Immissjajtha Xi Naqra lil Malta, Manuela?

Manuela Zammit


Awwissu 2024

L-ajruplan jinżel Malta sagħtejn iżjed tard milli suppost. Nimmaġina ’l  ommi u ’l  missieri jistennewni, żewġ figuri aljenati minn xulxin u mid-dinja ta’ madwarhom. Missieri jiċċassa fid-direzzjoni tal-baħħ, fiżikament preżenti imma mentalment xejn affattu. Ommi, minn ħin għall-ieħor, ittawwal għonqha lejn il-fetħa tal-Arrivals, u tibgħatli fuq Messenger — “Fejn bqajt? Aħna qed nistennewk hawn. “Kemm se ddumu biex toħorġu! Fejn qiegħda??” “Tgħid ngħid lil missierek imur iġib il-karozza bil-lest?” — hekk kif tħobb tagħmel meta jidhrilha li jeħtieġ tieħu xi tip ta’ azzjoni f’sitwazzjoni li m’għandha l-ebda kontroll fuqha, bħal fil-każ ta’ titjira li ttardjat. Din hija r-rutina tad-darba jew darbtejn fis-sena li ninżel Malta għaż-żjara tas-soltu.

Did-darba ddeċidejt li sakemm inkun hawn inżomm xi tip ta’ djarju u nipprova nikteb fih bil-Malti. L-għan ewlieni hu li niżvoga fil-kitba u nara x’joħroġ — il-kitba bħala terapija — imma importanti li din il-kitba tkun bil-Malti u mhux bl-Ingliż. B’xi mod dan għandu jservi bħala esperiment fil-kitba dwar is-suġġettività tiegħi, ta’ Manuela minn Tal-Papa f’Birżebbuġa iktar milli Manuela l-“contemporary art historian and theorist based in the Netherlands”. Huwa ovvjament impossibbli li lil dawn iż-żewġ persunaġġi nisseparahom kompletament, imma issa tant qattajt żmien nibni u nifforma l-verżjoni tal-aħħar, li l-verżjoni oriġinali lanqas niftakar f’liema stat ħallejtha u f’liema kundizzjoni se nsibha.

Xi darba ilu s-snin, kont inħarbex ħafna u l-ħin kollu. Ma nafx meta kien il-mument li fih waqaft, meta kien li tlift il-kapaċità u l-kunfidenza li nesternalizza l-vuċi interjuri. Forsi meta mort ngħix barra l-ewwel darba u ħsibt li hawnhekk kelli ħafna iktar x’nitgħallem u lejn xiex nistagħġeb milli xi ngħid? Forsi meta bdejt nikteb akkademikament? Le, nissuspetta li dan ġara ħafna qabel, meta sirt konxja tal-kunċett tal-klassi soċjali għall-ewwel darba bejn is-snin tas-Sixth Form u l-mument li fih dħalt l-Università. Malli ma bqajniex immorru l-iskola bl-uniformi ndunajt li jiena minn tal-qiegħ, li ma naffordjax nilbes tad-ditta u mmur nistudja barra jew nagħżel xi suġġett li diffiċli ssib xogħol bih wara, u allura rrassenjajt ruħi. Issa rrid nerġa’ nibda nikteb biex nifhem minn fejn ġejjin ir-rabja u r-riżentiment li ilni daż-żmien kollu nżomm fil-komma lejn Malta, għalfejn taqbiżli hawn, għalfejn kull darba li niġi lura negħja tant, mentalment u emozzjonalment, u jekk forsi wasalx iż-żmien li dawn l-emozzjonijiet negattivi noħroġhom mis-sistema tiegħi u neħles minnhom b’xi mod. Irrid ukoll nassigura lili nnifsi li għadni kapaċi nikteb bil-Malti. Għall-ewwel sibtha ftit diffiċli. Irrealizzajt li maż-żmien bdejt ninsa l-kliem u m’għadnix kapaċi nesprimi ruħi faċilment b’din il-lingwa li suppost hija materna, li fi żmien is-sekondarja kont tajba ħafna fiha u kont kburija bl-ortografija kważi impekkabbli u kulħadd kien jiġi jsaqsi lili xi tfisser dik il-kelma diffiċli. Din hija l-lingwa li kont nuża bħala difiża kontra l-Ingliżati u l-pepè, li barra minn Malta tant infaħħar u niftaħar biha; kemm hi unika u sabiħa u jitkellmuha vera ftit nies, ġieli lanqas il-Maltin stess, u allura — ħasra — tinsab fil-periklu li ssir estinta għax kważi ħadd ma japprezzaha, u li għandha xeħta ta’ lingwa li kapaċi ssaħħrek, għal min ma jifhimhiex. Fil-bidu ħassejtni impostura, speċjalment meta qbadt lili nnifsi nittraduċi ħsibijieti litteralment mill-Ingliż għall-Malti u bdew jinstemgħu vera foloz, imma wara l-ewwel tlett ijiem jew erbgħa ħadt gost li l-muskolu tal-Malti qisu reġa’ beda jisħon u jirtab ftit.

Dejjem jaqbadni qtugħ ta’ nifs malli l-pilota jħabbar li bdejna l-inżul lejn Malta. Fl-istess ħin li jkolli seba’ mitt sena biex nasal id-dar (għand ommi u missieri) u nibda noħroġ l-affarijiet minn ġol-bagalja, ikolli seba’ mitt sena biex nerġa’ mmur lura d-dar (minn fejn ġejt, Rotterdam). Malta tant hi żgħira illi, meta l-ajruplan ifettillu jinżel min-naħa tax-Xlokk, jirnexxili nara d-dar t’ommi minn wara t-tieqa. Ir-roti tal-ajruplan bilkemm ikunu laħqu missew l-art, u kulħadd — inkluża jien — jaqbad iħoll iċ-ċinturin tas-sigurtà u jqum bilwieqfa. Kull darba nsib ruħi nilgħab l-istess logħba f’moħħi: insaqsi lili nnifsi, lil min se nibgħat l-ewwel biex navża li wasalt? Lil ommi u ’l  missieri biex nara fejn qegħdin jistennewni? Lill-ħbieb li sakemm kont sospiża għoxrin elf pied fl-arja diġà bagħtuli biex navżahom meta nillendja? Jew lill-persuna/i favorita/i tal-mument? Kwistjoni ta’ prijorità.

  • Tanker bil-kliem LNG FSU mal-ġenb.
    Lejn Marsaxlokk, jidhru l-qċaċet taċ-ċmieni tal-power station il-qadima ta’ Delimara (tal-1992)  —  u l-LNG FSU, il-“floating storage unit”, ftit lil hinn, it-tanker tal-LNG li ġie inawgurat fl-2016, is-sena li fiha tlaqt lejn l-Ingilterra.
  • Pont ħiereġ il-barra fuq il-baħar u fl-isfond krejnijiet.
    Hekk kif wieħed jaqbeż il-bajja u r-ristorant District Five, li ħafna għadhom jirreferu għalih bħala “Il-Pitch, issib l-impjant u l-pont tax-Shell li jmorru lura għall-bidu tas-seklu għoxrin.
  • Kjosk bl-isem Cream Power.
    Ritratt ta’ kjosk tal-ġelat jismu “Cream Power”. M’għandu bżonn l-ebda caption. Kemm il-Maltin u kemm il-barranin huma tal-istess opinjoni dwar dan il-fenomenu.
  • Gallettini f'vetrina bil-kliem “traditional rainbow cookies”.
    Xena mill-monti tal-Ħadd ta’ Marsaxlokk... Qabel l-isem ta’ kull oġġett żied “traditional Maltese”. Quddiem ir-“rainbow cookies” ukoll. Caption: “Traditional what now?”
  • Knisja kollha bozoz u statwa tal-festa quddiemha.
    Il-knisja ta’ Ħal Għaxaq bil-faċċata mżejna u kull ċentimetru mixgħul kulur jgħajjat għall-okkażjoni tal-festa, bil-caption: “Christianity on steroids.
  • Għelieqi u fl-isfond, il-port.
    “Huma u niżlin, l-ajruplani jtiru minn fuqha vera fil-baxx u billejl nista’ nisma’ l-containers tal-Freeport jaħbtu u jinstabtu, għax qiegħda viċin ħafna tal-port ukoll, xi għaxar minuti bogħod bil-mixi.
  • Power station bil-lejl.
    Il-Gvern Laburista  —  ċjoè l-Prim Ministru u sħabu  —  kienu mdeffsin fi ftehim korrott mal-Electrogas u kkonvinċew lil kulħadd li Delimara ma kienx sostenibbli.
  • Ritratt tal-preċett ta' tifla.
    Nibgħatlek ritratt tiegħi bil-libsa tal-preċett, nippoża għarkupptejja għand tar-ritratti maġenb cut-out tal-kartun ta’ Ġesù, bil-caption:Jesus’ child bride lol.
  • Tifla liebsa flokk u xorz tal-101 Dalmations.
    Sibt ruħi d-dar għand ommi nqalleb ġol-albums u nħares lejn ir-ritratti ta’ meta kont żgħira... nippoża b’tibdiliet varji minn ta’ tfuliti... bħall-flokk u x-xorz tal-101 Dalmatians li kont ilbist waqt ġurnata baħar l-Armier flimkien man-nisa tal-familja.
  • Monument magħmul mill-metall u l-ġebla. Ħdejn il-baħar, bil-krejnijiet faċċata.
    Uffiċjalment... huwa l-Monument ta’ Tmiem il-Gwerra Bierda, imma kemm ilni ħajja kulħadd madwari dejjem irrefera għalih bħala “ta’ Gorbachev” (u interessanti: qatt bħala “ta’ Bush”).
  • Ramla, baħar u krejnijiet fl-isfond.
    Fil-fatt niftakar bl-eżatt il-mument li fih bdew jirriġeneraw ix-xatt ta’ Birżebbuġa, inkluża r-ramla li ħolqu mit-trab tal-kostruzzjoni tal-Freeport.
  • Bar mibni ġo fortifikazzjoni, bl-ismijiet “Redoubt Bar” u “Shortly Bar”.
    Ix-Shortly kien nannuwi min-naħa t’ommi, li qalgħuhielu hekk il-baħrin li kienu jiġu l-ħanut fiż-żmien  —  bejn tmiem il-ħamsinijiet u matul is-sebgħinijiet l-iktar  —  għax kien qasir.

