Djarju #3
Davinia Hamilton

Kollox veru kollox falz

Davinia Hamilton

Illum nagħmel ġurnata d-dar. Niknes kullimkien, naħsel l-art, nirranġa l-gwardarobba, nibdel il-lożor għall-ġodda li xtrajna b’disinn ta’ William Morris fuqhom. Kienu ftit għaljin u għamilna kapriċċ xtrajniehom, imma veru għal qalbi. Filgħaxija, ninħasel u nidħol taħt il-friex. Inħossni qisni xi protagonista ta’ Charlotte Perkins Gilman, b’dal-fjuri kollha fuqi. Noqgħod naqra sakemm R isajrilna xi ħaġa x’nieklu. Nispiċċa All Fours ta’ Miranda July, li veru daħħaqni u ħadt pjaċir naqrah. Kienet għażla tajba li naqrah eżatt wara li spiċċajt SAJF, ta’ Ryan Falzon. It-tnejn kotba dwar is-sesswalità, is-saħna, ix-xenqa, l-imħabba — wieħed minn perspettiva maskili; l-ieħor minn ħarsa femminili. Xi kultant, bħall-protagonista ta’ All Fours, nixtieq li nista’ nikri dar xi mkien, ma ngħid lil ħadd fejn sejra, u nagħmel ġimgħa, ġimagħtejn, xahar ngħix biss skont il-ħajra. Biss, kieku nagħmel hekk jien ma naħsibx li tkun eċitanti daqs il-ktieb. Probabbli niddejjaq wara tlett ijiem u nerġa’ lura d-dar.


5 ta’ Ġunju 2024

Darbtejn fix-xahar immur nagħmel tliet sigħat volontarjat il-knisja ta’ ħdejna, fejn jilqgħu lin-nies refuġjati. Inqum iktar kmieni mis-soltu biex inlaħħaq, u sakemm ninħasel u nieħu kafè jkolli aptit nikkanċella u nerġa’ nidħol norqod. Imbagħad jgħaddili. Xogħol iebes, imma għal qalbi. Dejjem jirrikjedi xi ħaġa differenti — jew li ngħin lin-nies jimlew xi formola; jew niħdilhom ħsieb it-tfal biex ikunu jistgħu jieħdu ftit brejk; spiss ngħallem l-Ingliż. Illum qed ngħallem mara li l-Ingliż tagħha mhux ħażin, għandha vokabularju tajjeb, u allura kemm nitkellmu biex tipprattika. Tixtieq tagħmel l-eżami IELTS biex tkun tista’ tapplika għal xogħol hawn eventwalment. F’pajjiżha kienet għalliema tal-matematika. Nitkellmu dwar it-temp, kif għadu ma bediex sew is-sajf. Iffrustrata, tgħidli. Għandha żewġt itfal, l-iżgħar fosthom għandha biss sitt xhur. Ħarbu mill-gwerra fis-Sudan u ilhom Londra sena, jgħixu ġo kamra f’lukanda, jistennew risposta dwar jekk humiex se jħalluhom jibqgħu hawn. “Għajejt f’dal-limbu, tgħidli. “Il-kamra fejn ngħixu żgħira, b’erba’ sodod marsusin ma’ xulxin. Ma nistax naħdem sakemm inġib dal-permess. Ma nistgħux niċċaqalqu. It-tfal m’għandom spazju ta’ xejn. Nibża’ dwar x’se jiġrilhom jekk jibagħtuna lura. Ma nafx kif nikkunslaha, imma nismagħha, u ngħidilha kemm jiddispjaċini li qiegħda f’dis-sitwazzjoni. Kemm nispera li tirċievi ittra għada bil-permess li jibqgħu hawn, u biċ-ċwievet għal dar ġdida, għal ħajja ġdida.

Meta llestu, immur siegħa mixja fil-park waħdi għal daqsxejn arja. Nidħol fil-buskett u nimxi qalb is-siġar għad-dell, inħares ’il fuq biex nara nilmaħx xi ħaġa. Iva: pitirross, malvizz (mal-art, ħdejn għadira żgħira ilma), ċinċa ddur u tagħqad, zakak, żewg parrukketti jinnamraw, u bulebbiet aħdar, li nisimgħu qabel ma narah.


