Djarju

Davinia Hamilton

Nixtieq inżomm djarju, biex forsi nsib irkaptu ta’ ħsibijieti u nġiegħel lil dawn l-ideat għażżenin jieħdu forma. Xtrajt ktieb ġdid apposta. Iswed u rqiq, jidħol fil-basket, bil-karti bojod bil-linji griżi. Hawn nikteb xi ħaġa ġdida, u bil-Malti. Ġieli nemmen li jien m’għandix xi ngħid; li m’għandix x’nikteb. Ngħid, jien min jien biex nistenna li xi ħadd ħa jaqra kliemi? Tifhmunix ħażin  —  dan mhux xi sinjal ta’ kemm jien dħulija. Dan sintomu nevrotiku. Din skuża, għax il-kitba diffiċli, taqlagħlek fwiedek, tirrikjedi ħafna xogħol. U jekk m’għandix xi ngħid, mela ’qas ħaqq il-battikata. Imma jekk int kittieba, tikteb trid. M’hemmx x’tagħmel. Forsi f’ħajja oħra niġi għasfur, dawk dejjem isibu xi jgħidu. Ili s-snin nikteb. Dawn l-iskużi mhumiex ġodda. Suppost ili li tgħallimt u aċċettajt li meta tibda tikteb xi ħaġa, mhix se tkun perfetta mill-ewwel. Jaf ma tkun perfetta qatt, anzi. Imma fil-bidu, l-importanti li jirnexxilek tniżżel xi ħaġa fuq il-paġna. Anki jekk tkun xi ftit tan-nejk. Il-kitba ġieli nimmaġinaha bħall-iskultura: irid ikollok biċċa tafal biex tibda tagħtiha forma. Ħa taħdimha u tarmi minnha mhux ħażin sakemm toħroġ il-figura li taqbel ma’ dik li kellek f’moħħok meta ġietek l-idea. U l-ewwel kitba dik kulma hi, tafal.

Dekorazzjoni art-nouveau