Bejn l-10 ta’ Marzu u d-29 ta’ Mejju 2026 ġiet organizzata t-tieni edizzjoni tal-Malta Biennale, festival tal-arti kontemporanja ospitat f’numru ta’ siti storiċi fil-Belt Valletta, il-Birgu, u x-Xagħra u r-Rabat Għawdex li huma mmaniġġjati minn Heritage Malta — l-aġenzija nazzjonali tal-mużewijiet, il-konservazzjoni u l-wirt kulturali Malti. F’din l-edizzjoni ntwera x-xogħol ta’ ’l fuq minn 130 artist Malti u barrani, inklużi priġunieri mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dawn il-kontribuzzjonijiet intgħażlu minn fost iktar minn 3 200 applikazzjoni li daħlu minn 122 pajjiż. Mifrux fuq 11-il sit storiku, il-Biennale ħa l-forma ta’ 27 padiljun tematiku jew nazzjonali, kif ukoll numru ta’ xogħlijiet individwali miġburin flimkien f’siti speċifiċi li f’daqqa jiffurmaw tip ta’ grupp tematiku wiesa’. Minbarra dawn il-wirjiet kien hemm ukoll programm ta’ avvenimenti li seħħew matul il-perjodu tal-biennale.
Din l-edizzjoni, bit-tema ta’ TNADDAF / TGĦARRAF / TFERRAQ – CLEAN / CLEAR / CUT, ġiet organizzata minn Heritage Malta bi sħab mal-Kunsill Malti għall-Arti u Visit Malta, u b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u Gvern Lokali, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, u l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Il-kuratur prinċipali kienet Rosa Martínez minn Spanja, u Alexia Medici u Antoine Borg Micallef kienu ż-żewġ assistenti-kuraturi Maltin. Martínez hija kuratur ta’ fama internazzjonali li serviet fost oħrajn bħala kodirettur tal-wirja internazzjonali li saret fl-Arsenale fil-51 edizzjoni tal-biennale ta’ Venezja fl-2005, kuratur tal-padiljun Spanjol fl-istess biennale fl-2003 meta ntwera x-xogħol ta’ Santiago Sierra, kif ukoll bħala kokuratur tal-biennale ta’ Busan fis-sena 2000, u dak ta’ São Paolo fl-2006. Il-biljett għal Malta Biennale kien jiswa €35 u kien joffri dħul ta’ darba għall kull sit, validu sal-aħħar ġurnata tal-avveniment.
Kemm matul l-ewwel edizzjoni fl-2024 kif ukoll din id-darba, kont Malta fi żmien il-Biennale. Sintendi, bħala xi ħadd li studja u issa jaħdem fix-xena artistika u kulturali fl-Olanda, ma stajtx ma nżurux (minkejja li jkolli nammetti li d-darbtejn ma rnexxilix nitla’ Għawdex). Id-darba li għaddiet kont ktibt reċensjoni konċiża li dehret fir-rivista tal-arti kontemporanja Olandiża Metropolis M. Bit-titlu “(Too) Late to the Arty Party?”, kont bdejt nirrifletti dwar x’jiżvela l-biennale ta’ Malta dwar l-istat tal-arti kontemporanja f’Malta u l-pożizzjoni ta’ Malta fi ħdan ix-xena u d-diskors tal-arti kontemporanja internazzjonali. B’dat-titlu ma ridtx infisser li, la l-biennale dam ma wasal fi gżirijietna, aħna l-Maltin għadna lura għax ma nlaħħqux ma’ ta’ barra u daż-żmien kollu konna qed ngħixu fil-passat. Jien konxja ħafna tal-pożizzjoni tiegħi bħala xi ħadd li ilni ngħix u naħdem f’pajjiż Ewropew tal-Punent għal dawn l-aħħar snin, u allura ċerta li f’xi mumenti jiena wkoll inkun suxxettibbli biex niġġudika lil Malta permezz ta’ lenti barranija li ta’ spiss timponi ruħha fuq il-lokal b’ċertu sens ta’ superjorità. Madankollu, permezz tal-provokazzjoni tiegħi ridt nistaqsi xi jfisser il-fatt li l-biennale wasal f’Malta f’dan il-punt storiku speċifiku u bl-istruttura li ġie mwaqqaf biha, u x’inhuma l-implikazzjonijiet għax-xena lokali. Ridt nibda nirrifletti wkoll dwar il-modi ta’ skambju u l-kwalità tal-ingaġġament bejn Malta u l-bqija tax-xena tal-arti kontemporanja internazzjonali li jiffaċilita (jew le) avveniment bħall-Biennale. Ħafna mill-punti li qajjimt sentejn ilu nħoss li għadhom applikabbli għal din l-edizzjoni. Forsi l-ikbar żvilupp li seħħ minn sentejn ilu ’l hawn hu li issa jeżisti l-ġurnal Aphroconfuso li mhux biss jilqa’ kitba dwar ix-xena tal-arti lokali, imma jħaddan ukoll spirtu kritiku u huwa bil-Malti.