Kont qed naħseb dwar kif il-kunċett tal-“arti u l-ħajja” jista’ jkun applikabbli għal Malta. Dan il-kunċett, avolja ntuża f’ħafna kuntesti differenti, huwa ta’ spiss assoċjat mal-moviment tal-arti kontemporanja tas-snin sittin tal-Istati Uniti u l-Ewropa tal-Punent. Jinsisti li l-arti mhijiex biss il-pitturi jew l-iskulturi li jimlew il-ħitan u s-swali ta’ xi mużew kbir u elitist, maqtugħin għalkollox minn dak kollu li jiġri hemm barra, imma hija xi ħaġa li tista’ tinstab kullimkien u li kontinwament tipparteċipa fil-ħajja ta’ madwarha. Il-ħajja ta’ kuljum u l-isfidi li ġġib magħha huma wkoll siti fejn tiġi pprattikata u fejn tintervjeni l-arti. Fi kliem ieħor, l-arti u l-ħajja huma mill-istess pezza. Tajjeb kemm hu tajjeb, u radikali kemm kien radikali fi żmienu u fil-kuntest li fih żviluppa, dal-kunċett tal-“arti u ħajja” xorta waħda jibqa’ invenzjoni tal-Punent — attentat sabiex tissewwa l-ħsara ta’ żmien il-moderniżmu Ewropew u Amerikan, meta l-ispazji okkupati mill-arti — jew aħjar, l-ispazji li kienet titħalla tokkupa l-arti biex tkun tista’ tiġi meqjusa bħala arti — kienu biss l-istudios tal-artisti u s-swali tal-esibizzjoni, bil-“white cube” bħala eżemplari ta’ spazju artistiku sterili, newtrali u apolitiku.

Insomma, wasalt għall-konklużjoni li aħna hawn Malta qatt ma ħassejna l-bżonn li nikkunsidrawh dal-kunċett, u dan mhux biss għax aħna kważi minn dejjem operajna barra mit-traġitt tal-Istorja uffiċjali u allura ma konniex parteċipi fil-ħolqien tiegħu, imma għax vera naħseb li storikament aħna l-Maltin ftit li xejn kellna (għandna?) użu u konnessjoni emozzjonali fuq livell kollettiv mal-arti viżiva — din minn dejjem kienet tradizzjoni impurtata. U wkoll għax il-ħajja ta’ kuljum f’dan il-pajjiż, speċjalment dik fl-isferi pubbliċi, diġà hija ta’ koeffiċjent artistiku għoli ħafna. Tant huma teatrali, surreali u nasal ngħid ukoll kreattivi ċerti kummiedji li nara jiġru b’għajnejja l-ħin kollu, li jkolli nikkonkludi li aħna l-arti u l-ħajja qatt ma sseparajniehom — jew għall-inqas, qatt ma kkunsidrajniehom separatament. Ġaladarba qatt ma kellna bżonn nidentifikaw x’inhi l-arti u x’inhu l-bqija, qatt ma kellna naħsbu dwar kif se nerġgħu ngħaqqduhom. L-immaġinazzjoni tagħna bħala poplu hija verament bla limitu u ħajjitna qisha “Gesamtkunstwerk”: biċċa xogħol artistika totalizzanti u kontinwa li tinkorpora lilna, l-azzjonijiet tagħna, l-oġġetti kollha li mmissu u li nużaw, in-nies li ninteraġixxu magħhom, u l-ispazji li nsibu ruħna fihom. Apparti l-fatt li, bit-trab kollu li hawn idur fl-arja f’dal-pajjiż, impossibbli li ħaġa bajda tibqa’ bajda, inklużi l-ħitan.

Hawn kulħadd jagħmel ħafna storbju għax qisu ħadd ma jaf eżatt kif għandu jesprimi ruħu, fiex għandu jiżvoga, u lejn xiex għandu jidderieġi l-enerġija tiegħu. Xi ftit snin ilu kont qed nitkellem ma’ ħabib tiegħi dwar kif l-iktar nies li jagħmlu storbju ħafna drabi huma dawk li l-iktar iħossu nuqqas ta’ sens ta’ aġenzija u kontroll f’ħajjithom, u din l-osservazzjoni baqgħet f’moħħi. L-istorbju huwa mod biex — kif poġġieha sieħbi, qarrej mill-qrib ta’ Deleuze — in-nies jiksbu lura xi tip ta’ territorju, f’dan il-każ wieħed soniku. “L-istorbju kulħadd jista’ jagħmlu u ma tistax twaqqfu milli jilħqek u jidħol ġo fik, qalli. “Jew għall-inqas, ma tistax twaqqfu għalkollox, ħa.

Minflok niffaċċjaw it-trawma taż-żmien kolonjali u taż-żminijiet taħt il-ħakkiema barranin, nippruvaw nidfnu l-passat taħt blokka wara blokka tal-briks: nifqgħuh bil-konkrit. Imma għalxejn. Dan l-aġir huwa kolonjali għall-aħħar: l-idea li dak li ġara qabel jista’ faċilment jintesa jew jintradam u li b’xi mod huwa possibbli li nerġgħu nibdew mill-ġdid.

Għalfejn il-Maltin jobogħdu s-siġar?

Wiċċ l-ilma huwa l-isbaħ wiċċ fuq wiċċ id-dinja.

“Nimmissjak.
“Anki jiena, avolja għedthielu lura nofs qalb.

What’s the weather where you are

Ikompli: “Kif sejra bil-vaganza?”
Vaganza… u ħmar il-lejl fl-istess ħin.

Kulħadd qed ikollu t-tfal jew beda jaħsiblu. Xebgħa babies. Ommi ssaqsini meta beħsiebni nissetilja. X’jiġifieri li tissetilja? Mela għadu ż-żmien li fih jista’ xi ħadd jgħid li fl-aħħar issetilja? U meta jasal dan il-mument? Wara li tiżżewweġ u tixtri post u jkollok xi ġixt itfal? Imbagħad xiex? Ta’ tmintax il-liċenzja u l-karozza. Ta’ tletin il-loan u l-post. Ta’ ħamsa u erbgħin għaxar kilogrammi żejda u kriżi tal-mezz’età?

Sabiħ li tkun dik li telqet u ġiet lura ġimagħtejn vaganza għas-sajf. Innutajt li ħafna rġiel Maltin qisha tiġbidhom ftit dil-ħaġa. F’għajnejhom nistħajjilni xi kreatura kemxejn eżotika (eċitanti) imma fl-istess ħin familjari (aċċessibbli) biżżejjed. Biex ngħaddi l-ħin u nagħmel ħajti iktar interessanti, noqgħod nimmaġina kif kienet tkun il-vaganza li kieku ġibt Malta miegħi xi wieħed minn dawn li qed noħroġ magħhom bħalissa l-Olanda. Wara ftit, dan l-eżerċizzju ħelu żviluppa f’metodoloġija li suppost kellha twassalni biex nilħaq xi tip ta’ konklużjoni dwar min jogħġobni l-iktar.

  • Lil min nimmaġina nlaqqa’ ma’ sħabi jew mal-ġenituri?
  • Ma’ min nimmaġinani mmur ġurnata baħar jew xi waħda Gianpula?
  • Min ikun l-iktar interessat u msaħħar bl-istejjer dwar ħajti Malta, u l-postijiet assoċjati magħhom?
  • Min ikun l-isbaħ passiġġier fil-Volkswagen Polo l-griża tal-2003 jiena u nsuq ’l  hemm u ’l  hawn bla aircondition fis-sħana u ndoqq is-CDs tat-Tame Impala?

Insuq u niffantasizza.

Reġa’ beda l-istaġun tal-festi.
Murtali jfaqqgħu fis-sema.
Knejjes mixgħulin.
Xi spettaklu.

Għall-kolazzjon: iced caramel latte mingħand il-Costa Coffee ta’ Marsaxlokk. Notifika mill-mobile: “Your phone is hot. Nipprova nippjana u nipprova nismar. Sens sottili ta’ rabta libidinali ma’ dil-gżira. Nidħol fil-karozza u nistartja. Jibda jdoqq l-istess CD, Currents ta’ Tame Impala, li ilni nisma’ għal dawn l-aħħar għaxar snin, jekk mhux iktar, kull darba li nixgħel ir-radju u nsuq xi mkien.

If my take-off fails
Make up some other story
If I never come back
Tell my mother I’m sorry

Din il-lirika kont inħossha tkellimni u kont inkantaha kuljum fix-xhur ta’ qabel ma tlaqt minn Malta, jiena u nsuq lura lejn id-dar mill-uffiċċju li tant kont nobgħod, imwaħħla fit-traffiku ta’ wara l-ħin tax-xogħol. Ir-repertorju ta’ CDs li għandi fil-karozza jikkonsisti f’:

  • Currents ta’ Tame Impala
  • Innerspeaker u Lonerism ta’ Tame Impala wkoll
  • Ill Communication tal-Beastie Boys
  • Kumpilazzjoni The Best of the Rat Pack.