8 ta’ Ġunju 2024

Qed naqra New Dark Age ta’ James Bridle. Hawn sezzjoni dwar kif il-livell tas-CO2 fl-atmosfera tela’ minn 250ppm (partijiet għal kull miljun) fl-1950 għal 400ppm fl-2015. Dis-sena lħaqna l-425ppm, u sal-aħħar tas-seklu mbassar li jkun laħaq l-1000ppm. Meta naslu għal dak il-livell, il-kapaċità konjittiva tinżel b’21%. Dan ifisser li t-tibdil fil-klima mhux biss qed jeqred il-pjaneta, imma qed jagħmilna iktar stupidi. Ma jimpurtax, imma, għax qed nissottokuntrattaw l-intelliġenza tagħna lill-magni. Inġorru fi bwietna dawn il-magni spettakolari, simulakra tar-realtà, u nqattgħu sigħat twal fuqhom kuljum. U hekk kif l-intelliġenza artifiċjali tavvanza, l-intelliġenza umana tonqos. Qed ninsew l-arti tal-ħsieb, qed ninsew l-analiżi, m’għadniex nafu naħsbu b’mod kritiku, m’għadniex interessati nikkuntemplaw is-sottiljezzi, l-affarijiet iktar ambigwi. Kollox abjad u iswed. Ma naħsbux, nirreaġixxu biss. L-industrija soċjali u l-pjattaformi tal-midja soċjali qed jinkoraġġuna nsiru paranojċi, jitimgħuna gelgul kontinwu ta’ stejjer maħsubin biex iqanqlu fina rabja, biża’ u tmejjil. Dal-magni jriduna ffissati, jitolbu l-hot takes, l-opinjonijiet impulsivi tagħna. Kollox maħdum biex aħna nqattgħu iktar ħin nużaw il-pjattaformi, nagħtuhom l-attenzjoni tagħna, biex jitgħallmu iktar dwarna, biex ikunu iktar kapaċi jbigħulna ċ-ċuċati, biex xi ħadd jagħmel il-miljuni minn fuqna. Fid-dinja, xejn mhu b’xejn. Nikkunsmaw soundbites u informazzjoni faċli mingħajr ma nieqfu biex nistaqsu minn fejn ġiet din l-informazzjoni, u minn qed japprofitta minnha. Kollox sar iċċattjat. M’għadx hemm ġerarjika ta’ importanza. Fuq il-mobile għandi aċċess għal kollox il-ħin kollu. Nara attakk fuq Gaza li qatel għexieren ta’ tfal; eżatt wara nara filmat ta’ kelb gustuż jilgħab ma’ papra; imbagħad sorm Kim Kardashian; satira fuq Biden; raġel iswed jinqatel mill-pulizija l-Amerka; riċetta għall-hummus; ġuvni jidħol ġo skola u jarma jispara fuq it-tfal; kejk tal-banana. Kollox xorta. Kollox xorta. Kwotazzjoni fuq Facebook, li suppost qalha Einstein, għandha l-istess valur daqs riċerka xjentifika — u anke dik m’għadekx tista’ toqgħod fuqha. Fix-xjenza u fl-akkademja hemm kriżi ta’ replikazzjoni, għax il-verità m’għadhiex relevanti. Kollox veru. Kollox falz. U kull darba li nagħmlu rikjesta fuq ChatGPT qed naħlu l-ekwivalenti ta’ flixkun ilma. Għax l-IA tirrikjedi wisq enerġija. L-emissjonijiet tal-gassijiet effett serra tal-Google telgħu bi kważi 50% dal-aħħar ħames snin, minħabba l-elettriku li għandhom bżonn għaċ-ċentri tad-data tal-IA. Iktar CO2 fl-arja, iktar tibdil fit-temp, iktar injoranza. Kollox veru. Kollox falz. Kif qal Frederic Jameson (jew Žižek, skont lil min temmen, għax kollox veru u kollox falz): “Aktar faċli timmaġina l-aħħar tad-dinja milli l-aħħar tal-kapitaliżmu”.

Insib notifika tal-BBC fuq il-mobile: “Four Israeli hostages have been rescued”. Iktar tard, ġurnalist Palestinjan li nsegwi fuq Instagram jikteb li għadu kif seħħ massakru ieħor — fuq il-kamp tar-refuġjati ta’ Nuseirat, ġewwa Gaza. Domt ftit biex nintebaħ li dawn iż-żewġ aħbarijiet kienu l-istess storja. Biex “isalvaw” erba’ ostaġġi, qatlu iktar minn 250 Palestinjan, ħafna minnhom tfal. Waqt konferenza fl-2013, l-ex CEO ta’ Google, Eric Schmidt, qal: “Sar diffiċli ħafna ħafna li timplementa l-ħażen b’mod sistematiku fl-era tal-internet… L-Irwanda fl-1994 kellhom… essenzjalment ġenoċidju. Inqatlu 750 000 persuna. U li naħseb hu li fl-1994, kieku kulħadd kellu smartphone, kien ikun impossibbli li dan iseħħ; in-nies kienu jindunaw b’li qed jiġri… Xi ħadd kien jintebaħ u jagħmel xi ħaġa biex jipprevedi dal-qtil terribbli. Importanti li niftakru li l-ġenoċidju fil-Palestina mhux biss iddokumentat sew, imma huwa trażmess live, 24/7, dritt għall-ismartphones. Vjolenza u trawma, tfal maqtula, nies li ntradmu wara l-bombi, missirijiet jibku għal uliedhom — kollha kemm aħna nafu eżatt x’inhu jiġri. Il-viżibbiltà ma tbiddel xejn.