Qabel ma nidħol fid-dettall fil-mistoqsijiet li jqajjem għalija l-biennale Malti, huwa importanti li dan l-avveniment jitpoġġa f’kuntest storiku internazzjonali li jmur lura għall-ewwel biennale tal-arti li qatt ġie organizzat: dak ta’ Venezja li twaqqaf fl-1895 mill-kunsill muniċipali tal-istess belt sabiex titkabbar l-industrija tat-turiżmu tal-post u sabiex Venezja tingħata immaġni iktar moderna ta’ ċentru kulturali Ewropew. L-ewwel edizzjoni saret fil-Giardini, ġnien pubbliku li fih ittella’ bini ċentrali għall-wirja tal-arti, il-Palazzo delle Esposizioni. Fil-bidu tas-seklu għoxrin feġġew l-ewwel strutturi nazzjonali permanenti — dawk tal-Belġju (1907), l-Ungerija (1909), il-Ġermanja (1909), ir-Renju Unit (1909), Franza u l-Olanda (1912), u r-Russja (1914) — u matul l-istess seklu dawn żdiedu għal 29, il-maġġoranza tagħhom pajjiżi Ewropej.
Mis-snin tmenin tal-istess seklu, l-Arsenale u siti oħra mxerrdin madwar il-belt kollha bdew jospitaw padiljuni nazzjonali li ma kellhomx struttura permanenti fil-Giardini, kif ukoll avvenimenti oħrajn, kemm uffiċjali u kemm le, relatati mal-arti. Il-biennale ta’ Venezja għadu sal-lum jopera fuq mudell maqsum bejn rappreżentanzi nazzjonali u wirja tematika ta’ skala kbira kkurata mid-direttur artistiku ta’ dik l-edizzjoni, fejn jiġi esibit ix-xogħol ta’ artisti internazzjonali kemm famużi u kemm emerġenti. Fil-preżent, madwar disgħin pajjiż minn madwar id-dinja jieħdu sehem permezz ta’ padiljun nazzjonali. Malta ħadet sehem għall-ewwel darba fl-1999, u mill-2017 ’l hawn pajjiżna rritorna bħala parteċipant regolari wara assenza ta’ kważi għoxrin sena.
It-tfassil tal-biennale ta’ Venezja, speċjalment ir-rappreżentanza nazzjonali, huwa bbażat fuq dak tal-fieri dinjija tas-seklu dsatax, ġieli msejħin ukoll “fieri universali”, bħal dik ta’ Pariġi fl-1889. Dawn kienu avvenimenti pubbliċi ta’ skala kbira ħafna li, fihom, pajjiżi minn madwar id-dinja, speċjalment dawk ta’ qawwa imperjali u kolonjali, kienu jesibixxu l-aħħar kisbiet u avvanzi tagħhom f’oqsma bħall-industrija, it-teknoloġija, l-arti u x-xjenza. Ħafna drabi dawn il-fieri kienu jinkludu wirjiet “etnografiċi” problematiċi ħafna. Nies u kulturi indiġeni kienu jintwerew bħala “primittivi” meta mqabblin ma’ dawk Ewropej, u iktar tard l-Amerka ta’ Fuq, li kienu jikkunsidraw ruħhom superjuri u “moderni”. Bħalma tikteb l-istorika tal-arti Beat Wyss, dawn il-fieri jirrappreżentaw “forma bikrija ta’ strutturi ta’ poter supranazzjonali b’ambizzjonijiet imperjali fil-politika u l-ekonomija.” Hija żżid illi “fl-ewwel mewġa tal-globalizzazzjoni, id-dritt għall-awtonomija kulturali baqa’ l-privileġġ tal-istati nazzjon u l-poteri kolonjali, li kkolonizzaw ukoll il-Giardini ta’ Venezja billi bnew il-padiljuni tagħhom. L-arti kienet omonima mal-arti Ewro-Amerikana; il-prodotti mill-kolonji u l-protettorati kienu kkunsidrati bħala artiġjanat.” Oliver Marchart kiteb estensivament dwar l-istorja ta’ dawn l-avvenimenti, u fil-kritika tiegħu jsostni li l-idea ta’ stati nazzjon f’kompetizzjoni ma’ xulxin u li jesibixxu l-qawwa ġeopolitika tagħhom permezz tal-arti, hija perspettiva tal-Punent. Dan ifisser li minkejja d-diversi bidliet, żviluppi, espansjonijiet fl-iskop u l-firxa ġeografika tal-pajjiżi parteċipanti, kif ukoll iċ-ċikli ta’ kritika minn kuraturi, artisti u storiċi li għadda minnhom matul is-snin, il-biennale ta’ Venezja għadu sal-lum fundamentalment ibbażat fuq mentalitajiet u mudelli kolonjali/imperjali tal-Punent.
Wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija bdew jitniedu biennali f’pajjiżi oħra, bħall-ewwel biennale ta’ São Paolo fl-1951 u dak ta’ Pariġi fl-1959. Il-wirja documenta f’Kassel inbdiet mill-artist-kuratur Arnold Bode fl-1955, iżda din baqgħet isseħħ kull ħames snin mhux kull sentejn. Iktar tard, biennali bħal dawk ta’ Havana u Istanbul, li kellhom l-ewwel edizzjoni tagħhom fl-1984 u l-1987 rispettivament, inawguraw fenomenu kulturali magħruf bħala “l-boom tal-biennali” matul is-snin disgħin tas-seklu li għadda. Hawnhekk, il-mudell tal-biennale tal-arti kontemporanja beda jipprolifera ġmielu f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja kollha. Sal-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin kien hemm ’il fuq minn 250 biennale inklużi, fost l-iktar prestiġjużi u popolari, dawk ta’ Sharjah fl-Emirati Għarab Magħquda (1993), ta’ Johannesburg fl-Afrika t’Isfel (li ttella’ darbtejn biss) u ta’ Gwangju fil-Korea t’Isfel (it-tnejn twaqqfu fl-1995), u ta’ Busan, ukoll fil-Korea t’Isfel (stabbilit fl-1981 iżda ħa l-forma attwali tiegħu fl-1998). Fl-1995 ukoll twaqqaf Manifesta, biennale nomadiku kkonċeput mill-Olandiża Hedwig Fijen. Seħħ għall-ewwel darba f’Rotterdam fl-1996, u kull sentejn isir f’belt Ewropea differenti.