F’dan iż-żmien tas-sena kulħadd jintefa’ jippowstja r-ritratti tal-festa tar-raħal u taċ-Cisk u l-Kinnie u jiggranfa ma’ oġġetti nostalġiċi għax il-longa qisha taċċellera x-xenqa għall-passat. U għax ħadd minna mhu qed jara futur apparti dak magħmul mill-briks f’forma ta’ open plan u two bedrooms. U xi walk-in closet u garaxx għal dawk li jew għandhom paga ogħla mill-medja, jew għandhom min jgħinhom. Insib ruħi naħseb dwar x’tista’ tkun il-konnessjoni bejn il-longa u x-xenqa, jew aħjar “longing” fl-Ingliż. Li kieku l-longa kienet imġissma, nasal nimmaġinaha mitluqa taħt xi siġra fil-qilla tas-sajf Malti waranofsinhar, tixxennaq għal xi ġelat tal-Mister Whippy. Ma naħsibx li hija kumbinazzjoni li “longing” qisha trid testendi lejn l-oġġett tax-xenqa tagħha.

Inqabbad sigarett.
U ieħor.
U ieħor.

U ieħor. Sakemm nibda nitqalla’.

“Kif inhi l-vaganza s’issa?” — dan ieħor li qed isaqsini.

“Tajba ħafna. It-temp xemxi u sħun u qed immur ħafna sal-bajja u ngħum fil-baħar blu (mhux griż bħal ta’ Scheveningen) u ġibt lura ftit kulur u ltqajt ma’ kulħadd u qed noħroġ kuljum.

“Ħażin għaġeb. Il-ħin kollu naħseb dwar ir-raġunijiet kollha għalfejn qabżitli hawn u għadu kif kelli argument m’ommi. Għedtlek kont li m’għandix l-aħjar relazzjoni mal-ġenituri…

Il-gżira mhijiex dik il-ħaġa mdawra mill-baħar u li qisha bajda lixxa u tonda f’nofs ta’ baħar, bħalma kiteb Deleuze f’Desert Islands — l-ewwel test li laqqagħni mal-filosofija tiegħu. Il-gżira hija blata magħmula minn ħames saffi ġeoloġiċi ta’ konsistenzi u kuluri differenti, bit-truf ippuntati u jaqtgħu ħafna. Il-gżira mhijiex metafora jew mitoloġija imma hija prodott konkret tal-mogħdija taż-żmien u tal-kapitaliżmu. U dan huwa veru għax jiena minn hawn u nista’ ngħid. Daqskemm hi lok ideoloġiku li jiftaħ għall-imaġinazzjoni u l-iffilosofizzar dwar il-possibbiltà ta’ futur utopiku għal Deleuze, hija post soffokanti u limitanti għalija; hija post li għal ħafna żmien ma offrieli l-ebda sens ta’ futur li daqqli sabiħ jew sodisfaċenti. Tgħid Deleuze x’kien ikollu xi jgħid dwar Malta kieku ġie hawn xi darba? Tgħid ġieli ġie s’hawn? Tgħid dan il-post kif kien jinfluwenza x-xogħol filosofiku ta’ sieħbu Guattari dwar l-iskizofrenija?

Olga Tokarczuk fi Flights tikteb dwar il-kundizzjoni ta’ “islander” bħala waħda fundamentalment narċisistika jew awtistika:

il-gżira tirrappreżenta l-iktar stat bikri, primarju tagħna qabel il-proċess ta’ soċjalizzazzjoni, meta l-ego jkun diġà individwalizzat biżżejjed biex jikseb ċertu livell ta’ għarfien dwaru nnifsu, imma mingħajr ma jkun għadu daħal f’relazzjonijiet kompleti u sodisfaċenti mal-ambjent ta’ madwaru. L-istat ta’ gżira huwa stat fejn l-individwu jibqa’ fil-konfini tiegħu stess, mhux disturbat minn influwenzi esterni; bħal tip ta’ narċisiżmu, jew anki awtiżmu. Wieħed jissodisfa l-bżonnijiet kollha tiegħu waħdu. Il-jien biss jidher reali; l-ieħor huwa biss spettru vag…

Niftakar xi snin ilu qbadt dis-silta minn ġol-ktieb, qattajtha f’sentenzi individwali, u waħħalthom waħda wara l-oħra fuq sett ta’ kartolini turistiċi li kienu serje ta’ ritratti li jpinġu lil Malta bħala post idilliku mingħajr l-ebda problemi psikoloġiċi. Issa li qed nerġa’ ndur lejn dis-silta qed ninnota li, għalkemm sa ċertu punt naqbel magħha, hija bbażata fuq idea pjuttost astratta ta’ gżira. Pereżempju, vera ma naqbilx mal-biċċa fejn tgħid li l-istat tal-gżira huwa wieħed li qatt ma ġie ddisturbat minn influwenzi esterni. Biss biss, l-istorja ta’ gżiritna sa mill-bidu tagħha (u ta’ ħafna gżejjer oħrajn, speċjalment dawk li ġew ikkolonizzati, jiġifieri kważi kollha) tista’ faċilment tħares lejha bħala serje ta’ disturbi, wieħed wara l-ieħor, li ġew minn barra. Forsi aħna narċisisti u awtistiċi proprju minħabba dan l-indħil kontinwu.

Għandna kelma fil-Malti li tfisser “islander”? Jekk le, forsi jfisser li għadna ma fhimniex jew ma aċċettajniex fuq xi livell subkonxju s-sitwazzjoni u s-suġġettività individwali u kollettiva tagħna ta’ “islanders”? Jista’ jkun li m’għandniex kelma għaliha għaliex din hija kundizzjoni li tista’ tiġi osservata u ddikjarata biss minn dawk li jaslu hawn minn xi mkien ieħor u jitkellmu lingwa oħra u jiddeċiedu li jridu josservawna u jiddeskrivuna? Għandu jkollna kelma għaliha, jew nivvintaw waħda bħala att ta’ reklamazzjoni? Fil-każ tiegħi, mument fejn vera nesperjenzaha din is-suġġettività huwa meta nħossni sorpriża li wara kważi seba’ snin ngħix l-Olanda ġieli għadha lanqas tgħaddili minn moħħi li ninsab fuq il-kontinent u li għandi l-possibbiltà li nasal f’pajjiż ieħor bil-ferrovija jew bil-karozza, jew anki bir-rota jekk ifettilli. Meta naħseb fl-ivvjaġġar, moħħi għadu s’issa l-ewwel fruntiera li jsib tkun il-baħar u l-ewwel mezz ta’ trasport ikun l-ajruplan. Lejn l-aħħar ta’ Settembru tal-2021 tellajt ritratt fuq Instagram fejn nidher inħares ’il  barra lejn Filfla minn xi mkien fuq l-irdum ta’ Wied iż-Żurrieq wara għawma tard waranofsinhar. Tajtu l-caption “Islanding”. X’forma, jew x’forom, tikseb il-gżira bħala verb jew sett ta’ azzjonijiet?

“Jitilqu ħafna nies minn Malta?”

“Iva, imma ħafna jiddeċiedu li jibqgħu wkoll.

Fil-kors tal-BA Tourism Studies li kont ħadt l-Università konna tgħallimna li l-Maltin huma fost l-iktar popli Ewropej li jivvjaġġaw frekwentament. Dan il-fatt bqajt niftakru sal-lum, kważi ħdax-il sena wara li ggradwajt. Ix-“short city breaks”, prodott turistiku li hu possibbli permezz tal-fenomenu taċ-“cheap flights”, niżel tajjeb mal-Maltin għax offrielhom kompromess sodisfaċenti bejn l-insopportabbiltà tal-ħajja fuq gżira żgħira mifqugħa nugrufun u nies, u l-insopportabbiltà tal-idea li jitilqu għalkollox. Madwar erba’ darbiet fis-sena, il-Maltin ittihom is-siegħa biex jaħarbu għal ftit jiem, imorru jieħdu brejk, imbagħad jiġu lura jkomplu minn fejn ħallew.

Nibgħatlek ritratt u ngħidlek: “Dak t’hemmhekk huwa r-raħal fejn kbirt, jismu Birżebbuġa, li litteralment ifisser ‘bir taż-żebbuġ, minn żmien ir-Rumani, u d-dar tal-ġenituri tiegħi qiegħda hemm. Huma u niżlin, l-ajruplani jtiru minn fuqha vera fil-baxx u billejl nista’ nisma’ l-containers tal-Freeport jaħbtu u jinstabtu, għax qiegħda viċin ħafna tal-port ukoll, xi għaxar minuti bogħod bil-mixi.

“Daqsiex fiha Malta?”
“Żgħira ħafna ħafna, madwar sebgħa u għoxrin b’erbatax jew ħmistax-il kilometru kollox. Litteralment kważi eżatt daqs nofs Terschelling, mhux b’ċajta, fittixt fuq Google.

Ftit qabel ma wasalt, smajt li ġebla kbira tqaċċtet minn ma’ rdum fl-inħawi tal-Munxar f’Wied il-Għajn u waqgħet fuq tfajla ta’ tnejn u għoxrin sena u qatlitha fuq il-post. Kważi l-imwiet kollha li jseħħu fis-sajf u li nisma’ bihom huma mwiet veru bla sens. Bla sens għax jinstemgħu qishom setgħu ġew evitati faċilment, imma min-naħa l-oħra, jekk taħseb biżżejjed fuqhom, hemm ċans li tasal għall-konklużjoni li forsi kienu inevitabbli wkoll. L-effetti strambi tas-sħana fuq id-dinja materjali.

