Medusa

Rowena Grech

Din l-istorja tittratta temi ta’ vjolenza sesswali.

Żgur li ismi familjari. Żgur li smajt bosta stejjer fuqi. Iżda żgur qatt ma smajt dak li ġara bejni u bejn Persew. Nitolbok, iskot ftit u isma’ l-istorja tiegħi qabel nissarraf f’elf framment ta’ miti oħra…

Mela darba, ħmistax-il sena ilu, meta kont għadni tifla, kont ngħix mal-ġenituri tiegħi, Foriku u Keto, fuq gżira serena mdawra b’baħar blu jwerżaq. Id-dar kienet ċkejkna, bi tlett ikmamar kollox; il-kċina, il-kamra tal-bżonnijet tagħna u l-kamra fejn konna norqdu jien u ħuti l-oħra. Għalkemm bejni u bejn ħuti l-kbar ftit snin biss kienu jifirduna — qabża ta’ sentejn kull wieħed — l-ikbar differenza kienet il-vulnerabbiltà tal-mortalità tiegħi. U meta ħuti, Stenun u Ewrjali, kellhom is-setgħa li jmorru jesploraw l-għelieqi, il-ġenituri kienu jżommuni priġuniera tal-erba’ ħitan kennija tad-dar. Iżda ma kontx  inħabbel wisq rasi għaliex f’nofs dik id-dalma solitudni ltqajt mal-unika mħabba reċiproka f’ħajti: il-kelma. U minn hemm kienu l-bosta sigħat li kont qattajt b’rasi mgħaddsa fil-kotba, nixtarr l-għerf li l-paġni, bla ma jafu, jgħadduli.

  • Mara b'raġġiera tas-sriep f'kamra griża bid-dawl fuqha.
    Rowena Grech: ritratti meħudin minn Aldo Cauchi Savona (AldoPics)
  • Mara b'raġġiera tas-sriep f'kamra griża bid-dawl fuqha.
    Rowena Grech: ritratti meħudin minn Aldo Cauchi Savona (AldoPics)
  • Mara b'raġġiera tas-sriep, fil-kampanja taħt siġra.
    Rowena Grech: ritratti meħudin minn Aldo Cauchi Savona (AldoPics)
  • Mara b'raġġiera tas-sriep isserraħ ma' blata fil-kampanja.
    Rowena Grech: ritratti meħudin minn Aldo Cauchi Savona (AldoPics)

Iż-żmien gerbeb. U Stenun u Ewrjali kienu jqattgħu ħin sostanzjali mal-mera jindilku bl-ilwien u jroxxu l-fwejjaħ bil-għan li jkunu l-mira fallika; jien qajla kelli dan l-interess.

Iżda meta għalaqt it-tlettax bdejt ninnota l-ħars stramb taz-ziju. Għajnejh, kif jilmħu lili, kienu jittappnu b’ħarsa itqal. Darba minnhom daħal waqt li kont fil-kamra waħdi naqra ktieb tal-filosofija fuq is-sodda, u poġġa ħdejja bla ma tlabtu.

“Medusa, mhux ser tkellimni llum?” 

Ħasadni.

“Haw’ Zi, qed naqra.

Idejh bħal tentakli suwed jintnu ta’ qarnita, iggranfaw saqajja.

“Ġieli għedtlek kemm għandek saqajk sbieħ?”

Ksaħt. Mifxula ppruvajt inneħħilu jdejh.

“Zi, neħħi jdejk, issa!”

Komplejt nigref iżda t-tentakli xxebilku ma’ kuxxtejja. Qalbi bdiet tħabbat sitta sitta. Griftu. Ħsadtu u nġibed lura.

Tlaqt niġri barra mill-kamra. Minn dakinhar ’il quddiem qatt ma ħassejtni iktar komda fl-istess kamra miegħu, minkejja l-preżenza ta’ wħud oħrajn fil-kamra. Ħarstu mdennsa swidija ħmieġ kienet tqabbadni d-dardir. U kont iddeċidejt  li ma rrid nerġa’ qatt nara dik il-ħarsa fallika msarrfa f’azzjoni. L-għada stess kont tlabt ’l ommi teħodni żjara lit-tempju ta’ Atena. 