Minkejja d-differenzi fl-iskala, il-post, il-forma, u l-aġendi politiċi, ekonomiċi u soċjali tal-entitajiet organizzattivi tagħhom (hawnhekk m’iniex se nidħol fid-dettall fis-suċċessi, il-fallimenti u l-merti tagħhom), il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn il-biennali “ġodda” għandhom komuni l-fatt li ġew stabbiliti bħala rispons kulturali u spazju ta’ riflessjoni rigward l-avvenimenti storiċi u l-iżviluppi (ġeo)politiċi importanti li kienu qed iseħħu kemm fil-lokal tagħhom, kemm fir-reġjun kontinentali li jinsabu fih, kif ukoll fuq l-iskala globali. Marchart josserva li dawn ta’ spiss twaqqfu sabiex fil-pajjiż-organizzatur jibda jiġi pproċessat avveniment nazzjonali storiku trawmatizzanti (bħal fil-każi ta’ documenta wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, Johannesburg wara l-Apartheid, u Gwangju wara l-massakru ta’ mijiet ta’ studenti fi żmien id-dittatorjat militari). Jew inkella — speċjalment hekk kif lejn nofs is-seklu għoxrin ħafna pajjiżi madwar id-dinja (inkluża Malta) bdew jiddekolonizzaw — bħala pjattaformi “periferali” jew postkolonjali ’l barra minn postijiet li tradizzjonalment kienu meqjusa bħala ċ-ċentri artistiċi u kulturali (u ta’ spiss ekonomiċi wkoll) tal-Ewropa tal-Punent u l-Amerka ta’ Fuq.
Rigward il-funzjoni tal-biennali bħala istituzzjonijiet kulturali, Marchart isejħilhom “makkinarji eġemoniċi” li, iktar minn kull istituzzjoni artistika oħra, bħal pereżempju l-mużewijiet u l-ispazji tal-wirjiet, jimmedjaw bejn ix-xeni lokali, nazzjonali u transnazzjonali. Dawn l-avvenimenti fl-aħħar mill-aħħar huma wirjiet tal-arti tal-mument, mobilizzati għall-konsolidazzjoni tal-infrastruttura artistika u kulturali u tal-kapital kulturali tal-post, rappreżentanza għal gruppi u arti marġinali, żviluppi fl-istituzzjonijiet tal-arti, jew sabiex nazzjon speċifiku jiżgura postu fl-istorja u fid-diskors tal-arti globali. Iżda l-arti fi ħdan il-biennale ta’ spiss tiġi mobilizzata wkoll għal finijiet ta’ aġendi bħall-promozzjoni turistika u preżenza internazzjonali akbar u iktar b’saħħitha, il-ġentrifikazzjoni, u propaganda politika jew ideoloġika.
Fost il-lista twila ta’ biennali madwar id-dinja, Marchart jagħti eżempji ta’ xi wħud li jirreferi għalihom bħala “biennali ta’ reżistenza” mill-periferija. Dawn l-avvenimenti jiddistingwu ruħhom mill-bqija permezz tal-objettivi u l-forom radikali tagħhom, li jservu sabiex tiġi ddeċentralizzata l-eġemonija artistika tal-Punent, u joffru narrattivi u storja tal-arti alternattiva għal dawk dominanti. Xi eżempji li jsemmi Marchart huma l-Premier Festival Mondial des Arts Nègres ta’ Dakar fis-Senegal (1966), imniedi mill-poeta, u l-ewwel president tas-Senegal, Léopold Sédar Senghor, bħala pjattaforma indipendenti għall-wirja tal-arti mill-kontinent Afrikan, kif ukoll dak ta’ Havana, li fit-tielet edizzjoni tiegħu fl-1989, bit-titlu Tradición y contemporaneidad en el ambiente del Tercer Mundo, abbanduna kompletament il-mudell Venezjan ibbażat fuq rappreżentanza nazzjonali u l-għotja ta’ premjijiet. F’din l-edizzjoni, il-kuratur Gerardo Mosquera, li kien wieħed mill-organizzaturi tal-ewwel biennale ta’ Havana, mhux biss stieden artisti mill-periferiji globali, iżda wkoll dawk minn tad-dijaspora li kienu jgħixu u jipprattikaw fiċ-ċentri tradizzjonali. B’dan il-mod, jikteb Marchart, Mosquera espanda d-definizzjoni tat-“Tielet Dinja” għal waħda li tinkludi “l-immaġni kumplessa ta’ dinja ffurmata mill-emigrazzjoni” fejn in-Nofsinhar Globali kien ilu li wasal u tħallat mat-Tramuntana u l-Punent Globali. Eżempju ieħor li jagħti Marchart, u li ta’ min jissemma hawn ukoll, huwa dak ta’ documenta 11 f’Kassel (2002), ikkurat minn Okwui Enwezor. Minkejja li seħħ f’wieħed miċ-“ċentri” artistiċi tal-Punent, dan l-avveniment xorta waħda pproblematizza l-kunċett tal-“Punent” u tal-arti mhux mill-Punent, kif ukoll l-idea ta’ “ċentru” u “periferija”. Billi ħa l-forma ta’ diversi pjattaformi diskursivi ta’ workshops u konferenzi fi Vjenna, Berlin, New Delhi, Lagos u St Lucia qabel il-wirja proprja f’Kassel, documenta 11 wassal biex iċ-ċentralità taċ-ċentru tisparpalja materjalment u fiżikament. It-temi prinċipali ta’ dan il-biennale — id-demokrazija, il-verità, ir-rikonċiljazzjoni ta’ pajjiżi fi stat ta’ transizzjoni (bħall-Afrika t’Isfel), l-iżvilupp ta’ megabliet Afrikani, u l-kreolizzazzjoni mill-Karibew — ukoll ikkontribwew għal din id-deċentralizzazzjoni.