Is-sajf f’Malta sabiħ biss jekk kull fejn tħares ma tismax il-pajsaġġ ipespislek f’widnejk, ifakkrek f’dak kollu li qatt ġara f’dak il-post. Forsi s-sħana saret tagħmel wisq bija. Fis niftakar fil-kunċett tal-“pajsaġġ ħati” li ħareġ bih l-artist Olandiż Armando fis-sebgħinijiet, u li hu wkoll it-titlu ta’ sett ta’ tliet pitturi minn tiegħu mill-1972, fejn dik tan-nofs turi l-qċaċet tas-siġar fis-sit tal-kamp tal-konċentrament ta’ Amersfoort, belt Olandiża fejn Armando qatta’ ħafna żmien fi tfulitu qabel, matul u anki wara l-gwerra. Skont dal-kunċett, kull pajsaġġ, sabiħ kemm hu sabiħ u pittoresk kemm hu pittoresk, iżomm ġo fih dak kollu li ġara hemm fil-passat, inklużi affarijiet orrendi. Fil-verità mhux il-pajsaġġ huwa ħati, imma n-nies. Però f’Malta din inħossha wisq; l-istorja ttaqqal il-pajsaġġ.

Din hija l-ewwel darba li nżilt Malta u qgħadt għand il-ħbieb minflok id-dar. Ommi vera ħadet għaliha u qaltli li dan hu diżrispett kbir, li nabbanduna lill-ġenituri b’dan il-mod; stennejt xi ħaġa hekk mingħandha.
“Qisek ’qas għandek dar u kamra tiegħek fejn torqod hawn.
“Ma toqgħodx għand il-ġenituri, għala?”
“Għamilna tant sagrifiċċji għalik.
It-tfal tal-lum bla rispett ta’ xejn.

Missieri qatt ma jsaqsini xejn u ommi dejjem issaqsini wisq affarijiet u l-istess mistoqsijiet.

“Alla jaf kemm qatta’ ljieli jorqod mal-art missierek biex stajna nibagħtuk l-iskola u ntuk li trid. Inti lilek rabbejniek ta’ sinjura żgħira. Meta beda l-power station ma kellux paga għolja, paga ta’ student kellu. Imma dejjem imxejna bil-għaqal u minn paga waħda rnexxielna nibnu d-dar u nrabbu, u qatt ma qgħadt lura minn żaqqi.

Missieri daħal jaħdem Delimara meta fetħet fl-1992, is-sena ta’ qabel ma twelidt jien, wara li għalqet il-Hydraulic Units, il-fabbrika fejn kien jaħdem qabel. Baqa’ jaħdem Delimara bħala steam plant operator sakemm effettivament keċċewh mix-xogħol fl-2016, fiż-żmien meta l-Gvern Laburista — ċjoè l-Prim Ministru u sħabu — kienu mdeffsin fi ftehim korrott mal-Electrogas u kkonvinċew lil kulħadd li Delimara ma kienx sostenibbli u kellna bżonn impjant tal-enerġija ġdid li ma jaħdimx bil-heavy fuel oil; però xorta spiċċajna b’wieħed jaħdem hekk. Lil missieri u ta’ miegħu tefgħuhom ’il  barra mingħajr somma u hu u xi wħud minn dawk li baqgħu spiċċaw jaħdmu l-Għammieri ġo workshop tal-Gvern sa ma rtiraw. Niftakar lil missieri jgħid illi lanqas għodda sura ma kellhom biex jaħdmu u ġieli kien jieħu tiegħu mid-dar.

“Aħna sinjuri f’dal-pajjiż u għandna s-servizzi tas-saħħa b’xejn.

Xi kultant ommi tieħu gost tfakkarni li l-Gvern ħallasli l-istudju, jiġifieri ma jistgħux ikunu ħżiena daqskemm inpinġihom jien l-affarijiet u m’għandix noqgħod immaqdar lil pajjiżi.

Nieħu dak li nista’.

Nerġa’ mmur ngħum ftit.

“Rotterdam għandkom dan il-baħar u dix-xemx kollha?”

Din il-gżira maġika u din il-gżira misħuta.

Qabel ma nkun ġejja, lil sħabi u lill-kollegi lura fl-Olanda ngħidilhom għala nħossni kuntenta li sejra lura Malta għal ftit ġimgħat, biex imbagħad malli nasal, il-ħin kollu niftakar fir-raġunijiet kollha li ġegħluni nitlaq u li minħabba fihom qatt ma jien beħsiebni nerġa’ niġi ngħix hawn. Fl-istess ħin Malta għall-inqas għadek tista’ tiġbor kelb jew qattus mit-triq u tieħdu d-dar, u ssuq lura fuq tliet grokkijiet u ma jiġġudikak ħadd għax kulħadd jifhem li t-taxis għaljin wisq u li wara tliet xarbiet ma tkunx essaċċ fis-sakra. Dan il-pajjiż ma joffrix opportunitajiet, imma mifqugħ bil-possibiltajiet.

Qed nimmissja l-qtates tiegħi. Min jaf x’inhuma jagħmlu, Rooibos u Kazimir. Nispera li Max qed jieħu ħsiebhom sew. Max huwa “housemate” temporanju, ġuvni Ukren kwir ta’ wieħed u għoxrin sena li l-aħjar mod kif nista’ niddeskrivih hu bħala personifikazzjoni ta’ dak kollu li hu Gen Z. Ninduna li bl-istess mod li m’għandniex kelma għal “islander”, m’għandniex waħda għal “roommate” jew “housemate” lanqas. Aħna l-Maltin m’għandniex kultura ta’ kiri u qsim ta’ spazju domestiku ma’ individwi li mhumiex ġenituri, familjari, maħbubin, jew forsi forsi ħbieb tal-qalb.

“Intom tal-lum ma tafux x’jiġifieri tbatija.
“Qabel konna aħjar.
“Kemm konna aħjar meta konna agħar. S’issa għadni ma ltqajtx ma’ lingwa oħra li taqbad b’mod daqshekk konċiż u preċiż il-paradoss li hija n-nostalġija.

Missieri ma nafx għal xiex jixxennaq għax dak ma jħobbx jitkellem. Ommi ġieli tgħajru “mutu” jew “budda”. Kull meta nħares lejh u nsibu mitluf fi ħsibijietu dejjem niftakar f’passaġġ ta’ Margaret Atwood minn The Handmaid’s Tale fejn tgħid li dawk t’għajnejhom blu tistħajjilhom maqtugħin ftit mir-realtà għax meta tħares f’għajnejhom ċari bħas-sema, ma ssib xejn u tinduna li huma vojta, qishom mimlijin arja.

Kulħadd jgħaqqad it-tyres.
Kulħadd jaqlibha ’l  xulxin.
Kulħadd jaħdem qisu bagħal.
Kulħadd imdejjaq u lanqas jaf għaliex.
Kulħadd irid isir sinjur malajr.
Kulħadd mgħaġġel u jsuq qisu miġnun.
Kulħadd aljenat.
Kulħadd jaqsam it-triq bl-addoċċ (anki jien).

Mort ngħum Għar Lapsi u sellimt lil Filfla.

Mingħand ommi u missieri ġieli nisma’ li xi ħadd staqsa għalija: “Kif inhi sejra Manuela?” “Meta reġa’ ġejja s’hawn?” Ommi tgħidli li ma tkunx taf x’taqbad tgħidilhom għax qatt ma ngħidilha xejn u ma tafx jekk iniex sejra tajjeb jew le. “Jien ngħidilhom li sejra mhux ħażin u li qed taħdem Rotterdam u darba fil-ġimgħa Amsterdam, hux hekk? Ġieli jsaqsuni xi studjajt u jien ngħidilhom ‘history of art’. Tajjeb jekk ngħidilhom hekk, hux?”

Lill-familjari għandek iżżurhom ftit.
“Meta beħsiebek tmur tara lin-nannu?”

“Ara min hawn.
“Haw’, nann, kif int?”
“U kif tridni nkun? Inti kif sejra hemm barra? X’qiegħda tagħmel issa, qed taħdem xi naqra?”
“Iva, qed naħdem ġo mużew Rotterdam, tliet darbiet fil-ġimgħa u darba fil-ġimgħa Amsterdam ġo post ieħor.

