queer/kwir

Omar N’Shea, Warren Bartolo, Noah Fabri & Aaron Aquilina


AR: حر الجنس / كوير DE: queer EN: queer FR: queer / cuir IT: queer

Aphroconfuso (kwir, 21.04.2023)

Nużaw “queer” kif inhi? Jekk nagħmlu hekk, din tibqa’ kelma mislufa jew tkun saret kelma Maltija, sempliċiment b’ortografija mill-Ingliż? Ridna naraw jekk hux possibbli li t-terminu jiġi ddomestikat għax nemmnu li huwa att politiku li ċerti termini ma jitħallewx barranin. Kellna wkoll il-preċedent qawwi ta’ Rosa Kwir, u wieħed mill-ewwel testi li konna qed neditjaw kien fil-fatt miktub minn Romeo Roxman Gatt.


Omar (queer, 25.04.2023)

Queer tintuża hekk internazzjonalment anki biex it-terminu jingħaraf mill-ewwel u jkun hemm sens ta’ sjieda u ta’ safespace lessikali mill-komunità queer innifisha.


Aphroconfuso (queer/kwir, 28.04.2023)

Is-sens ta’ sjieda fi kliem bħal “queer” huwa kriterju li jegħleb lill-oħrajn kważi kollha; għaldaqstant, fil-Gwida tal-Istil tagħna ngħidu li fil-ġurnal nippreferu “queer”; iżda “fil-każ fejn il-kittieba jħossu li jidentifikaw iktar mat-terminu ‘kwir’” nużaw it-terminu miktub hekk.


Aphroconfuso (01.02.2024)

Qed naraw iktar nies jużaw “kwir”, u anki traduzzjonijiet iktar iddomestikati bħal “la ġenba” (Laġenba D Podcast u użata minn Noah Fabri f’dal-ġurnal). Però, forsi dan huwa iktar użu ludiku mingħajr l-intenzjoni li jieħu post il-kelma mislufa direttament, bħalma tintuża cuir fil-Franċiż?


Omar (queer, 09.02.2024)

Inħobb li jkun hemm varjanti jiġru fil-pubblikazzjonijiet għal dan it-terminu anki forsi minħabba li dawn jistgħu jaqilgħu naqra inkwiet u diskussjoni fuq kif il-laġenbiżmu lokali jimmappja fuq dak queer bħala sit ta’ lingua franca li jingħaraf mill-ewwel. Weħilt ukoll meta ġejt biex nikteb dwar il-proċess ta’ queering.


Warren (queer, 09.02.2024)

Meta kont qed naħseb dwar queer, bil-Malti, ħassejt li kemm il-verb (to queer) kif ukoll l-insla tiegħu bħall-aġġettiv queer tant huma dependenti fid-diskors politiku u teoretiku queer fuq l-għeruq tiegħu mil-Latin torquere (Sedgwick, Halberstam, Chen) illi t-tħaddim u l-potenzjal tiegħu jinsab eżattament fl-isfond (u joħroġ mill-isfond ’il barra). Għalkemm il-kelma fil-verżjoni tagħha miktuba kif tinħass (“kwir”) fil-Malti qisha daħlet mhux ħażin, madanakollu, din il-verżjoni taf toskura dan kollu li għadni kif għedt. Mill-Ġermaniku quer nistgħu naslu għat-terminu “laġenbiżmu” (eż. poeżija “la ġenba”) mentri mil-Latin torquere nistgħu naslu għat-terminu “tagħwiġ”. Però nħoss li kelmiet bħal dawn se jiddiżassoċjaw minn (u b’hekk jinjoraw) dak kollu li hu storja queer, passat queer, potenzjal queer. Naqbel mal-entrata ta’ Omar (25.04.23), li parti mir-raġuni li kulħadd qed juża l-kelma queer madwar id-dinja fi kwalunkwe lingwa, hi, nissuspetta, biex tingħaraf. Barra minn hekk, ma nistax ma naħsibx li l-kelma “queer” infiltrat fid-diskors kontemporanju tant li kkristallizzat sal-punt li saret “intraduċibbli” (Cassin, Apter). Dwar il-kontinġenzi, eżempju queering jew queerness, inħoss li minkejja li jistunaw ftit mhux ħażin, għandna nħalluhom hekk. (Eż: “X’jippożizzjona l-queerness bħala għodda…”)