Dan kollu fejn iħallih lill-biennale Malti? Nistgħu ngħidu li dan huwa, jew għandu, il-potenzjal li jkun biennale postkolonjali jew antikolonjali, ta’ reżistenza mill-periferija bħalma jipproponi Marchart? Għalfejn — jew għalfejn le? Fir-reċensjoni tad-darba l-oħra kont qajjimt il-punt li, bħal ħafna mudelli, modi, u forom (kulturali) oħra li fis u mingħajr ħafna ħsieb nadottawhom bħala lokali mal-mument li jaslu f’pajjiżna, dan hu mudell impurtat u li ħafna kritiċi prominenti fl-oqsma tal-arti u l-kultura jaqblu li hu, ukoll (fil-maġġoranza tal-każijiet), pjuttost eżawrit. Minħabba dan u minħabba l-fatt li — bħal ħafna entitajiet, aġenziji u (infra)strutturi formali kemm privati kif ukoll pubbliċi Maltin oħrajn relatati mal-produzzjoni, il-wiri, l-edukazzjoni, ir-residenzi, l-iskambji u l-attivitajiet li jappoġġjaw l-eżistenza tal-arti kontemporanja f’pajjiżna — il-biennale Malti għadu fis-snin formattivi tiegħu, huwa importanti ħafna li l-kritika dwaru ma tkunx biss, jew primarjament, dwar l-għanijiet kulturali lokali u l-kontenut artistiku tiegħu, iżda tinkludi wkoll analiżi tal-(infra)strutturi nazzjonali u istituzzjonali, u l-aġendi politiċi u ekonomiċi li jsawruh.
Fl-2024, il-biennale wasal Malta fuq l-inizjattiva ta’ Mario Cutajar, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta. F’intervista mat-Times of Malta li ħarġet f’Lulju tal-2024, Cutajar qal li meta ħa d-deċiżjoni li jorganizza l-biennale f’Malta, hu qatt ma kien segwa jew attenda biennale ieħor. Qal ukoll li l-għan prinċipali tal-Biennale għalih hu li jservi bħala attivazzjoni regolari ta’ siti storiċi biex dawn jattiraw iktar viżitaturi u jkun hemm żjarat ripetuti lejn dawn is-siti. Fi kliem Cutajar, “Biex mużew jibqa’ ħaj, għandek bżonn xi ħaġa li tista’ tiġri fih perjodikament.” L-edizzjoni inawgurali bit-titlu baħar abjad imsaġar taż-żebbuġ – white sea olive groves seħħet bejn it-13 ta’ Marzu u l-31 ta’ Mejju 2024, u kienet ikkurata minn Sofia Baldi Pighi, il-kuratur prinċipali, flimkien ma’ Elisa Carollo u Emma Mattei. Il-wirjiet tal-Biennale seħħew f’’il fuq minn dsatax-il sit ta’ Heritage Malta mifruxin madwar Malta u Għawdex u fihom intwera x-xogħol ta’ iktar minn sebgħin artist Malti u barrani.
Fl-ewwel edizzjoni tiegħu, il-biennale Malti ngħata l-istruttura u l-forom prinċipali tiegħu: attività organizzata minn numru ta’ ministeri u aġenziji governattivi taħt id-direzzjoni artistika ta’ kuratur prinċipali maħtur direttament minnhom (s’issa l-kuraturi prinċipali d-darbtejn kienu barranin), li timmanifesta bħala sett ta’ wirjiet f’siti storiċi f’Malta u Għawdex. Uħud minn dawn il-wirjiet huma miġburin taħt tema jew titlu speċifiku, u oħrajn jikkonsistu f’numru ta’ xogħlijiet artistiċi individwali installati f’sit storiku partikolari fejn l-element li jgħaqqadhom flimkien huwa ta’ spiss, u primarjament, is-sit innifsu. Il-forma tal-biennale Malti sa ċertu punt tissellef minn dak ta’ Venezja: il-wirja fil-Forti Sant’Iermu l-Belt Valletta u din is-sena wkoll dik ġewwa l-Armerija tal-Birgu, huma bbażati fuq sett ta’ padiljuni nazzjonali (kif jintgħażlu jew min jiddeċiedi liema stati nazzjon jieħdu sehem mhuwiex ċar), u matul il-biennale jiġu ppreżentati diversi premjijiet f’forma ta’ falkun tad-deheb, varjazzjoni fuq l-iljun tad-deheb li jingħata f’Venezja.