Niftakar qomt qabel sbiħ il-jum. Kif wasalna u sibt ruħi fit-tempju ssaħħart bis-skiet tiegħu. Rajt lil Atena, enormi. Kuraġġuża. Protettriċi. Divina. Alla.  U, issa li d-dar ma kinitx baqgħet post sikur, Atena kienet l-unika tama tiegħi. Atena kienet ir-risposta tiegħi.

Kif wasalna d-dar urejt lill-ġenituri x-xewqa tiegħi li niddedika ħajti lil din l-alla. U familti lkoll ferħu b’din il-bxara tant sabiħa ta’ binthom.

Ilni qassis ta’ Atena seba’ snin. Ir-rutina ta’ kuljum hija l-manna tiegħi. Niltaqgħu erba’ darbiet tul il-ġurnata sabiex qima nagħtu lil din il-protettriċi tagħna permezz ta’ poeżija mlissna f’melodiji u ritmi tnabar. B’kollox bqajna tnax. Ħafna huma t-tfajliet li jidħlu iżda ftit huma t-tfajliet li jibqgħu.

Kollox kien sejjer sew sakemm għodwa kiesħa xitwija ħriġt nagħmel passejn ftit ’il bogħod mit-tempju. U qalb mewġ blu jwaħħax sulari jitfaċċa Pusejdun. Smuritu bellusija spikkat mgħannqa qalb il-lega ragħwa li jaf iħalli biss il-mewġ feroċi. Għajnejh bluni oċeani kollha nkejja biex togħdos fil-qigħan u tesplorah. Sbuħija divina. Manjifiku f’persuntu. Leħnu melodija maskili. Kliemu sbejjaħ daqs l-għanja ta’ Apollun. 

“Medusa, xuxtek sewda, sema bla kwiekeb bellusi. Għajnejk sfura, deheb ikanġi.

Nitbissimlu. Jeħodli idi ċkejkna f’par idejn imdaqqsa. Xufftejh imellsu xufftejja u għall-ewwel darba nitgħaxxaq bl-irtubija tas-sess maskili. Ilsienu jistieden lil tiegħi u nintilfu fiż-żifna mużikali li l-ewwel bewsa taf iġġib. Idu tinżel fuq sidri. U b’dak il-ġest bħal donni nistenbaħ mill-ipnosi-estasi li sibt ruħi fiha. Ressaqtlu idu bil-mod. Iżda kompla jteftef fija. Forsi ma fehemnix.

Ġbidt rasi lura.

“Pusejdun, nitolbok tieqaf.

Imma din it-twissija donna tħeġġu iktar. Jaħtafni minn xagħri u jibda jagħfas. Did-darba jweġġagħni. Niffriża. Jigdimli xoffti. Nipprova nimbuttah. Kollu għalxejn. Jerfagħni u jitfagħni fuq spalltu; ħaruf għas-sagrifiċċju. Iġorrni lura lejn it-tempju. Jixħitni fuq l-artal. Iċarratli ħwejġi u jkażbar it-tempju tiegħi sakemm kuxxtejja jroxxu dmugħ aħmar.

Jitlaq bħalma ġie l-maltemp. Iżda warajh iħalli frakass alka fil-wiċċ, u taqlib li maltemp qalil biss jaf iħalli. Għajnejja qoxqox. Dmugħ ma baqax. Nitlaq niġri lura u nidħol f’soddti. Iżda mistrieħ ma nsibx.

L-għada jasal. Ma noħroġx għat-talb. Lanqas għall-ikel ma ninżel. Jiġu jħabbtuli iżda ngħidilhom li qed inħossni ma niflaħx u għandi bżonn il-mistrieħ.

Inqatta’ sitt ijiem f’kamarti. Lejl u nhar kobba f’soddti nitbandal u ngedwed. Tul il-ġurnata l-iċken ħoss jaħsadni. Moħħi ffriżat. U fit-tessut tan-notturn jaħkimni inkubu wieħed wara l-ieħor. 