11 ta’ Ġunju 2024

Illum naħdem mingħajr brejk mid-9am sal-4pm. Wara x-xogħol nordna Banh Mi għall-ikel, u niekol fuq is-sufan, nisma’ Smile ta’ Nat King Cole. Immorru mixja fil-park jien u R biex intellgħu l-passi. It-temp reġa’ ikrah. Żgur li qatt ma kienet li nkunu bil-kowt f’nofs Ġunju. Imsaħħab u bard. Dad-dawl joqtolni. Emigranja oħra llejla. Ibla’ tnejn Panadol. Qed jaqbduni ħafna emigranji dal-aħħar. Inkun naf li ġejja waħda għax nibda nħoss rasi donnha tqila, u d-dawl jibda jdejjaqni. Titfaċċa tikka fil-vista, l-ewwel griża; imbagħad qisu dawl stramb u jgħajjat. Tikber it-tikka, sakemm tkun ħaditli nofs il-vista u kulma nibda nara textix u kuluri. Jibda l-uġigħ, dejjem fuq naħa waħda. Ikolli nibla’ l-pilloli tal-uġigħ u nintefa’ fis-sodda, fid-dlam bil-bieb magħluq u l-purtieri magħluqin, sa ma jgħaddi l-uġigħ u nerġa’ nibda nara kif suppost. Is-soltu sal-għada jkun għadda kollox, imma ġieli nagħmel jumejn, tlett ijiem taħtha.

Hemm skritturi Eġizzjani mill-1200 QEK li jiddeskrivu sintomi tal-emigranji. It-tabib Grieg, Ippokrati, fl-400 QEK jikteb dwar uġigħ ta’ ras bit-taqlib viżiv. Fit-tieni seklu EK, Aretew tal-Kappadoċja jiddeskrivi fenomenu ta’ wġigħ ta’ ras li jaffettwa naħa waħda biss — u minn hawn nieħdu l-kelma moderna emigranja; bil-Grieg ἡμικρανία (hēmikranía), jiġifieri nofs il-kranju. Kien hemm żmien fejn kienu jaħsbu li l-emigranji kienu marka ta’ intelliġenza, u żmien ieħor fejn l-emigranji kienu meqjusin marka ta’ moħħ dgħajjef — speċjalment fost in-nisa li, meta kienu jbatu minn uġigħ kroniku kienu (u xi kultant għadhom) jitqiesu bħala “isteriċi”. Avolja l-emigranji jistgħu jaffettwaw lil kulħadd, huma ħafna iktar komuni fin-nisa — waħda minn kull ħames nisa; wieħed minn kull ħmistax-il raġel — fatt li jispjega għala ma tantx nafu dwarhom u x’jikkawżahom, peress li sal-lum, fil-mediċina, l-uġigħ tan-nisa mhux stmat bl-istess mod daqs l-uġigħ tal-irġiel.

U l-uġigħ diffiċli tesprimih. Nista’ nipprova niddeskrivi s-sitwazzjoni; nista’ npinġilkom pittura ta’ ġismi jbati. Imma l-fenomenoloġija tal-uġigħ ma tiġix trażmessa. Il-kliem li għandna biex niddeskrivu l-uġigħ hu dgħajjef: rasi taħraq, ittanbar, twaħwaħ. Il-verità tal-uġigħ mhix hemm. Hi verità li tinsab midfuna fit-taqliba ta’ kull ġisem. Esperjenza kbira u waħdanija. Jien: fis-sodda, wiċċi mqarras, nitqalleb u nagħfas rasi b’idi; ġismi f’dak il-mument jikkmanda li nagħtih l-attenzjoni. Fil-ħin tal-uġigħ m’hemmx passat u futur; m’hemmx pjanijiet u spekulazzjoni. Hemm biss il-ġisem u l-mument. Tikteb Elaine Scarry, f’The Body in Pain:

Jikseb x’jikseb l-uġigħ, jiksbu parzjalment permezz tal-inkondiviżibbiltà tiegħu, u jassigura din l-inkondiviżibbiltà permezz tar-reżistenza tiegħu għal-lingwa. “L-Ingliż, tikteb Virginia Woolf, “li jista’ jesprimi l-ħsibijiet ta’ Amletu u t-traġedja ta’ Lear, m’għandu l-ebda kelma għal rogħda jew uġigħ ta’ ras. Daqsxejn ta’ xebba, meta ssir tħobb, għandha lil Shakespeare jew lil Keats biex jesprimu dak li għandha f’moħħha, imma malli wieħed li qed ibati jipprova jiddeskrivi l-uġigħ li għandu f’rasu lil tabib il-lingwa tinxef f’daqqa.L-uġigħ fiżiku mhux biss jirreżistiha l-lingwa imma jeqridha attivament, li jikkawża riverżjoni immedjata għal stat ta’ qabel il-lingwa, għall-ħsejjes u l-biki li l-bniedem jagħmel qabel ma jitgħallem il-lingwa.

16 ta’ Ġunju 2024

Inqum tard, u wara l-kolazzjon ninħaslu u nilbsu u nimxu sa Wandsworth Common għax illum ħarġet ix-xemx, u tant qed ikollna sajf tal-qamel dis-sena, li meta toħroġ ix-xemx dnub tibqa’ d-dar. Nimxu fil-bosk. Jistaqsini R x’nagħmlu kieku nirbħu l-lotterija (avolja ma nixtrux biljett). Naħseb ftit. Dar bi ġnien f’nofs Hampstead, kieku, u mmorru naraw postijiet li dejjem xtaqna naraw: l-Artiku, il-Ġappun, Kuba, il-Kenja, l-Iżlanda. Il-bqija, nixtri kastell jew fortizza f’nofs il-kampanja biex nikkonvertiha għal irtir u kenn għall-artisti u l-kittieba. Norganizza l-klassijiet u l-festivals, noffri residenzi. Noħolmu. Noħolmu.

Illum l-arja densa bir-riħa tas-siġar tal-lajm (Tilia). L-Ingliżi jsejħulhom “lime trees” avolja m’għandhomx x’jaqsmu mal-lumi qares. Bħal daż-żmien, jiffjorixxu u l-fwieħa tagħhom tinxtered mal-madwar. Fwieħa ħelwa, riħa ta’ frott misjur, riħa ta’ ċitru u bettieħ u għasel. L-aktar li tinxtamm mal-għabex, jew waqt ġranet sħan ħafna. Għal ġimagħtejn kull Ġunju, dejjem madwar għeluq snini, it-toroq ifuħu ġmielhom. Nixtieq insib mod kif nippreservaha dir-riħa, nagħmilha ġo flixkun, u nindilek biha s-sena kollha. Naf li hemm fwejjaħ għaljin li jagħmluhom bin-nwar ta’ dis-siġra, imma lanqas jibdew ħdejn ir-riħa awtentika, iddisinjata min-natura sabiex tattira lill-insetti u ’l-għasafar, ħa jiġu, ħa jdakkru. In-naħal, partikolarment, huma miġbuda lejn dis-siġra, u tant jiskru fuq in-nettaru li ġieli ssibhom mal-art taħt is-siġra, storduti. Hi riħa ta’ seduzzjoni, riħa tax-xewqa għall-ħajja. U forsi għax hi tant fil-qosor li hi sabiħa, u speċjali. Is-sajf tassew magħna ladarba tiffjorixxi t-Tilia.

