Lulju 2023

Meta Platun ried ifaħħar lil Saffo, sejħilha l-Għaxar Muża. Id-disgħa li ġa kien hemm, biex jgħaddu lill-bnedmin l-għerf poetiku, artistiku u xjentifiku mill-qċaċet tal-muntanji fejn kienu jgħammru, kienu jsibu xi raġel Grieg u jfesfsulu f’widintu, biex imbagħad minnu jitkellmu l-allat. Anki jekk kliem Saffo xi darba tlissen b’leħen l-allat, illum jaslilna umli u tentattiv, kelma ’l hawn, kelma ’l hemm fuq bċejjeċ ta’ papiru li jdumu sekli sħaħ biex jitfaċċaw. It-traduzzjoni l-ġdida ta’ Warren Bartolo tal-frammenti ta’ Saffo, tgħidilna Loranne Vella, tidħol inkiss inkiss mat-test oriġinali. Biex iġibilna lil Saffo bil-Malti, it-traduttur jindiehes magħha, jgħix magħha, joħroġha miegħu, iħalliha ssir parti minn ħajtu ta’ kuljum. Ma jagħmilx vjolenza fuq il-poeżija imma jħallilna l-ispazji tal-istorja, ta’ fejn għebu l-biċċiet. Test ifframmentat nistgħu ninħallu fih daqskemm jinħall fina hu. L-istess tagħmel Rowena Grech bil-ħrejjef u l-mitoloġija, meta taqbad mit u tiddomestikah, tħallih jaħkimha imma wkoll taħkmu hi billi tiġġissem bih. Rowena tidħol fl-istorja billi tirrakkuntaha mill-ġdid, billi l-istorja tilbisha, tiffotografaha, iżżarmaha permezz tat-teknoloġiji kollha li għandha u ġġiegħel ’l-istorja tħares lejha nnifisha fil-mera tal-midja soċjali. F’“Medusa”, Rowena, bħalma tagħmel f’bosta mill-istejjer li tirrakkonta, tidħol fl-istorja, issib il-mara fiha u ġġibha fid-dinja tagħna. Ma tagħtiniex l-istorja tal-eroj, li jagħmel atti ta’ barra minn hawn, u jirbaħ, u jaħkem, u jistupra, u joqtol. Naqraw, minflok, l-isforz li l-protagonista tagħmel biex tieħu l-forma u ssir karattru sħiħ, li titlibbes biha nnifisha. Loranne tikkwota l-idea ta’ Ursula K. Le Guin li minbarra l-istejjer vjolenti li ilna nafu mill-mitoloġija, hemm tip ieħor ta’ storja li ftit ġiet miktuba. “Hemm stejjer bil-lanza, bit-taqtigħa sfrenata, imdemmija, dwar dak il-wieħed li fl-aħħar joħroġ rebbieħ. Imbagħad hemm l-istejjer bil-qoffa, li narawha timtela bil-mod il-mod, nedhew niflu kull frotta li titqiegħed fiha, nistagħġbu bil-ġmiel, bl-ilwien, bl-emozzjonijiet li jitqanqlu fina hekk kif narawha timtela sa ma tfur. Iżda kull fejn inħarsu, l-aktar li naraw huma l-istejjer bil-lanza, għax l-istejjer bil-qoffa ma tantx jagħmlu ħoss. Forsi Platun għolla ’l Saffo għal-livell ta’ Muża għax ma riedx jara żewġ nisa jfesfsu f’widnejn xulxin. Wara kollox, bilfors kellu jkun hemm xi spjegazzjoni sopranaturali għall-fatt li Saffo kienet ħakmet l-immaġinazzjoni tal-qarrejja tagħha bi vrus dwar l-imħabba, il-ġmiel, il-biżgħat. Il-kwotidjan, id-domestiku, jaf joħloq theżżiża, bil-mod kwiet u persistenti tiegħu, daqs l-ikbar terremot .

Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:

Abbona fin-newsletter biex dejjem issir taf meta nippubblikaw xi ħaġa ġdida.

Dekorazzjoni art-nouveau