Iżda fis-seba’ lejl kif nagħlaq għajn m’għajn iżżurni kokka maestuża b’rix abjad silġ bla ebda tebgħa. Munqarha feroċi oranġjo jwerżaq, bi ġwinħajn metri twal. 

“Medusa, jisgħobbija tal-inġustizzja li sofrejt. Pusejdun huwa alla. Divinità li kontrih ma nistax neħodha. Imma nwiegħdek il-protezzjoni tiegħi. Mil-lum ’il hemm ser intik poteri speċjali. U l-ebda raġel mhu ser jerġa’ qatt ikollu x-xewqa jersaq lejk. Jekk ħarstu biss tiltaqa’ ma’ tiegħek ser isir katavru tal-ġebel.

Inqum maħsuda hekk kif xagħri bħal jieħu l-ħajja waħdu u jibda jiċċaqlaq min-naħa għall-oħra bi tfesfis ferventi. Saħħa enormi tibda tbaqbaq fil-vini tiegħi. Nalza jdejja u nintebaħ li biddlu lewnhom; fiddien waħħaxi bi dbabar ta’ qxur tal-ħut. Nistira saqajja bil-konfużjoni u minn taħt il-liżar nilmaħ denb enormi nieżel sa taħt is-sodda. Mifxula nitkaxkar minn soddti u kif nilmaħ ir-riflessjoni tiegħi fil-mera nissammar.

Insib par għajnejn sofor djaboliċi jħarsu lura fissi lejja, xuxti sriep lewn id-deheb b’par għajnejn suwed, jiżfnu min-naħa għall-oħra, u ġismi lewn l-oċean imdardar li Pusejdun xiref minnu. Saqajja denb enormi ta’ sirena. Nitkaxkar niġri mit-tempju ta’ Afroditi tul is-sigħat bikrija tal-lejl u ma niqafx qabel insib kenn f’għar fond u nistaħba qalb id-dlam bellusi sabiex naħbi surti.

Is-snin igerbu u bosta huma l-irġiel eroj li jippruvaw iżuru dan l-għar sabiex jaraw hux vera neżisti jien. Iżda l-kuraġġ kien jgħib minn wiċċhom hekk kif b’ħarsa waħda f’għajnejja ħajjithom tintemm f’nifs. Għalkemm issa jien b’saħħti, indistruġġibbli, il-biża’ jibqa’ jippersegwitani ma’ kull raġel li jirfes fl-għar. U għalkemm it-togħma divina ta’ saħħa immortali hija ħelwa, il-qrusa tas-solitudni mhux mixtieqa ma tnin fl-ebda ħin.

L-għar ta’ kenn, li ftit ilu kien sar irdoss, issa bħal qed inħosslu l-ħitan jagħfsu fuqi. Ir-riħa umduża fi mnifsejja ddejjaqni u d-dlam mhux itini mistrieħ.

Darba fost l-oħrajn jitfaċċa raġel ġdid. Iżda dan mill-ewwel intbaħt li mhux bħal ħafna. Sbuħitu tfakkarni fl-allat. Par għajnejn suwed jitbissmu, fomm imdaqqas, xagħar nokkli feroċi u ġisem atletiku.  Daħal b’żarbun dehbi f’saqajh jixgħel bħax-xmux ta’ sjuf, f’idu samranija tarka tal-bronż b’simboli familjari u xabla b’manku jlellex u t-tarf tagħha mibrum.

Dan ir-raġel ma nixtiqux katavru. Iżda laħmu jħaddan ’il-tiegħi. Dan ir-raġel ma nixtiqux borġ ġebel. Iżda xufftejh fuq tiegħi. Dan ir-raġel ma nixtiqux mejjet. Iżda nixtiequ fuqi. Nixtiequ taħti. Nixtiequ jixtieqni.

Ħsibt li tlifthom darba għal dejjem dawn ix-xewqat karnali tiegħi, taħt it-tiġrif li ħallew l-irġiel l-oħra ta’ qablu.  Imma issa li stejqru qed inħossni ħajja.