Noah (queer/kwir, 12.02.2024)

Meta jiġi għall-kwiriżmi nippreferi l-multipliċità għax f’dan il-każ l-użu ta’ varjazzjoni ta’ kliem, kif qal Omar, jista’ jservi bħala għodda kontra l-ħsieb li kelma waħda tista’ tintuża bħala umbrella term għal dak kollu li jgħaqqad taħtu t-terminu queer. Jiġifieri, filwaqt li huwa importanti li nżommu l-viżibbiltà tal-kelma “queer”, irridu nżommu f’moħħna l-importanza ta’ termini domestiċi li jżidu mat-tifsiriet u l-oriġini tal-kelma. Huwa sabiħ ukoll li, waqt li nirrikonoxxu l-mument politiku preżenti fejn il-kelma “queer” għandha ċerta qawwa, ma ninsewx li ħafna realtajiet speċifiċi joħorġu iktar jekk nużaw termini domestiċi flimkien mal-kelma queer, u f’kuntesti differenti. “Kwir” kif tinħass bil-Malti qed tindara mhux ħażin u għalija, anki jekk viżwalment titlef ix-xebh mal-oriġini fil-Latin, ma ddejjaqnix. L-ewwel nett għax jekk ħa nagħmlu etimoloġija, xorta ħa ngħidu li “kwir” tmur lura għal queer li tmur lura għal torquere; it-tieni nett għax m’għandniex għalfejn niddependu fuq il-Latin biex nitteorizzaw fuq il-ħajjiet kwir. Jekk it-teorija kwir tiddependi fuq l-oriġini ta’ kelma bil-Latin u mhux fuq il-ħajjiet ta’ kuljum ta’ nies kwir, insib daqsxejn problema. Rigward il-verbi u l-aġġettivi li joħorġu mill-kelma “queer/kwir”, ma nistgħux inħallu l-grammatika tal-Ingliż biss tiddettalna liema kelmiet (jiġifieri liema kunċetti) nistgħu noħorġu mill-kelma. Jiġifieri, nistgħu nilagħbu bi queering bħala proċess u queerness bħala stat/nom, imma xi jfisser li bl-Ingliż biss nistgħu nilagħbu bil-kliem biex noħorġu b’dal-kunċetti? X’iktar nistgħu nnisslu mill-Malti, pereżempju? Għalhekk, bħalma lagħbu bil-kliem ħafna ħassieba kwir bl-Ingliż biex joħolqu l-kunċetti li jinfurmawlna l-ħsieb, naħseb għandna nħossuna liberi nilagħbu bil-kliem aħna wkoll biex naraw x’inhuma l-possibiltajiet queer/kwir/la ġenba/mgħawġa eċċ.


Warren (queer, 17.02.24)

Totalment. Ma ridtx infisser li l-etimoloġija għandha tħarrek it-traduzzjoni b’dan il-mod tant li ma tħallix spazju għal dak li hu domestiku. Sempliċiment ridt nuri kif il-metodoloġija queer ingħaqdet mal-etimoloġija; kif ukoll il-biża’ li t-traduzzjoni taf toskura. Ovvjament, m’għandniex niddependu fuq il-Latin biex nitteorizzaw fuq il-ħajjiet queer.


Aaron (queer, kwer, sfiduż, eċċ. 20.02.24)