Kemm mil-lat formali kif ukoll minn dak tematiku, jibda jidher biċ-ċar li l-biennale ta’ Malta mhuwiex neċessarjament riżultat ta’ eżerċizzju ta’ ħsieb dwar il-pożizzjoni, il-pajsaġġ, u s-sitwazzjoni storika ta’ pajjiżna. It-titlu tal-ewwel edizzjoni baħar abjad imsaġar taż-żebbuġ qrajtu bħala referenza vaga għal passat remot maqtugħ għalkollox mis-sitwazzjoni attwali tal-pajjiż. Kif poġġewha b’mod konċiż il-kollettiva malmejda, “il-kunċett tal-baħar bħala pont abjad huwa kunċett borgiż li ma jirrikonoxxix l-istorja tagħna fil-Mediterran.” L-edizzjoni tal-2024 setgħet kienet opportunità tajba ħafna sabiex — speċjalment fi ħdan it-temi magħżulin “Decolonising Malta” u “The Mediterranean as a political body” — il-Biennale jindirizza anniversarji storiċi importanti għal pajjiżna, bħas-sittin sena anniversarju minn meta Malta kisbet l-Indipendenza mir-Renju Unit fl-1964, u l-għoxrin sena anniversarju minn meta pajjiżna sar membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Minn dawn l-anniversarji setgħu jispuntaw traġitti siewja ta’ ħsieb dwar il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fil-pajsaġġ ġeopolitiku Ewropew u dinji tal-lum il-ġurnata, kif ukoll, ġaladarba permezz tal-Biennale ddeċidejna li rridu nkunu perjodikament parteċipi fihom, dwar ir-relazzjoni ta’ pajjiżna mad-diskorsi u l-forom artistiċi mainstream/dominanti tal-Punent (inklużi r-reazzjonijiet lejh u kontrih).
Aħna l-Maltin inħobbu niċċajtaw li Malta dejjem għadna lura f’kollox għaliex l-affarijiet ġodda jdumu ħafna jaqsmu l-baħar qabel ma jaslu sa pajjiżna. Li nħarsu lejna nfusna bħala kultura li “għadha lura” u li hija “inqas moderna” huwa bla dubju riżultat tal-inkontru kolonjali fejn il-kulturi kolonizzati jiġu ġġudikati — jew, bħal fil-każ tal-Maltin illum, jiġġudikaw lilhom infushom — skont kriterji tat-traġitti storiċi tal-Ewropa tal-Punent. Skont l-istorja dominanti, il-perjodu tal-modernità beda mar-rivoluzzjoni industrijali u l-industrijalizzazzjoni. Pajjiżi mhux industrijalizzati, jew li l-iżvilupp tagħhom ma kienx jipprijoritizza l-industrijalizzazzjoni, kienu meqjusa bħala “primittivi” u “periferali”. Fl-istorja artistika dominanti (li wkoll hija miktuba mill-perspettivi tal-Ewropa tal-Punent u l-Amerka ta’ Fuq), il-mument kontemporanju beda fis-snin sittin tas-seklu għoxrin meta fiċ-ċentri artistiċi tal-Punent ġie ddikjarat il-mewt tal-moderniżmu. F’dan iż-żmien spuntat serje ta’ movimenti artistiċi li bdew jisfidaw il-valuri tradizzjonali tal-arti moderna, u jesploraw ir-rwoli ġodda tal-arti fir-rigward tal-intensifikazzjoni tal-kapitaliżmu, il-kunflitti militari, u l-midja tal-massa, fost kwistjonijiet oħrajn. Jekk inqabblu dan it-traġitt storiku ma’ dak Malti jidher biċ-ċar li l-mumenti msemmijin hawn fuq ġraw f’pajjiżna b’modi differenti jew f’mumenti oħrajn fl-istorja tagħna. Allura Malta (meta) saret moderna jew kontemporanja? Xi jfissru għalina dawn iż-żewġ kelmiet kbar u tqal?
