Żgur li ismi familjari. Żgur li smajt bosta stejjer fuqi. Iżda żgur qatt ma smajt dak li ġara bejni u bejn Persew. Nitolbok, iskot ftit u isma’ l-istorja tiegħi qabel nissarraf f’elf framment ta’ miti oħra…
Mela darba, ħmistax-il sena ilu, meta kont għadni tifla, kont ngħix mal-ġenituri tiegħi, Foriku u Keto, fuq gżira serena mdawra b’baħar blu jwerżaq. Id-dar kienet ċkejkna, bi tlett ikmamar kollox; il-kċina, il-kamra tal-bżonnijet tagħna u l-kamra fejn konna norqdu jien u ħuti l-oħra. Għalkemm bejni u bejn ħuti l-kbar ftit snin biss kienu jifirduna — qabża ta’ sentejn kull wieħed — l-ikbar differenza kienet il-vulnerabbiltà tal-mortalità tiegħi. U meta ħuti, Stenun u Ewrjali, kellhom is-setgħa li jmorru jesploraw l-għelieqi, il-ġenituri kienu jżommuni priġuniera tal-erba’ ħitan kennija tad-dar. Iżda ma kontx inħabbel wisq rasi għaliex f’nofs dik id-dalma solitudni ltqajt mal-unika mħabba reċiproka f’ħajti: il-kelma. U minn hemm kienu l-bosta sigħat li kont qattajt b’rasi mgħaddsa fil-kotba, nixtarr l-għerf li l-paġni, bla ma jafu, jgħadduli.