Kif se nfiehmu x’inhu xogħli u x’nagħmel bħala “contemporary art historian” u koordinatur ta’ dipartiment tar-riċerka interdixxiplinari ġo mużew tal-arkitettura, disinn u kultura diġitali, u x’jiġifieri “communications” għal organizzazzjoni ddedikata għall-poeżija li jorganizzaw ukoll programmi letterarji esperimentali? Nannuwi qatt ma siefer u kemm ilni ħajja jiena ħajtu kienet: qabel tlugħ ix-xemx mid-dar għall-għalqa, u ma’ nżul ix-xemx mill-għalqa għad-dar għall-ikla ta’ filgħaxija. Mal-ikel dejjem kien ikun irid flixkun inbid aħmar u 7up żgħir biex iħalltu mal-inbid. Nannuwi Fredu qatt ma tela’ fuq ajruplan imma minkejja dan mhuwiex imdorri magħluq id-dar. Fi żmienu kien jaħdem bix-xarabank u bit-trakk u wara li rtira dejjem kont issibu jonsob, jikkaċċja jew ikewwes ġol-għalqa. Imma riċentament tatu puplesija darbtejn u issa ma jistax joħroġ, isuq jew jinnaviga kif irid. Meta kellu jidħol l-isptar biex jiħdulu xi X-Rays, sabulu biċċa shrapnel fi spallejh, li bilfors kienet ilha hemm minn meta fi żmien il-gwerra splodiet bomba qrib tiegħu u ta’ sħabu subien. Xi tnejn minn ta’ miegħu mietu imma hu b’xi mod ħelisha. Kellu xi ħames snin. Fejn qabel kien ta’ ftit kliem, jew xejn, apparti meta ddejqu xi ħaġa u jisfa jidgħi, issa li sab ruħu priġunier bejn is-salott u l-kċina sar itaqtaq mhux ħażin. Però salvaġġ, u jekk inħares lejn kif jikkomunikaw (jew ma jikkomunikawx) missieri u ħutu, ma naħsibx li kien juri wisq emozzjoni mal-mara u t-tfal (sitta b’kollox) u naħseb hemm xi ċans li ġieli kien jerfa’ jdejh speċjalment fuq is-subien. Fl-istess ħin inħoss ħjiel ta’ ammirazzjoni lejh, għax fi żmienu kien ipejjep qisu ċumnija u rnexxielu jaqta’ s-sigaretti mil-lum għall-għada, u għax ma jafdax lill-banek u jobgħod il-Knisja u l-isptarijiet.

Ngħaddi nżur liz-zija Ċensina, iz-zija ta’ missieri li tiġi l-oħt iż-żgħira tan-nannu Fredu, u nġib lura miegħi nofs tużżana pastini tal-lewż li kienet għadha kif ħmiet.
“Dawn noħodhom miegħi Rotterdam u ndewwaqhom lill-Malti l-ieħor li ngħix miegħu.
Meta ngħidilha li beħsiebni nesporta l-prodott tagħha barra, avolja lejn dar Maltija, wiċċha dejjem jixgħel ftit u ninduna li ħadet gost li għedtilha hekk. Dakinhar li mort nara lil Ċensina tkellimna dwar kemm kien kelb ir-raġel li kellha, imdawrin b’ammont abbundanti ta’ xbihat ta’ Elvis Presley jissemmgħulna. Naqblu fuq kemm is-sistema kienet, u għadha, moħxija kontra n-nisa, għalkemm illum il-ġurnata forsi ftit aħjar għax inbidlu xi liġijiet u m’għadhiex din li kollox fuq isem ir-raġel. Nitkellmu dwar kemm-il darba l-pulizija rrifjutaw jagħmlulha rapport ta’ vjolenza domestika, anki meta darba marret l-għassa fl-għaxra ta’ billejl. Minħabba dan naħseb li ħa nasal xi mkien magħha, li se niftiehmu, jew għall-inqas nifhmu lil xulxin, dwar kif inħossni jien dwar ħajti f’Malta. Hi qattgħet ħafna snin tgħix l-Awstrajla u għadha s’issa tfaħħarha ħafna. Imma nsejt li jiena u hi mifrudin b’żewġ ġenerazzjonijiet. L-opinjonijiet progressivi jdoqqulha biss sa ċertu punt. M’għandix l-iċken idea familti x’vera jaħsbu dwari għax ma jurux. Jinħbew wara l-frażijiet li bħala Maltin għandna ħabta nirriżervaw għall-mistednin li jiġu d-dar. “X’se nferragħlek?” u “Trid tiekol xi ħaġa?” u l-mistoqsijiet l-oħra tas-soltu u kummenti vagi bħal, “Imma insomma, m’hemmx x’tagħmel, u “Ħeqq, il-ħajja hi dik li hi. Kull darba li narahom, speċjalment lix-xjuħ, ma nkunx ċerta humiex kuntenti li rawni jew jekk iħarsux lejja bħala xi kreatura eċċentrika li ma jafux jekk għandhomx jibżgħu minnha xi ftit. Ċerta li parti mir-raġuni hi li ma jifhmunix. Innutajt li l-familjari iktar avvanzati fl-età m’għadhomx jgħiduli, “narawk id-darba li jmiss” bħalma kienu jgħiduli s-soltu. Jiena u nersaq lejn il-bieb ta’ barra b’ħamsin euro fil-but li żerżquli f’idi iktar kmieni, jgħaddili minn moħħi li din vera jaf tkun l-aħħar darba, u li lilhom jaf qed jgħaddilhom l-istess ħsieb fl-istess ħin. Ippruvajt ngħidha jien — “narak id-darba li jmiss” — u vera nstemgħet falza, allura ma rġajtx għamiltha. Id-darba li jmiss forsi ma jkunux għadhom magħna u iktar kemm jgħaddi ż-żmien, iktar tikber din il-probabbilità.

“Ċaw, Manuela, sabiħa. Moħħok hemm.

“Kilt?”
“Iva.
X’kilt?”
“Inħallilek ikel jekk insajjar?”

Ommi għandha relazzjoni psikoloġika ħafna mal-ikel. Ħajjitha ddur madwar ħin l-ikel u l-preparamenti tal-ikliet ta’ dik il-ġurnata u ta’ li jmiss, u max-xirja ta’ kull ġimgħa. Kważi kollox jgħodd bħala skuża tajba biex tqatta’ u tiekol biċċtejn (jew iktar) ħobż tal-Malti minkejja li l-ħin kollu tfakkarni li sabulha l-fwied maħmuġ u l-kolesterol għoli u li t-tabiba qaltilha li għandha bżonn tonqos ftit fil-piż. Kull sintomu li wieħed jesperjenza, minn uġigħ ta’ ras sa ansjetà akuta, ommi tikkonkludi li hu problema nutrizzjonali. Fl-istess ħin, minkejja li l-ħin kollu taħseb fl-ikel u tħobb titgħallem dwar in-nutrizzjoni u tixtri l-frawli mill-Imġarr u prodotti ta’ kwalità tajba, ommi tobgħod issajjar u la hi tajba fit-tisjir, u lanqas taf tpoġġi bilqiegħda u tifhem x’inhi tiekol u tieħu gost bl-ikla. Nixtieq nista’ ngħid illi, bħala bint mara tad-dar, kbirt f’ambjent tal-familja fejn l-ikel kien jgħaqqadna mal-mejda, u li għandi memorji sbieħ tiegħi nkewwes m’ommi fil-kċina, jew li writt xi sett riċetti sigrieti li xi kultant inħobb nippruvahom fil-kċina tiegħi. Imma le, u dal-aħħar innutajt li l-ikel huwa wkoll mod ta’ kif ommi teżerċita reġim ta’ kontroll psikoloġiku u emozzjonali fuq dawk ta’ madwarha.

“Inti ġejja d-dar tiekol, għax jiena sajjartlek? Fi x’ħin ġejja?”
“Ejja kul hawn magħna.
“Jien xtrajt dal-ikel kollu għax kont naf li ġejja int, għax kieku ma kontx nixtri daqshekk.
“Niekol ħafna bl-istress li tqabbduni intom. Intom iġġegħluni niekol.
“Ħallejtlek l-ikel mgħotti. Issa f’xi ħin ejja kul imma, ta.
“Int ma tikolx biżżejjed, kemm għolobt. Tiffissaw bil-figura u tagħlqu l-istonku. Sirt tidher qisek tifla, mhux mara.

Ħafna drabi vera hekk inħossni, qisni tifla mhux mara. Tifla żgħira, insikura, inesperjenzata u ma tafx x’inhu l-aħjar għaliha…

“Inti dejjem ta’ rasek kont. Fejn qatt smajt mill-ġenituri, dejjem li ridt għamilt.
“Sħabek kollha bdew bil-post u bil-familja. Kulħadd qed jissetilja u int qiegħda hemm barra toħlom u tara x’se tivvinta.

… imma wkoll imqarba, diżubbidjenti u, fuq kollox, kurjuża. Waħda minn dawk it-tfal imqarqċin li ma tazzardax tħallihom jiżolqulek minn taħt għajnejk għax jafu jgħalluk.

Jekk kulħadd daqshekk issetiljat, għalfejn kulħadd stressjat u nifsu maqtugħ sejjer mill-full-time għall-part-time? Forsi vera kien imissni bqajt hawn u investejt f’“dari”?

Bil-kera m’għandek xejn u hemmhekk ’qas job steady m’għandek. Ma nafx b’dan l-istudju kollu fejn beħsiebek tasal. U jiena nimmaġina li dawn ’il  tagħhom jippreferu, mhux se jiġu jtuh lilek ix-xogħol jekk jistgħu jtuh lil tagħhom.

Imma hemm — hawn — hemm qed ngħix ħajja li lili ttini ħafna pjaċir u hemmhekk — hawnhekk — għandi fejn nesprimi ruħi u jeżisti x-xogħol li studjajt għalih u nista’ mmur kullimkien bir-rota mhux bilfors bil-karozza, u hawn is-siġar u mentalitajiet differenti u…

Kif qatt nista’ ngħidilha li tlaqt ukoll għax ma stajtx nibqa’ nissaporti lilha u lil missieri l-ħin kollu jitqabdu f’xulxin, id-dipressjoni qawwija li hemm f’dik id-dar, in-nuqqas ta’ spazju personali, ir-reliġjożità estrema u l-konservatiżmu soffokanti tagħhom? Kif se nispjegalha kemm għalija hu kunċett aljen li ta’ tletin tkun għadek tgħix mal-ġenituri u li xi kultant inkun irrid inġib xi ġuvni d-dar? Kif se nuriha li r-relazzjoni tagħna marret għall-aħjar ħafna b’distanza ta’ elfejn kilometru bejnietna? Ippruvajt darba, anki tnejn u tlieta, imma dejjem tieħu għaliha u ma tifhimx xi nkun qed nipprova ngħidilha.