Jekk nibqgħu mad-definizzjonijiet dominanti, nistgħu ngħidu li fis-snin sittin tas-seklu għoxrin, Malta kellha ssir moderna u kontemporanja fl-istess ħin. Kien bejn wieħed u ieħor f’dan iż-żmien li pajjiżna beda jindustrijalizza — u b’hekk jimmodernizza — u kien ukoll f’dan iż-żmien li f’daqqa waħda, bħala eks kolonja tal-Imperu Ingliż, Malta sabet ruħha bħala stat nazzjon ġdid u żgħir fin-Nofsinhar tal-kontinent Ewropew bħala (kif ta’ spiss ngħidu) l-aħħar fruntiera bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq. Ħabta u sabta, mingħajr poter ħakkiem li jiddetta u mingħajr l-ebda preċedent ta’ tmexxija indipendenti, pajjiżna kellu jifhem waħdu kif kellhom jiġu nnegozjati u fformulati mhux biss relazzjonijiet diplomatiċi u ekonomiċi mal-bqija tad-dinja, iżda wkoll sens ta’ identità nazzjonali. Minn dan iż-żmien ’l hawn, segwejna traġitti ta’ żviluppi ekonomiċi, politiċi, kulturali u soċjali bbażati fuq il-fdal ta’ żmien l-Ingliżi u mudelli tal-Punent, li ma kinux iddisinjati għalina u li ħafna drabi batejna taħthom. Nistgħu ngħidu li l-biennale wasal Malta tard wisq mhux minħabba l-fatt li l-ewwel wieħed ġie organizzat madwar tletin sena wara l-boom tal-biennali, imma minħabba l-fatt li adottajnieh bil-forma fqira u eżawrita li wasal fiha, u minnufih ippreżentajnieh bħala prodott turistiku ieħor. Fil-fatt, is-sit online tal-ewwel Biennale (li sadanittant ġie aġġornat u m’għadux jista’ jiġi aċċessat), kien jinqara ħafna bħala riklam għat-turisti li jwiegħed vjaġġ xemxi lejn “ġawhra moħbija fil-qalba tal-Mediterran” — inklużi stampi attraenti u klixè ta’ baħar leqqien u rħula pittoreski — fl-istess ħin li fl-istqarrija tagħha ppubblikata fuq l-istess sit, il-kuratur esprimiet it-tama li tiġi diżattivata [“to defuse”] l-immaġni tal-kartolini tal-Mediterran u li dan ikun biennale kontra t-turiżmu estrattiv.
Waqt l-edizzjoni li għaddiet deher artiklu fuq Art in America fejn Emily Watlington fetħet bi proposta intriganti: Jista’ jkun li Malta hija l-Kassel li jmiss? Fi kliem ieħor, jista’ jkun li Malta hija ċentru artistiku emerġenti u promettenti f’xena globali fejn qed naraw u nesperjenzaw il-kollass tal-istituzzjonijiet tradizzjonali, hekk kif dawn qegħdin iżjed ta’ spiss jitilfu l-fondi, isiru iżjed u iżjed ostili lejn l-arti u l-artisti, jew isibu ruħhom fi kriżi? Fl-artiklu tagħha, Watlington irreferiet għall-ostilità tal-istat Ġermaniż fir-rigward tal-espressjoni artistika li ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-gvern favur l-Iżrael u għal kif fl-Istati Uniti, is-settur tal-arti “sar kumpless industrijali ta’ pittura figurattiva u mużewijiet li m’għandhomx biżżejjed fondi u li kulma jmur iktar qed jaqdu ’l-membri tal-bordijiet u d-ditti tal-moda lussużi” minflok lill-arti u ’l-pubbliku, bil-konklużjoni li “fl-istituzzjonijiet, l-arti li hija ġenwinament innovattiva, politika u sperimentali saret diffiċli biex issibha.” Riċentament rajna wkoll il-biennale ta’ Venezja fi kriżi kbira wara serje ta’ protesti, bojkottijiet, u riżenji minħabba l-parteċipazzjoni tar-Russja u l-Iżrael minkejja r-rwol tagħhom ta’ aggressuri fi ħdan l-invażjoni tal-Ukrajna u l-ġenoċidju tal-Palestinjani f’Gaża.
Fi żmien fejn f’ħafna pajjiżi l-fondi u l-opportunitajiet għall-artisti qed jonqsu drastikament, jekk jiġi maħsub u organizzat b’ċerta sensittività u attenzjoni lejn l-istorja u l-pożizzjoni ġeopolitika ta’ pajjiżna, kif ukoll lejn il-bżonnijiet u x-xewqiet tax-xena tal-arti lokali, il-biennale f’Malta xorta waħda jista’ jkun avveniment tassew ġenerattiv kemm għall-artisti, kif ukoll għall-organizzaturi u l-udjenzi lokali u internazzjonali tiegħu. Dan huwa wieħed mill-ftit avvenimenti f’Malta fejn xogħol lokali jista’ jintwera ma’ xogħol internazzjonali fuq pjattaforma daqshekk sostanzjali, u l-idea li jiġu attivati siti storiċi permezz tal-arti kontemporanja mhijiex ħażina fiha nnifisha: dan jista’ jkun mod ta’ kif il-passat u l-preżent jitlaqqgħu b’mod ġenerattiv.
Kemm fl-ewwel edizzjoni kif ukoll f’ta’ din is-sena, dehru diversi eżempji ta’ xogħlijiet b’saħħithom, speċjalment dawk b’approċċ femminist, kif ukoll mumenti ta’ affinità ċara bejn l-arti u s-sit fejn intweriet. Hawn qed nirreferi kemm għal xogħlijiet minn artisti lokali li ingaġġaw b’mod kritiku mal-pajsaġġ u l-istorja Maltija, kif ukoll xogħol ta’ artisti internazzjonali li jirrelata sew mal-kuntest Malti. Pereżempju, l-intervent, fl-ewwel edizzjoni, By a Lady ta’ Sandra Zaffarese (2024) fil-Bibljoteka Nazzjonali, fejn l-artista ppreżentat installazzjoni dwar l-għamla ta’ “ktieb qadim ġdid” li jenfasizza r-rwol storiku ta’ nisa eċċezzjonali ġo kamra mimlija dokumenti dwar trijonfi u kisbiet mill-irġiel. Din is-sena, Zaffarese ppreżentat xogħol ieħor minn lenti femminista, din id-darba ġewwa l-MUŻA, bit-titlu The Women’s Bible (2026). Dan ħa l-forma ta’ pubblikazzjoni ta’ gazzetta li wieħed seta’ kemm jaqra fil-post kif ukoll jieħu kopja miegħu. Dan ix-xogħol jissellef it-titlu u l-kontenut tiegħu mill-ktieb ta’ Elizabeth Cady Stanton miktub flimkien ma’ kummissjoni ta’ 26 mara fl-1898, u jmur kontra tradizzjonijiet reliġjużi li jistipulaw li n-nisa għandhom iservu lill-irġiel.