Naqbel mal-punt ta’ Omar (25.04.23) li, jekk inħallu l-kelma kif inhi bl-Ingliż, hemm ċerta viżibbiltà u familjarità tant neċessarja/qawwija. Hawnhekk Warren (09.02.24), b’mod ġenerali, jaqbel. Iktar tard, Omar (09.02.24), b’mod inkejjuż u queer, jinnega hu stess il-punt tiegħu b’apprezzament tal-varjanti li jimmultiplikaw bla ma joħolqu konsonanza — joħolqu, anzi, il-ħakk (jew it-taħbit) tar-ras. Noah (12.02.24), b’mod ġenerali, jaqbel. Flok noffri forma plaċida ta’ soluzzjoni (li ma nafx x’tista’ tkun, fuq kollox), nippreferi nżid mat-“taħwid” (li taf tkun hi stess kelma li potenzjalment nistgħu nużaw…). Issemmiet l-etimoloġija Latina, Ġermaniża, Ingliża. Hemm ukoll, kif nafu, l-etimoloġija li minnha ħarġu dawn kollha, ċjoè, dik Indo-Ewropea: twerkw (fost oħrajn: Lorey u Plews, 1998). Din tiftaħ possibbiltà oħra (psewdoludika) għall-Malti: dik tal-kelma “kwer”, li tislet l-ewfonija tagħha mill-forma viżwali-semantika Ingliża imma li fl-istess ħin tiċċirkumventaha. “Kwer”, fuq kollox, taf (għal ċerti widnejn) tinstema’ ħafna iktar Maltija mit-trasliterazzjoni Ingliża “kwir”. Minn twerkw joħorġu wkoll il-kelmiet mil-lingwa Ingliża Medja athwert, athirt — illum athwart, u l-insla thwart, thwarted, eċċ. Din torbot b’mod ċar mat-terminu “la ġenba/laġenbiżmu” li tuża Noah — imma wkoll timbotta d-definizzjoni ta’ queer mhux fuq dawk in-nies jew kunċetti li huma hekk, imma fuq il-perċezzjoni tagħhom min-norma. Kważi nazzarda ngħid li queer ma tistax teżisti mingħajr il-kunċett tan-normattività li tirċeviha, ta’ normattività li toħloq l-istandard “dritt” — kelma oħra għal straight, fuq kollox. Allura forsi nistgħu nduru għall-kelmiet Maltin ekwivalenti ta’ thwart, bħal “sfidaġni” (queerness), “jisfida/tisfida” (to queer/queering), “sfiduż/a” (queer), sfidati (queered), eċċ., jew inkella kelmiet bħal “kontra/kuntraġni/kontradittorju” — għalkemm dawn ovvjament għandhom il-mirja tagħhom fit-Taljan u fl-Ingliż kontemporanju rispettivament. Però, ovvjament, l-etimoloġija ma nistgħux naħbuha, fl-ebda każ, allura għax ma nuruhiex b’mod espliċitu? Nirritorna hawnhekk għall-punt ta’ Omar (25.04.23). 


Noah (queer/kwir, 24.2.24)

Dawn is-suġġerimenti kollha sbieħ! Naħseb fl-aħħar mill-aħħar l-iktar esperiment interessanti huwa li tissuġġerixxi termini differenti u tara x’jintlaqal-iktar. Il-ħajja kwir naraha tagħti ħafna lok għall-esperimentazzjoni (inkluża dik lingwistika), u jkun sabiħ tara sa fejn tista’ tasal din. Pereżempju, nistgħu nagħtu tifsira ġdida lil termini li kienu jintużaw b’mod derogatorju, bħal “mararaġel”, biex nittraduċu t-terminu non-binary fil-kuntest Malti. Però hawnhekk huwa importanti li ngħid li “mararaġel” assolutament mhijiex traduzzjoni tat-terminu non-binary, imma “identità”, biex ngħid hekk, lokali partikolari b’xi ekwivalenzi mal-idea ta’ non-binary. Qed naħseb ukoll fix-Xuxana, is-sinjorini, u l-ħafna vokabolarju ieħor li nistgħu nerġgħu nqajmu/ngħawġulu t-tifsira. Nistgħu wkoll nivvintaw kliem ġdid bħal “la ġenba”/“kwir”/eċċ. Għandi ħabib li ħareġ bil-kelma “broħt” — “bro” + “oħt” — pereżempju “X’għandna, broħt?” li lili veru togħġobni. Imbagħad naraw x’jissetilja jew ma jissetiljax fl-aħħar mill-aħħar.


Aphroconfuso (26.02.24)

B’mod pjuttost simili għal kif Aaron juża “sfida”, fil-ġurnal hawn u hawn użajna “ikkonfonda” transittivament .

Dekorazzjoni art-nouveau