“Isma’ minni u lil ommok ħu paċenzja biha għax illum hawn u għada m’aħniex u xi darba għad jiddispjaċik.

“Immissjajtha xi naqra lil Malta, Manuela?”

Il-lejl li għadda ntfajt nisma’ l-album Classic Objects ta’ Jenny Hval fuq l-airpods fis-siegħa ta’ billejl sakemm marret għajni bija u bdejt noħlom xebgħa affarijiet strambi u bdejt nistħajjel l-art tiċċaqlaq u tinfetaħ taħti u lil Deleuze jgħidli li ma fhimtx x’kien qed jipprova jgħid f’Desert Islands u li t-test ħadtu wisq personali, u f’ħin minnhom ftaħt għajnejja u ħsibtni qed nitlef moħħi fid-dlam ċappa.

Mort niekol ma’ ommi u missieri għand il-Farmers tal-Imġarr għax hemm saru jħobbu jmorru dan l-aħħar għax isajjar ikel tipiku Malti u jbigħ irħis u hemm “tan-nies ħaddiema bħalna. Tfajt Instagram story: ritratt close-up ta’ koxxa tal-ħaruf ġmielha mdawra bil-patata l-forn. Xi ħadd jirrispondi u jsaqsini fejn mort niekol tajjeb. Jgħidli: “Jiena l-aħħar li kont hemm ma tantx daqqitli li ġo restorant daqshekk Malti l-waiters kollha Indjani, u mort għand il-Hungry Wolf minflok. Imma jiena għandi teorija li naqsamha miegħu wkoll. L-iktar post Malti fl-ispirtu huwa preċiżament l-iktar wieħed fejn il-waiters huma Indjani u Filippini u Pakistani u x’naf jien, għax jekk il-Malti jista’ jsib mod kif iħallas inqas u jħaddmek iktar, hekk jagħmel.

“Imtlejna bil-barranin, ilha tgħid ommi mill-inqas dawn l-aħħar ħmistax-il sena.

X’inhi d-differenza bejn barrani u stranġier? Ċerta li xi ħadd diġà għaddietlu minn moħħu xi darba u li teżisti risposta xi mkien. Kemm fl-Ingliż kif ukoll fl-Olandiż jiddistingwu bejn dawn iż-żewġ kategoriji: il-barrani u l-istranġier. Barrani: “foreigner” jew “buitenlander” — fl-Olandiż tfisser litteralment minn barra l-pajjiż mentri fl-Ingliż “foreigner” jaf ikollha konnotazzjonijiet oħra, forsi għax ir-Renju Unit huwa gżira wkoll, allura immedjatament jaraw lill-barranin iktar suspettużi ġaladarba biex jidħlu fil-pajjiż kellhom jaqsmu mhux biss minn fuq l-art, imma minn fuq l-ilma wkoll. Stranġier: “stranger” jew “vreemdeling” — kemm fl-Ingliż kif ukoll fl-Olandiż dil-kelma tiġi qrib ħafna ta’ “stramb” u għandha konnotazzjonijiet ta’ illegalità, kriminalità, ta’ persuna suspettuża. Allura t-turisti huma barranin jew iżjed stranġieri? Jew ma tagħmilx differenza la ġibniehom hawn biex nisolħuhom?

Ħafna wċuħ familjari imma mhux biżżejjed biex naqbad u mmur fuqhom u navviċinahom b’ċerta kunfidenza. Ma nafx x’naqbad nagħmel. Xebgħa ansjetà soċjali. Inqabbad sigarett.

“Int fakkarni fejn qiegħda bħalissa… Amsterdam…?”

Sieħbi Olandiż jibgħatli ritratt mill-mużew ta’ Escher f’The Hague, bil-caption, “Escher sketching Malta. Bgħattlu lura, “Iva, dak ġie hawn f’xi l-1935 jekk m’iniex sejra żball, u anki hemm monument żgħir biex jikkommemora ż-żjara tiegħu x-xatt viċin ta’ fejn kien qed joqgħod meta kien Malta. B’xi mod jew ieħor, qisu kulħadd jispiċċa jiġi s’hawn xi darba jew oħra, jekk hux b’kumbinazzjoni, jew bi żball, jew b’vaganza, jew għax bilfors.

Mill-gallarija tal-post ta’ sieħbi fejn qed noqgħod dal-ġimagħtejn, ma nismagħhomx imma narahom niżlin l-ajruplani, speċjalment filgħaxija xħin nintefa’ bilqiegħda npejjep. Mid-dar t’ommi bil-kontra, kont nismagħhom il-ħin kollu, imma rari narahom. Niżlin wieħed wara l-ieħor. “Jiena u missierek inħobbu mmorru l-airport nimxu. Naraw lit-turisti deħlin. Tgħidx kemm jiġu fis-sajf. Dażgur li jiġu, għandna dix-xemx kollha, u l-baħar. Dawk ġenna għalihom hawnhekk. Dawk jgħiru għalina.

Sibt nixtri ftira biż-żejt imħawra tajjeb u kbira għal €2.50 biss. Mingħand il-Museum Café għadha €4, kemm kienet erba’ snin ilu meta kont naħdem il-Belt. U sibt pizza Capricciosa tajba għal €6.50 kollox minn Marsaxlokk. Forsi għadha ma spiċċatx kompletament Malta, avolja minn ċerti postijiet pastizz sar jiswa 50c (jekk mhux iktar). 50c pastizz u €4 iced caramel latte mingħand il-Costa ftit passi ’l  isfel. Ara l-kapitaliżmu vera ma jagħmilx sens. Din li bejn wieħed u ieħor inkun naf u nikkumpara l-prezz ta’ kollox hija prattika li writt mingħand ommi. Nies li ma jafux kemm jiswew l-affarijiet minn dejjem qtajthom bħala suspettużi jew moħħhom imtajjar, għax min hu daqshekk komdu li jaffordja jixtri mingħajr ma jħares jew jimpurtah mill-prezz?

Fuq Instagram stories kuljum intella’ affarijiet diversi dwar il-vaganza li jappellaw kemm għall-udjenza t’hemm barra li mhijiex familjari ma’ Malta, kif ukoll għal udjenza lokali — inklużi dawk il-Maltin li bħali jgħixu barra — li tieħu gost tara affarijiet familjari mil-lenti tiegħi:

  • Il-knisja ta’ Ħal Għaxaq bil-faċċata mżejna u kull ċentimetru mixgħul kulur jgħajjat għall-okkażjoni tal-festa, bil-caption: “Christianity on steroids. Iktar tard ikkonkludejt flimkien ma’ sieħbi li “Turbo Christianity” kienet tkun ftit aħjar bħala deskrizzjoni għax tistabbilixxi konnessjoni ċara kristall bejn ir-reliġjon u l-ossessjoni kważi ta’ natura ġenetika li għandna bil-karozzi.
  • Caption: “Mood” u fl-isfond skip imdendla minn ma’ krejn xi seba’ sulari għoli titbandal mar-riħ.
  • Ritratti varji tal-bajjiet u l-baħar biex niċċertifika li dak li għedt li ġejt għalih għamiltu, u li Malta hija fil-fatt it-tip ta’ gżira Mediterranja li l-Ewropej tan-naħa ta’ fuq għandhom jiffantasizzaw fuqha minħabba l-mitoloġija Romantika li wirtu mingħand il-moderniżmu u r-Romantiċiżmu Ġermaniż.
  • Ritratt ta’ kjosk tal-ġelat jismu “Cream Power”. M’għandu bżonn l-ebda caption. Kemm il-Maltin u kemm il-barranin huma tal-istess opinjoni dwar dan il-fenomenu.
  • Xena mill-monti tal-Ħadd ta’ Marsaxlokk: bejjiegħ tal-gallettini, il-pastini u ħelu ieħor. Qabel l-isem ta’ kull oġġett żied “traditional Maltese”. Quddiem ir-“rainbow cookies” ukoll. Caption: “Traditional what now?”
  • Numru ta’ selfies, ħafna minnhom meħudin fil-karozza.
  • Memes mhux direttament relatati imma li b’xi mod xorta għandhom x’jaqsmu ma’ x’qed nagħmel u kif qed inħossni hawn bħalissa, inkluża waħda bi stampa ta’ swimming pool bil-caption “enslaved sea”.

Murtali jfaqqgħu fis-sema filgħaxija. Sbieħ. Dawk ma ssibhomx Rotterdam lanqas.

Tiskanta kemm hawn min jgħidlek li ma jitlaqx minn Malta għax jimmissjah wisq il-baħar.

It-toroq f’Malta, forsi iktar minn postijiet oħra, huma mhux biss is-sistema ċirkulatorja tal-pajjiż, imma wkoll is-sistema nervuża. Enfasi fuq nervuża. Dawn il-ġimagħtejn qattajt ħafna ħin fil-karozza mwaħħla mas-sedil, insuq ’l  hemm u ’l  hawn. Għejejt. Darba fettilli naqbad Bolt imma ġietni għalja wisq. Malta m’int xejn bla karozza, minkejja li issa tal-linja bla ħlas.

Sessjoni tat-teorija estetika ta’ żewġ nisa fi xjuħithom (ommi u ziti Mary, oħt ommi l-kbira, li t-tnejn qabżu s-sebgħin) bilqiegħda ma’ mejda x-xatt ta’ Marsaxlokk jieħdu drink: “Il-Filippini aħjar mill-Indjani għax qishom iktar daħkana. L-Indjani iktar serji narahom jien. “Mara fil-business agħar minn raġel fil-business. Raġel iraħħaslek xi ħaġa jew itik xi ħaġa b’xejn ’l  hemm u ’l  hawn, imma mara le.