Nistqarr li filwaqt li nħobb lil dawn is-siġar għall-fwieħa li jipproduċu, għandi siġra favorita li hi prosperuża f’dil-belt: il-Platanus hispanica, magħrufa bħala “London plane”. L-oriġini ta’ dis-siġra huma misteru, imma żgur riżultat tal-kolonjaliżmu, u l-moda tal-imperu li jġemma’ l-flora u l-fawna tal-kolonji u jġibhom lura fil-metropoli bħala novità. Hi siġra ibrida, taħlita tal-Platanus orientalis (Oriental plane), u Platanus occidentalis (American plane). L-eqdem eżempji ta’ dis-siġra fl-Ingilterra jinsabu f’Buckden u Ely — din tal-aħħar tħawlet fl-1680. Imma Londra mimlija bihom. Siġra tabilħaqq ġdida (speċjalment meta tikkunsidra s-siġar qodma, bħall-Forthingall Yew, ġewwa Perthshire, li x’aktarx għandha madwar tlett elef sena) imma llum il-ġurnata, ma nistgħux nimmaġinaw lil dil-belt mingħajrha. Hi siġra perfetta għall-ambjent urban: b’saħħitha, u tiflaħ għat-tniġġis fl-ajru, għax għandha l-weraq mieles, faċilment jitnaddaf mix-xita; u l-qoxra taz-zokk dejjem titqaxxar, tippurifika ruħha. Waqt is-seklu dsatax, meta l-arja ta’ Londra tant kienet imniġġsa bl-użu tal-faħam li ġieli kien ikun hawn ċpar iswed, il-Vittorjani ndunaw li dis-siġra kellha użu importanti, peress li kienet taħdem bħala filtru għall-purifikazzjoni tal-arja. Bdew iħawlu mijiet minnhom, speċjalment f’lokalitajiet sinjuri — att bikri ta’ ġeoinġinerija. F’lokalitajiet foqra, tħallew is-siġar Tilia. Peress li jitqaxxar, iz-zokk tal-London plane għandu dehra ta’ kamuflaġġ, u meta narahom, ġganti wieqfa, nistħajjilhom suldati siekta, tant omnipreżenti li kważi inviżibbli, jaħdmu fil-kwiet, xhieda għal din Londra u l-miljuni ta’ nies li jgħixu fiha.


18 ta’ Ġunju 2024

Jien u nikteb id-data, domt iżżejjed biex niftakar liema sena qegħdin. Kważi ktibt 2026, imbagħad 2022. Boqq. Ninsa kemm għandi żmien kultant. Illum nagħlaq snini. Iż-żmien stramb, m’hemmx li taqbadlu rkaptu. Dan għax qed nixjieħ, jew xi hangover mil-lockdown? Dak iż-żmien donna konna qed ngħixu barra miż-żmien. Eternità u ħakka t’għajn. Xi kultant ninsa li l-2020 u l-2021 ġa għaddew — fl-istess ħin, naf li ġraw, għax biddluni, kif biddlu lil kulħadd. Min jaf kif kienet tiżvolġi ħajti kieku dak il-limbu qatt ma kien?

Illum R isajrilna l-kolazzjon u wara li nieklu, jagħtini l-kartolina ħelwa li kitibli, u r-rigali: libsa sewda bellezza, u żewġ kotba — Sabbath ta’ Nicola Slee, u Gaining Ground ta’ Joan Barfoot. Nilbsu u naqbdu t-Tube sa Borough, u mbagħad nimxu sat-Thames. Iktar tard, naqbdu dgħajsa u mmorru lejn Canary Wharf. Inħobbha x-xmara, speċjalment meta joqreb il-Lvant ta’ Londra, fejn hemm dawn l-imħażen kbar, antiki. Ħasra li issa huma appartamenti għaljin li ma jaffordja jgħix fihom ħadd. Nitgħallem li Canary Wharf jissejjaħ hekk għax il-bastimenti tal-imperu kienu jittrakkaw hemm wara li jiġu mill-Canary Islands, mimlijin frott u ħaxix frisk.


22 ta’ Ġunju 2024

Lura Malta, u hawn sħana kbira. Dejjem ninsa kemm hi kiefra s-sħana tas-sajf hawn. Qegħdin Ġunju, u llum telgħet 35°C. Imma sadanittant, ix-xemx tinħass balzmu fuq ġismi. Nindilku bil-factor 50, nilbsu ħafif, u mmorru s-Salina, li llum mimli agrett abjad, gawwi, għasafar tal-bejt u bufula tal-imrewħa. Nimxu maġenb is-salini. Max-xoffa tal-kanal naraw skoss widnet il-baħar. Wara xi siegħa, immorru lejn Kennedy Grove, li llum hi metropoli għall-għasafar tal-bejt, itiru minn siġra għall-oħra, jogħdsu u jiżżerżqu, jilagħbu fis-sħana.

Iktar tard immorru nieklu Tas-Sliema. Insibu ristorant li għandu AC, u nintefgħu ġewwa għall-kenn. Ħaditna x-xemx, u wara li nieklu (insalata bil-ġbejna moqlija, u ħobż biż-żejt) inħossuna għajjenin ħafna. Immorru naraw lill-familja. In-neputi daqt jagħlaq sena, u għada ħa ngħammduh. Jien il-parrina. Nagħmel sagħtejn nilgħab miegħu sa ma jegħja, imbagħad jorqod b’rasu fuq spallti .

Dekorazzjoni art-nouveau