Ħdejn ix-xogħol ta’ Zaffarese, l-installazzjoni fotografika In Place. Where the Land Holds (2026) ta’ Therese Debono kienet kommoventi u b’saħħitha ħafna. Is-serje fotografika ta’ Debono hija proġett investigattiv fejn, wara proċess ta’ riċerka f’arkivji ġurnalistiċi u tal-qrati, kif ukoll konverżazzjonijiet ma’ individwi konnessi mal-każ, ir-ritratti ta’ Debono joħduna lejn siti fil-gżejjer Maltin fejn twettqu atti ta’ vjolenza, inkluż qtil fuq nisa. Permezz ta’ din is-serje, fejn la jidhru traċċi u lanqas ismijiet tal-vittmi, Debono torbot il-pajsaġġ Malti ma’ storja ta’ miżoġenija u vjolenza: dawn is-siti jżommu fihom il-memorja ta’ dak li ġara.
Din is-sena ħadt gost ħafna wkoll nesperjenza l-esibizzjonijiet fil-Mużew Marittimu, fil-Palazz tal-Inkwiżitur, u l-Forti Sant’Anġlu l-Birgu. L-installazzjoni tal-organizzazzjoni Women on Waves fil-Mużew Marittimu li kienet tinkludi diversi xogħlijiet, mhux biss ġibdet l-attenzjoni lejn l-abort u tat viżibbiltà lil suġġett tabù u kkuntestat ħafna f’pajjiżna, iżda l-affordanzi ta’ wirja artistika ntużaw biex jimbuttaw il-konfini tal-liġi Maltija f’dan ir-rigward. Ix-xogħlijiet ta’ Women on Waves, Zaffarese, u Debono flimkien jindirizzaw kif f’Malta fil-preżent, minkejja liġijiet u kwoti dwar l-ugwaljanza, għadna ngħixu f’soċjetà patrijarkali. Fil-Mużew Marittimu wkoll, il-proġett Innocent Passage (2026) ta’ Núria Güell u Rosa Casado jissellef l-immaġni u l-kompożizzjoni tiegħu mill-industrija tal-kruċieri (f’forma ta’ billboard, serje ta’ kartolini turistiċi, u vjaġġ fl-ilmijiet territorjali Maltin li stajt tibbukkja online) — immaġni familjari fil-portijiet Maltin — sabiex tinġibed l-attenzjoni lejn id-dinja tar-rotot kummerċjali globali, li Malta hija infrastrutturalment u ekonomikament involuta fihom.
Fil-Palazz tal-Inkwiżitur għoġbuni, fost oħrajn, ix-xogħlijiet A Night We Held Between (2024) ta’ Noor Abed u Hooded Woman Seated Facing the Wall (2003) ta’ Santiago Sierra, li qagħdu tajjeb ħafna fil-kuntest ta’ sit li jirrakkonta storja ta’ dixxiplina u oppressjoni. Il-film ta’ Abed huwa miġbud f’diversi siti antiki ġewwa l-Palestina, u fih naraw xeni ta’ ritwali u narrattivi komunitarji Palestinjani li jirrakkuntaw storja ta’ reżistenza u persistenza. Ix-xogħol ta’ Sierra, li deher għall-ewwel darba fil-padiljun Spanjol f’Venezja fl-2003, juri mara xwejħa poġġuta fuq banketta żgħira u liebsa kappell ippuntat iswed, tagħti daharha lill-ispettatur waqt li tħares lejn il-ħajt għal siegħa sħiħa. Dan ix-xogħol, li jinkludi referenza viżiva għal Auto de fe de la Inquisición (1812–1819) ta’ Francisco Goya, huwa partikolarment effettiv meta esibit fil-kamra fejn kienu jinstemgħu u jinqatgħu s-sentenzi ta’ każijiet ta’ ereżija u reati oħrajn.
Xogħlijiet oħrajn li laqtuni u li qattajt ħafna ħin magħhom kienu dawk ta’ Despina Charitondi — il-performance Well | A Wall that Isn’t One (2026) li seħħet fil-bitħa tal-Armerija, il-Birgu, u l-video li jiddokumenta performance oħra maħsuba mill-istess artista bit-titlu To Fall With Grace (2022) installat fil-Forti Sant’Anġlu, il-padiljun tal-Polonja fil-Forti Sant’Iermu bl-isem Archive of Hesitations fejn intwera x-xogħol ta’ Weronika Zalewska, kif ukoll l-intervent Siġġu (2024) mill-ewwel edizzjoni tal-Biennale, ta’ Austin Camilleri f’Misraħ ir-Repubblika, il-Belt. Dawn kienu xogħlijiet li mhux biss jindirizzaw temi kontemporanji urġenti bħall-kriżi ekoloġika, l-identità nazzjonali (f’dan il-każ Pollakka) wara tmiem il-Gwerra Bierda, u l-postkolonjaliżmu u d-dekolonjaliżmu, iżda jagħmlu dan b’mezzi u forom ingaġġanti u kritiċi, bħall-involviment u r-riċerka dwar il-pajsaġġ, l-ekoloġija, u t-tradizzjonijiet tal-lokal, l-użu oriġinali ta’ materjal arkivjali u l-logħob bil-lingwa, kif ukoll is-sovverżjoni ta’ monument familjari fi spazju pubbliku prominenti. Ir-reazzjoni pubblika għall-interventi fi Pjazza Reġina wrew li dawn il-kwistjonijiet għadhom ħajjin u komplew jivvalidaw ix-xogħlijiet.