Il-fenomenu tal-irġiel ta’ mezz’età bilqiegħda fuq l-għatba tad-dar b’żaqqhom barra jew bil-flokk ta’ taħt, jiċċassaw. Sintomu ta’ żwiġijiet falluti minn ċerta ġenerazzjoni fejn is-separazzjoni bejn il-miżżewġin għadha meqjusa bħala tabù?

Ħadt gost li l-ħwejjeġ li ħsilt stajt nonxorhom barra u nixfu f’temp ta’ ftit sigħat u meta nxommhom, nista’ nxomm ix-xemx.

Jiena u miexja lura lejn id-dar, forsi kienu xi d-disgħa u nofs ta’ filgħaxija, waqaft immelles qattus tat-triq. Wara ftit minn warajja nisma’, “Ma tridx xi wieħed għad-dar hux?”
“Leeee, diġà għandi tnejn, biżżejjed u żżejjed.
“Hawn taf kemm ikollna, jiġru fit-triq jew jinżlu mir-razzett t’hemm fuq. Diġà sewwejna xi sebgħa minnhom. Ħriġt nitmagħhom u nħallilhom x’jixorbu.
Biċ-ċajt iċ-ċajt qbadna nparlaw u għedtlu li ġejt vaganza u llejla ħriġt naqra u issa sejra lura d-dar.
“Int Xlukkajra wkoll mela.
“Le, minn Birżebbuġa jiena, imma qed noqgħod għand ħabib tiegħi.
Waqaf il-paroli. Tgħaddi sekonda, tnejn, tlieta.
“Insomma, il-lejl it-tajjeb, ċaw għalik, u komplejt miexja.

Missieri mar funeral u ġab lura miegħu waħda minn dawk is-santi veru koroh bir-ritratt ta’ min ħalliena, u taqbila jew talba bażwija, normalment fuq sfond ta’ sema blu bis-sħab abjad — referenza għall-ħajja li jmiss, fil-ġenna. L-aħħar darba li kont Malta tajt lil ommi ritratt tiegħi nitbissem quddiem biċċa drapp iffjurit li ħaduli bħala parti minn intervent artistiku ħelu fi ġnien lokali waqt il-biennale. Erġajt ħarist lejh din id-darba u tgħidli qalbi, kieku kelli mmut ħabta u sabta, dak jispiċċa jkun ir-ritratt li tagħżel ommi għal fuq is-santa tal-mewt tiegħi. Qatt ma stennejt li l-arti kontemporanja kellha 1. tasal fid-dar t’ommi u 2. f’din il-forma.

Issa li kważi wasalt biex nerġa’ nitlaq, sħabi — kemm t’hawn u kemm t’hemm — isaqsuni kif mort u jekk inħossx li rrilassajt xi naqra. Ir-risposta dejjem l-istess. F’ċertu sens iva u f’ċertu sens le. Kuntenta li fl-aħħar għomt fil-baħar ta’ veru, dak Mediterran, u li ħaditni x-xemx u li ħadt nagħsa fuq il-bajja u kilt vera tajjeb, imma…

“Ħadt gost li ltqajt miegħek.

“Iva, anki jien.
Kieku fadalli iktar hawn konna niltaqgħu u nitħaddtu iktar, imma għada ntir fis-5.40pm.

Ir-Ryanair spiċċa telaq sagħtejn tard did-darba wkoll. Bejn seba’ mitt sena biex nasal id-dar u nsib il-qtates jistennewni u ninħasel taħt shower bi pressa tajba u nerġa’ norqod fis-sodda tiegħi, u bejn m’għandix aptit nerġa’ nidħol xogħol mill-ewwel malli nasal. Il-ħin fuq gżira ma jgħaddix l-istess bħal dak tal-arloġġ. Taħdita dwar il-lingwa Maltija, it-traduzzjoni, u d-dekolonjaliżmu permezz tal-voice notes fuq Instagram waqt li qed nistenna l-gate tiftaħ fid-departures tal-ajruport. Mhu qed inħossni sew xejn għax għandi dardir u wġigħ ta’ ras jaqsam. Kontra qalbi mmur nixtri flixkun ilma jiswa mitqlu deheb mingħand id-WHSmith.

Il-Malti jinsab fi kriżi.
“Iva, vera XBAJT nara Birżebbuġa miktuba Birzebbugia.


Diċembru 2024–Jannar 2025

Din id-darba ġejt għall-aħħar tas-sena, u mhux bir-Ryanair imma bil-KM Malta Airlines. Għal xi raġuni, dawk is-sedili tal-ġilda ħomor skuri minn ta’ żmien l-Air Malta, u leħen il-pilota jitkellem bil-Malti jserrħuli moħħi li se naslu qawwijin u sħaħ. Lanqas jinħass li l-aħħar tas-sena, avolja ma nafx kif suppost jinħass. Ilni xi sitt snin ma nkun hawn Malta f’daż-żmien. Bħalissa ħafna minn tad-dijaspora jkunu hawn ukoll. Fl-ajruplan kważi dejjem ninzerta lil xi ħadd li naf. Kulħadd jinżel jieħu r-ruħ u jirpilja mix-xitwa t’hemm fuq.

Il-vjaġġ it-tajjeb. Narawk dalwaqt. Jiena u missierek kuntenti li ġejja, xbajna dejjem waħidna hawn. Erġa’ ibgħatli waħda l-flight number u fi x’ħin se tasal.
“Haw’, Man, wasalt? Kif kienet il-flight? Sibtu maltemp jew? Għax kien imsemmi.
“Iss, ibgħat naqra xita ’l  hawn ikollok ċans, ħa. Ilhom jgħidu li se tagħmel ix-xita hawn, biex imbagħad jekk kellna ġiex taqtiriet.
“Għandek aptit nieħdu belgħa te minn hawn qabel ma mmorru d-dar? M’għandix aptit immur ningħalaq id-dar minn issa, ilni ġurnata ġewwa.
Mingħand dal-ħanut, it-te jisserva fit-tazza u l-kafè fil-kikkra.

Sibt ruħi d-dar għand ommi nqalleb ġol-albums u nħares lejn ir-ritratti ta’ meta kont żgħira — ritratti tal-preċett, tal-griżma, ta’ għeluq snini, u oħrajn tiegħi nippoża b’tibdiliet varji minn ta’ tfuliti li wħud minnhom għadni niftakar, bħall-flokk u x-xorz tal-101 Dalmatians li kont ilbist waqt ġurnata baħar l-Armier flimkien man-nisa tal-familja, u l-pinafore tal-jeans bid-dublett qasir u sandli abjad bit-takkuna ħoxna li b’xi mod mirakoluż kien irnexxieli nikkonvinċi lil ommi biex tixtrihomli, avolja kienet ċara li kont se nkun ħriġt minnhom sal-istaġun ta’ wara u allura ma kinux investiment tajjeb.

F’moħħi kelli l-idea li t-teorija u l-filosofija kontinentali kollha li studjajt b’xi mod kellhom inebbħuni u jgħinuni niddeduċi informazzjoni ġdida dwari, dwar ħajti, dwar familti, dwar Malta, li minn dejjem kienet evidenti f’dawn ir-ritratti, tistenna lil xi ħadd b’għajn kritika biex sa fl-aħħar jinterpretaha. Hawn aħna, wasal il-mument li jien insir l-oġġett teoretiku tiegħi stess, li nipparteċipa f’eżerċizzju awtoteoretiku.

Nibgħatlek ritratt tiegħi bil-libsa tal-preċett, nippoża għarkupptejja għand tar-ritratti maġenb cut-out tal-kartun ta’ Ġesù, bil-caption:Jesus’ child bride lol. Il-preċett għamiltu fis-sena 2000, is-sena tal-ġublew tal-Knisja u l-bidu ta’ seklu ġdid, kif ukoll is-sena fejn skont ħafna għajdut kellha tispiċċa d-dinja. Hawn għadna s’issa.

“Nannuk [missier missieri] għadu kif għalaq sitta u tmenin ix-xahar l’għadda u z-zija Ġolina [iz-zija ta’ missieri li tiġi oħt nannti Grezz li issa ilha mejta] għalqet it-tmenin. Kieku għadu ħaj ħija Sunny kien jagħlaq tmenin din is-sena wkoll, għax dak twieled kważi eżatt ma’ Ġolina, kienu l-iskola primarja tal-Gudja flimkien ukoll. Iz-ziju Sunny huwa ħu ommi l-kbir li miet ħafna qabel ma twelidt jien, meta ommi kellha xi għoxrin, u ħalla lill-mara b’żewġt itfal żgħar. Kif tgħid ommi, qabdu riħ fuq ieħor u ntmissitlu x-xibka ta’ qalbu. Kien jaħdem wejter il-Phoenicia u kien iħobb jaqra u jitkellem man-nies. Ommi dejjem tpinġi lil Sunny bħal xi tip ta’ profeta u tgħid li sewwa kien jgħid, li “d-dinja l-bniedem għad jeqridha meta kollox ikun magħmul mill-plastik, u li “ħa jivvintaw biċċa għaġina u jagħmlu l-business minnha, (hawn kien qed jirreferi għall-pizza). Ommi tiddeskrivi l-mewt ta’ Sunny bħala l-ikbar trawma li għaddew minnha fil-familja tagħha. Wara li miet ħuha, kien telqilha għalkollox l-aptit u waqfet tiekol għal xi żmien. Sena u għaxar xhur wara mietet ommha. Kienet ilha tbati bl-anġina. Ommi vera mhijiex tajba biex tipproċessa każijiet ta’ mewt fil-familja. Lanqas irrid niftakar l-istat li kienet fih meta miet ħabta u sabta ħuha ż-żgħir Johnny. “Għalija dak qisu miet ibni, għadha tgħid s’issa.

