumu li d-dinja li ngħixu fiha miżgħuda bi mħuħ miftuħin, lesti biex jiġu sfidati”. Romeo Roxman Gatt sejjaħlu “l-kors intensiv fil-femminiżmu li Malta tant kellha bżonn.” It-traduttur Kat Storace sejħitlu rumanz innovattiv,
provokattiv, misterjuż u xi drabi delikatament biżarr li, permezz tal-lingwa kif ukoll tas-suġġett, joħodna f’postijiet fejn il-letteratura Maltija s’issa qatt ma kienet azzardat timraħ qabel. Il-kitba hija kemm poetika kif ukoll ħarxa, li bħal titfgħek f’għadira nġazzata. B’dar-rumanz, Loranne Vella rnexxielha ssawwar forom ġodda biex teżamina ideat kumplessi u firxa ta’ suġġetti kulturalment tabù – dwar ir-reliġjon, is-sess, is-sesswalità, il-moralità, u l-interazzjoni bejn dawn kollha – u tesponihom permezz tal-ħsibijiet, l-azzjonijiet u r-relazzjonijiet ta’ kast indimentikabbli ta’ persunaġġi fittizji. Permezz ta’ dawn irnexxielha tagħmel ħerba mill-konfini ta’ dak li qabel kien possibbli li tikteb dwaru bil-lingwa Maltija. Aqrawh, u lestu ruħkom biex id-dinja tagħkom tinqaleb ta’ taħt fuq b’mod irrevokabbli. Naf għax hekk ġrali jien.
Marta Marta kien ir-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Kiteb 2023. Żewġ siltiet mir-rumanz, maqlubin għall-Ingliż minn Kat Storace, dehru f’The White Review Writing in Translation Anthology (The White Review 2024) u f’The Feminine Voice of Malta: Il-Leħen Femminili ta’ Malta (IHRAM 2024) .