Fl-2014 sibt ruħi bla xogħol. Kont ilni xi xhur naħdem xogħol tat-tisbit ta’ ras u qabżitli. Waqt dak il-ħin liberu ħelu li jġib miegħu l-qgħad volontarju mingħajr konsegwenzi serji, intfajt nara kemm Alla ħalaq films u dokumentarji, fosthom Shoah ta’ Claude Lanzmann. Illum ngħid bilfors qiegħda trid tkun biex tara dokumentarju ta’ kważi għaxar sigħat. Fost ix-xhieda li jkellem Lanzmann, l-iktar wieħed li bqajt niftakar kien dan il-barbier, b’xagħru miżbugħ aħmar, fattizzi gustużi kemxejn femminili, jitkellem Ingliż b’aċċent qawwi, ikarkar kull kelma. Jiġi intervistat fil-ħanut tiegħu fi New York, waqt li qed jaqta’ x-xagħar, u jirrakkonta fuq meta kien jaqta’ xagħar il-priġunieri fi Treblinka eżatt qabel ma jinqatlu (niftakar kif jgħid Treblinka, imkarkra, l-erre u l-elle qishom jirbumbjaw). Jibda jibki hu u jdur mal-klijent li għandu fuq is-siġġu, iqasqas ix-xagħar, irid jieqaf, Lanzmann iġiegħlu jkompli. Kien hemm sopravissut ieħor, dan ma niftakarx kif jidher, li ġie intervistat fil-Polonja, fl-istess post fejn kien hemm il-kamp li kien priġunier fih, u naħseb kien irnexxielu jaħrab, forsi Treblinka wkoll. Waqt l-intervista jitfaċċa xi Pollakk, naħseb jipprova jindaħal fl-intervista, irid jidher fuq il-kamera. Ix-xhud speċi jaħtfu, jgħidlu, Intom kontu tafu x’inhu jiġri, qatt m’għamiltu xejn biex issalvawna. Ma niftakarx jekk irrispondiex il-Pollakk.