Dawn huma biss ftit eżempji fost ħafna xogħlijiet li mhux biss laqtu l-għajn u apprezzajt l-opportunità li nżurhom Malta, iżda ġegħluni wkoll nirrifletti u nħoss. Dawn l-eżempji juru li Emily Watlington kellha raġun tagħraf il-potenzjal tal-biennale Malti, iżda l-perspettiva tagħha kienet wisq unidirezzjonali, ottimista, u opportunistika: ma ntqal xejn dwar kemm tkun ħasra li kieku Malta, wara li tiġi eżawrita Venezja (kif fil-fatt qed jiġri) kellha tispiċċa ssir sfond xemxi u pittoresk ieħor għal-laqgħat tal-eliti tad-dinja tal-arti li fl-aħħar mill-aħħar ma jinteressahomx minn pajjiżna, jew dwar il-fatt inkwetanti li l-biennale ta’ Malta mhuwiex eżentat mid-diversi ostilitajiet lejn l-arti li tikteb dwarhom Watlington stess. Pereżempju, bejn l-ewwel u t-tieni edizzjoni ġew ippubblikati diversi artikli fuq pjattaformi online li ġibdu l-attenzjoni lejn kif ġew iċċensurati ċerti xogħlijiet artistiċi (speċjalment dawk dwar l-abort), dwar kif xi xogħlijiet tneħħew fl-aħħar minuta mingħajr ma ġew ikkonsultati jew infurmati l-artisti, dwar pagamenti ta’ miżati tard, dwar nuqqas kbir ta’ komunikazzjoni u ta’ professjonalità, nuqqas ta’ trasparenza matul il-proċess tal-għażla tal-artisti u ta’ kif jintgħażlu u jinħatru d-diretturi artistiċi, u dwar kif u fuq xiex intefqu fondi pubbliċi allokati għall-Biennale. Fir-reċensjoni dwar l-ewwel biennale kont irriflettejt ukoll dwar kif l-esperjenza taż-żjara tiegħi f’ċerti siti żvelat kemm f’Malta għadu ma ntlaħaqx ċertu livell ta’ sensittività kuratorjali u affinità mal-materjal tal-arti kontemporanja fl-istess istituzzjonijiet li qed jospitaw dan il-materjal, u kif għadu nieqes ħafna l-apprezzament u l-interess fl-arti kontemporanja fost il-pubbliku ġenerali.
Ftit ġimgħat wara l-ftuħ tal-ewwel edizzjoni, il-biljetti tal-Biennale bdew jinbiegħu nofs prezz minħabba nuqqas ta’ viżitaturi, li jwassalni sabiex nistaqsi: għal min qiegħed jiġi maħsub u organizzat il-Biennale bħalissa? Lil min qed jindirizza u lil min qed jilħaq? Min qed jibbenefika minn din l-inizjattiva? Sitwazzjonijiet bħal dawn jippuntaw mhux biss lejn fallimenti istituzzjonali u l-individwi li huma responsabbli tagħhom, iżda wkoll lejn fallimenti sistemiċi u strutturali, bħan-nuqqas kbir ta’ spazji u pjattaformi ta’ wirja u kritika indipendenti, kif ukoll nuqqas ta’ infrastruttura edukattiva, inklużi traġitti edukattivi speċjalizzati adegwati għall-kuntest kontempranju. Nafu li dawn jistgħu jiġu indirizzati kif suppost biss permezz ta’ viżjoni ħolistika u pjan fit-tul, u mhux matul avveniment ta’ tliet xhur kull sentejn, iżda nafu wkoll li sfortunatament hemm ċans kbir li din il-viżjoni fit-tul qatt mhi se tasal. Għalkemm hawnhekk xtaqt nagħti iktar attenzjoni lill-arti esibita fil-Biennale, sakemm dawn in-nuqqasijiet serji jibqgħu jtawlu dellhom fuq dan l-avveniment u l-kuntest tax-xena lokali, inħoss li huwa impossibbli li reċensjoni tal-Biennale ma tkunx primarjament dwar il-qafas tiegħu. Jew, fi kliem Marina Vishmidt, dwar “il-kundizzjonijiet tal-possibbiltà” tiegħu, inklużi l-kundizzjonijiet li fihom huma mistennija li jaħdmu u juru xogħolhom l-artisti parteċipanti, l-opportunitajiet professjonali għal ġenerazzjoni ġdida ta’ ħaddiema u kittieba fis-settur kulturali, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ingaġġament pubbliku. Bħalissa, dawn il-kundizzjonijiet jidher li huma iktar ta’ impossibbiltà, u jinsabu miżmuma ostaġġi tal-interessi tal-politika partiġjana u ta’ dawk li l-iktar jibbenefikaw minnha .