Dan il-manwal għandu l-għan li jiddokumenta l-metodoloġija sħiħa ta’ Aphroconfuso, mill-konċettwalizzazzjoni u l-proċessi editorjali sal-produzzjoni diġitali u stampata. Fih se nimmappjaw kif nikkummissjonaw, neditjaw, nikkollaboraw, niddisinjaw, nimpaġnaw, nippubblikaw u nippubbliċizzaw il-kitba tagħna, kif ninvolvu ruħna mal-kontributuri u l-udjenza tagħna, kif nipproduċu l-podcasts u norganizzaw l-avvenimenti tagħna. Se niddokumentaw kif u, speċjalment, għaliex nagħmlu l-affarijiet bil-mod li nagħmluhom.
Lejn l-aħħar tal-2025, Aphroconfuso ġie rreġistrat bħala organizzazzjoni mhux għall-profitt. Dan il-manwal huwa pass importanti biex il-ġurnal u d-dar tal-pubblikazzjoni tagħna jsiru dejjem iktar sostenibbli u awtonomi. Fih irridu nniżżlu b’dettall kemm dak kollu li ġibna magħna bħala fundaturi mill-esperjenzi li kellna qabel il-ġurnal, kif ukoll dak li bnejna flimkien mal-kontributuri tagħna fl-ewwel snin ta’ Aphroconfuso. Dan il-manwal huwa intenzjonat, primarjament, biex jintuża minn edituri u kollaboraturi ġodda li jissieħbu magħna. Mhux biex il-ħsieb tagħna jibqa’ fiss, iżda biex jinftiehem il-ħsieb wara d-deċiżjonijiet li ttieħdu s’issa u biex il-prattiki tagħna jevolvu u jinbidlu b’mod maħsub, mhux b’mod arbitrarju.
Il-Manwal mhuwiex xi sett ġdid ta’ regoli tal-pubblikazzjoni u wisq inqas ta’ regoli tal-użu tal-lingwa. Il-metodoloġija mniżżla hawn hija biss deskrizzjoni ta’ dak li jsir f’Aphroconfuso. Madankollu, qed nagħmlu l-prattiki interni tagħna pubbliċi biex ikunu jistgħu jintużaw minn prattikanti letterarji oħrajn; billi japplikaw ċerti prinċipji, u jadattaw u jikkuntrarjaw oħrajn.
Il-Manwal huwa parti importanti mill-programm usa’ tagħna sabiex insiru preżenza sostenibbli u dejjiema fix-xena letterarja Maltija. Fuq dan il-vjaġġ, għandna l-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti li qiegħed jagħtina sostenn finanzjarju u istituzzjonali għat-tliet snin sal-2028. B’dan l-appoġġ se nkunu nistgħu nkomplu nippubblikaw xogħol regolari fil-ġurnal u niġbruh darba fis-sena fi ktieb stampat. Se nkunu nistgħu nwessgħu l-medda ta’ kittieba li jiktbu u jippubblikaw magħna. Fl-2027, se nkunu qed nagħtu sensiela ta’ workshops li jużaw il-Manwal bħala bażi, u fl-2028 se naħdmu direttament biex inħarrġu edituri ġodda permezz ta’ internships imħallsin. Il-Manwal tal-Editorija u l-Produzzjonu qed jirċievi wkoll l-appoġġ tal-APS Bank.