Kif jersaq lejja ndawwar kemxejn rasi sabiex ħarsietna ma jiltaqgħux. U hu jinduna li jien ma rridlu ebda deni. Ipoġġi t-tarka fl-art u dan il-ġest ċkejken iqanqalli kaskata ta’ emozzjonijiet. Inbaxxi ġismi fl-art u nimtedd biex nurih li ma rridx inwettaq xi forma ta’ attakk. Ipoġġi ftit metri ’l bogħod minni u nħoss għajnejh jiflu l-mostrożità tiegħi.

“Persew. X’tixtieq mingħandi?”

Leħni jaħsdu. Żgur ma kienx qed jistenna leħen ta’ mara minn din is-sura.

Iħares lil hinn fil-vojt, jieħu nifs twil u jibda jinseġ ir-rakkont ta’ kif id-destin wasslu ħdejja. Kif beda kollox minn meta nannuh, ir-Re Akrisju, sar jaf li qatt ma jista’ jkollu tifel. Kif nannuh sar jaf ukoll li l-wild ta’ bintu Danae ser ikun il-kaġun ta’ mewtu. Kif ir-Re sakkar lil Danae bejn erba’ ħitan sabiex ħadd ma jmissha. Kif Żews tfaċċa f’xita deheb li taqqlet lil Danae b’wild. Kif nannuh ma ħasibhiex darbtejn u telaqhom għall-piena tal-mewt imsakkrin ġo senduq f’nofs ta’ baħar. Kif Żews intervjena biex isalva lil ibnu, u sabhom sempliċi sajjied u ħadhom f’daru fejn ħa ħsiebhom flimkien ma’ martu daqslikieku familtu. Kif għal ftit snin Persew għex ħajja hienja, jistad, jaqbad ir-rizzi, jitlajja u jiġri mal-kosta. Kif malli r-Re Polidekti xeħet ħarstu fuq Danae, tilef rasu u riedha għalih biss. Kif lagħbu meta dan ir-Re Polidekti stqarrlu li l-ikbar xewqa tiegħu hija li jkollu ras Medusa — rasi — f’idejh. U kif ta’ raġel dgħajjef li hu xtaq jikkonforma mal-bqija tal-irġiel waqt festin, u wiegħdu li kapaċi jaqtagħlu xewqtu. Kif fil-vjaġġ tiegħu ltaqa’ mat-tliet nisa griżi li jissellfu għajn waħda bejniethom. Kif daħak bihom sabiex jikxfu fejn ninsab jien. Kif għenu l-alla Ermes, l-alla tal-providenza, billi tah ix-xabla li tista’ tniffed laħmi ħarex. Kif għenitu l-alla Atena, l-alla li tajt ħajti għaliha, bit-tarka tal-bronż.

Isimha fuq fommu jaħsadni. Nintebaħ li l-allat tagħna lkoll jittraduna.

Jersaq viċin tiegħi, kemm kemm immissu. U nerġa’ nsib lili nnifsi tielgħa u nieżla qalb mewġ xewqat.

Iressaq it-tarka lejja u jħares dirett fiha. Ngħolli kemm kemm rasi u ħarsitna jiltaqgħu. F’għajnejn suwed negħreq imqanqla u hu jinħakem mix-xewqa f’għajnejja dehbin. Idejh rotob imellsu jdejja qxur qxur fiddiena xierfa. Jersaq iktar viċin u nħoss xufftejh rotob fuq xufftejja. Ilsienu jistieden lil tiegħi. Iżda s-sriep ta’ fuq rasi jistiraw. Jobżqu l-velenu u jċarrtu bla ħniena laħmu minn wiċċu. Jinfixel, jimbuttani. Itir jiġri għax-xabla, idur għal fuqi. F’ħasda waħda rasi tinbeżaq fl-art. U hekk kif demmi ħmura jispara, tintemm ħesrem l-aħħar xewqa tiegħi, it-tama li qatt stajt inkun vera maħbuba .

Dekorazzjoni art-nouveau