Virginia weġbitha li dawn huma fatti tal-ħajja u ma nistgħux nibdluhom. Nitwieldu u nikbru. Inwelldu u nkomplu nikbru sa ma fl-aħħar nispiċċaw. M’hemmx mod ieħor. Vera kienet ħarset lejn Virginia b’ċertu diqa. Forsi jmissha insistiet iktar; forsi kieku spjegat ruħha aħjar, Virginia kienet tifhem u ma titlaqx, imma qatgħet qalbha. Ma setgħet tagħmel xejn għajr li tħalli lil oħtha titlaq, tmur tfittex xortiha barra minn Malta, toffri ħajjitha u ġisimha lil raġel li qatt ma seta’ japprezzaha. Tagħtih ulied li mhux talli jerdgħulha ħalibha imma demmha wkoll. Għannqitha waħda tal-aħħar. Tgħanniqa iebsa u tal-aħħar. Saħħa! Xtaqitilha s-saħħa kollha tad-dinja u ma ppruvatx tkellimha iżjed. Daret u telqet, u ħalliet lil Virginia tħares lejha tielqa. Ħarġet fil-ġnien li kien kbir, mogħni bi frott taċ-ċitru u tal-għadma u mdawwar bil-bajtar tax-xewk biex la ħadd seta’ jidħol u lanqas joħroġ minnu ħlief minn dik il-fetħa waħda li kienet tħalliet minn xi antenat tat-tewmin. Imxiet san-naħa l-għolja tal-ġnien fejn kien hemm bank tal-ġebel u poġġiet bilqiegħda, tħares lejn iċ-ċimiterju tar-raħal. Ma reġgħetx ħarset lejn oħtha. Ma marritx taraha tiżżewweġ. Għamlet tabirruħha li kienet marida u ssakkret f’kamritha. Lanqas biss marret taraha tielqa ma’ żewġha u lanqas qatt ma kienet tiftaħ l-ittri li tirċievi mingħandha. Virginia damet ħafna tibgħat. Ma kinetx xi waħda li taqta’ qalbha malajr, iżda bil-mod il-mod indunat li kien kollu ta’ xejn. Vera ma kienet se taċċetta qatt li setgħu jibqgħu ħbieb, li setgħu jibqgħu jinħabbu. Kienet ġegħlitha tagħżel u hi, Virginia, kienet għażlet li tibni familja u futur f’pajjiż ieħor. Ma kinetx għażlet lilha, kienet għażlet lir-raġel. Iżda fil-verità, Vera kienet tkellem lil Virginia kuljum fil-mera. U fil-mera ffukat fuq punt f’wiċċha fejn kien hemm għazza mitlufa, timbaram u tiċċaqlaq ma’ kull tikmixa konfuża.