Antoine Cassar

Antoine Cassar huwa poeta, traduttur u editur. Trabba bejn Londra, Malta u Spanja, u studja wkoll l-Italja. Kiseb Dottorat fl-Università ta’ Alcalá de Henares, b’teżi dwar l-oriġini u l-iżvilupp tas-sunett Taljan u l-importazzjoni tiegħu fl-Ispanjol u l-Katalan ta’ ftit qabel ir-Rinaxximent. Ta’ 26 sena Antoine għażel li jmur joqgħod il-Qrendi, biex jerġa’ jitgħallem ilsien familtu wara li kien għoddu nesieh. Wara perjodu ta’ sperimentazzjoni bil-poeżija multilingwi (Mużajk, Ed. Skarta, 2008 u Merħba, 2009), beda jaqleb għall-kitba bil-Malti. Erbgħin Jum (Ede Books, 2017), poeżija tul ta’ ktieb dwar il-mixi bħala mezz ta’ fejqan mit-trawmi tat-tfulija, rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u daħal fil-lista l-qasira tal-premju European Poet of Freedom, ibbażat fil-Polonja. Passaport (2009; 3et ed. Ede Books, 2019), poeżija twila stampata f’forma ta’ anti-passaport għal kull poplu u kull pajsaġġ, hija ppubblikata fi 12-il lingwa, u ġiet adattata għall-palk f’għadd ta’ pajjiżi, speċjalment frankofoni. Bħala traduttur letterarju, Antoine ilu jaħdem fuq it-traduzzjoni Maltija tax-xogħol ta’ Neruda, Whitman u Qabbani, u fl-2022 Faraxa ppubblikat it-traduzzjoni tiegħu tal-ġabra Waqt ta’ Wisława Szymborska. Antoine imantni l-website tiegħu www.antoinecassar.net.

Kitba ta’ Antoine fil-ġurnal:

Dekorazzjoni art-nouveau