Il-vuċi ta’ Aphroconfuso hija leġġera imma mhux frivola, serja imma mhux bla gost. Mhux dejqa, jew formali, jew pedantika. Niktbu qisna qed nitkellmu mal-aktar ħabiba intelliġenti li għandna. Il-qarrej ta’ Aphroconfuso qed jaqra għall-pjaċir mhux għad-dover — pjaċir letterarju u intellettwali imma xorta pjaċir. Inkunu ċari fil-kitba. Inkunu interessanti u mhux iktar ikkumplikati milli hemm bżonn, imma nistgħu nassumu li l-qarrejja interessata fis-suġġett. M’hemmx għalfejn ħafna żegħil u rassikurazzjoni biex il-qarrej ma jitlifx interess.
Kultant, għax ikollna l-impressjoni — forsi bir-raġun — li qed niktbu għall-ewwel darba bil-Malti dwar xi suġġett, ikollna t-tentazzjoni li kulma niktbu bil-Malti jieħu l-forma ta’ gwida għall-prinċipjanti. Nirreżistuha.
Ma ninsewx li Aphroconfuso huwa, l-ewwel nett, ġurnal letterarju. Allura, kull opportunità biex norbtu dak li qed ngħidu ma’ xi ktieb partikolari — speċjalment ktieb Malti, jew ktieb bil-Malti — għandna noħduha. Tajbin ukoll reċensjonijiet li jiftħu f’esejs, jew esejs li jsemmu iktar minn ktieb wieħed.
Għandna nisfidaw il-kanonu, kemm dak Malti kif ukoll dak barrani. Nagħmlu sforz konxju biex inferrxu l-attenzjoni tagħna fuq kittieba u artisti li fil-passat ġew imwarrba għal raġunijiet ta’ ġeneru, klassi, razza, eċċ. Ma nżidux mal-kult ta’ adorazzjoni għall-istess erbat irġiel.
Ma nżommux lura milli ninvolvu lilna nfusna fl-istorja permezz ta’ aneddoti, u tal-esperjenzi tagħna ma’ dan is-suġġett. Ma nibżgħux nuru l-proċess tal-kitba, tal-fehim tagħna. Ma nibżgħux nuru li qed nitgħallmu mal-qarrej.
Tajjeb ukoll li, jekk ikun hemm bżonn, insemmu d-diffikultajiet li qed niltaqgħu magħhom bħala kittieba biex nesprimu dak li qed nippruvaw ngħidu bil-Malti.
Nippreferu l-ideat milli l-opinjonijiet.
Ma ninħbewx wara subgħajna. Dak li għandna ngħidu ngħiduh, mingħajr tgħajjir. Jekk dak li rridu ngħidu għandu bżonn fiduċja kbira mill-qarrej — għax forsi nistgħu ninftiehmu ħażin jew inweġġgħu — l-ewwel irridu nkunu ċerti li rbaħnieha l-fiduċja. M’hemmx għalfejn ħniena ma’ min hu iktar qawwi minna; dik il-ħniena nrodduha lil min hu iktar dgħajjef.