Fl-aħħar tas-sena għal xi l-ħamsa ta’ waranofsinhar inżilt Birżebbuġa bil-kamera tal-film, il-Minolta X-3000 li kien xtara missieri fit-tmeninijiet dik id-darba li mar vaganza Londra. “Għal għaxar liri Ingliżi li ma kellix, ma riedx itini l-Canon li kienet għadha kif ħarġet. Ma riedx iħallihieli. Għal għaxar liri, dejjem jgħidli meta nsaqsih xi ħaġa dwar il-kamera. Forsi hemmhekk ma jirraġunawx bħal hawn. Hemmhekk ma tistax toqgħod tinnegozja u tiġġebbed ma’ tal-ħanut. Ma nafx eżatt x’ritratti kelli f’moħħi nieħu. Ħadt xi wħud tal-Freeport minn fuq il-bajja. Issa naraw kif joħorġu meta mmur lura u niżviluppahom.

Kejk tal-Milied u erba’ qagħaq tal-għasel. Dawk ħarġu mill-kċina taz-zija Ċensina din id-darba. Il-qagħaq tal-għasel diġà kilthom kemm ilni hawn: biċċa biċċa, mat-te, veru għasel niżlu.
Is-sena t-tajba, Man.
“U ħu gost.
Kulħadd għadu mdejjaq fuq ix-xogħol u jgħid li beħsiebu jitlaq (xi darba).
Kulħadd għadu jaqlibha ’l  xulxin u jaqsam bl-addoċċ u jsuq qisu miġnun.
Ħallast €10 ta’ gin & tonic minn Tas-Sliema u ma kien xejn speċjali. Għarukaża.
“Happy new year.
Is-sena t-tajba.
“Gelukkig nieuwjaar.

Xi kultant ma nafx għadnix nista’ ngħid li jien minn hawn u ngħidha kif inħossha mingħajr ma nirċievi reazzjoni li s-sottotest tagħha donnu jgħid, “Din ġiet erbat ijiem minn barra u se tibda tikkritika, mingħaliha li laħqet is-sema b’idejha, mingħaliha li issa aħjar minna. Apparti minn hekk, ċerti nies (normalment dawk li jaduraw il-partit, jew baqgħu b’xi mod leali lejh) qishom joħduha personali meta tgħidilhom li l-affarijiet hawn Malta mhux sejrin sewwa u li issa ma nimmaġinanix nerġa’ ngħix hawnhekk. Daqslikieku issa jiena wkoll barranija u ġaladarba ma ngħixx hawn, m’għandi l-ebda dritt immaqdar. Inutli ngħidilhom li hemm barra mhux perfett lanqas imma li s’issa sibtni aħjar hemm, u li nikkritika għax, minkejja kollox, xorta jimpurtani minn Malta u l-futur tagħha. Ma nasalx ngħid li nħossni barranija essaċċ f’dawn is-sitwazzjonijiet, għax in-nies li qed nitħaddet magħhom nafhom u jafuni sew, għax familjari mal-protokolli soċjali li qed nipparteċipa fihom, u għax konxja biżżejjed u żżejjed ta’ x’inhu jiġi kkomunikat mingħajr ma jingħad. Domt naqra biex wasalt għaliha, imma sa fl-aħħar fhimt eżatt kif inħossni. Inħossni… intruża, eżatt bħalma ddeskriva din il-kundizzjoni Jean-Luc Nancy hu u jiffilosofizza u jipproblematizza d-duwaliżmu ta’ ġewwa/barra, jew familjari/stramb wara li għadda minn trapjant tal-qalb: “… jekk [l-intruż] diġà għandu d-dritt li jidħol u joqgħod, jekk hu mistenni u milqugħ mingħajr l-ebda parti minnu ma tkun sorpriża mhux mistennija jew mhux milqugħa tajjeb, ma jibqa’ la l-intruż, u wisq inqas l-istranġier.

Ħadd, l-ebda filosofu u teorist, ma jippremonixxi l-waqgħa tal-Ewropa tal-Punent u tal-Unjoni Ewropea aħjar minn ommi, li tħobb twaħħal fl-Ewropa għall-problemi kollha li qed jiffaċċja l-pajjiż, daqslikieku Malta mhux pajjiż Ewropew. (Interessanti din.) Però l-problema t’ommi mal-Ewropa hija fuq kollox waħda personali, għax konvinta illi kieku Malta ma daħlitx fl-Unjoni u ma kellniex inbaxxu rasna għal dak li jgħidu ta’ Brussell, u kieku ma fetħux beraħ il-fruntieri, mhux biss ma konniex nimtlew bl-immigranti, imma jiena kont nibqa’ hawnhekk magħha u ma kontx niġġennen biex nitlaq. Hi konvinta li liż-żgħażagħ gidbulhom dwar x’kellhom jistennew u jsibu hemm barra, li l-Ewropa għas-sinjuri mhux għaż-żgħir u għall-ħaddiema bħalna. Sa ċertu punt nifhimha u anki nasal ngħid li għandha punt. Huwa veru li l-Ewropa mhix xi ġenna fl-art, li l-Unjoni għandha ħafna problemi serji, li hija logħba tal-pajjiżi l-kbar, li l-politikanti jitilgħu Brussell għall-interessi tagħhom u mhux tagħna, li ħadd hemm barra mhu qiegħed lest bit-tapit l-aħmar mifrux jistenna l-wasla tiegħi, li s-sistema soċjali ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija li bbenefikaw minnha ħafna pajjiżi tal-Ewropa ta’ Fuq qed tikkrolla taħt in-neoliberaliżmu, li l-populiżmu u l-ksenofobija jagħlqu ħafna bibien f’wiċċ il-barranin bħali, li n-narrattiva li temgħuna l-politikanti tagħna kienet mgħawġa miż-żewġ naħat u r-Rebbiegħa l-Ġdida baqgħet ma waslet qatt, li l-ħajja għoliet — anzi splodiet — malli daħħalna l-euro u niftakar lil ommi tiċċekkja l-kontijiet u tħokk rasha u tagħmel il-kalkoli għal darba darbtejn tlieta. Imma tista’ timmaġina kieku bqajna barra waħidna u dawk tal-ġenerazzjoni tiegħi ma kellniex l-opportunità li nimirħu lil hinn minn din il-blata mingħajr ħafna ostakli żejda? Waħidna x’konna se nagħmlu?

“Kif inti?”
“Xi tgħidli?”
“Kif sejra hemmhekk daż-żmien?”
“Istra rnexxielek inti, you made it. Prosit.

Imma lil xi ħadd bħal ommi, li tkun qed tistenna l-mument fejn tista’ tgħidli, “Għedtlek jien, imma inti ma tismax!” ma nazzardax ngħidilha li għandha ħjiel ta’ raġun għax f’għajnejha dak ifisser li qed nammetti li sewwa qaltli li żbaljajt meta “abbandunajt lil Malta u lill-familja. Mentri l-kwistjoni fil-verità mhijiex waħda t’hemm aħjar minn hawn u hawn aħjar minn hemm, u li mort “hemm” bl-idea li se nsib il-ġenna tal-art, imma li fl-aħħar mill-aħħar ma jeżisti mkien li hu “aħjar” għall-klassi tal-ħaddiem. Però l-istorja u ż-żmien jafu jilagħbuh sew iċ-ċajt krudili, għax ta’ spiss inħoss li żmien l-opportunitajiet professjonali u ekonomiċi qisu kien beda jasal fi tmiemu b’rata aċċellerata eżatt mal-mument li kien imissni nitlaq u mmur inwettaq il-ħolm tiegħi jiena. Biss biss, meta tlajt nistudja Manchester fl-2016, kienu għadhom kif bdew bil-Brexit. Wasalt eżatt fi tmiem il-ħolma tal-Ewropa ta’ Fuq, fil-ħin tar-“rude awakening”. Wasalt tard. Skont it-teorija, qegħdin f’nofs id-“Decline of the West”. L-eġemonija tal-Ewropa tal-Punent qiegħda b’sieq waħda fil-ħofra u ma fadlilhiex wisq. Tajjeb, u jiena mort ngħix fl-epiċentru ta’ dan it-terremot politiku, ekonomiku u soċjali, bit-tamiet ħelwin tiegħi li mmur neduka u niżviluppa lili nnifsi u nespandi l-orizzonti ta’ moħħi, li nipparteċipa fid-Diskors, u li forsi nibni xi karriera akkademika jew fis-settur artistiku u kulturali. Għal missieri l-kwistjoni hija iktar sempliċi. Missieri jobgħod l-Ewropa l-iktar għax in-Nazzjonalisti kienu wiegħdu lill-kaċċaturi li mhux se jaqtgħu l-kaċċa u l-insib, imbagħad qatgħuhom xorta, u, kif jgħid missieri, “qabdu magħhom.

L-iStarbucks wasal Birżebbuġa wkoll. Il-kapitaliżmu donnu jivvjaġġa ħafna iktar malajr mit-teorija. ’Qas naf kemm ilu miftuħ, jekk hux minn dan is-sajf jew minn qabel. L-aħħar li kont hawn ma ndunajtx bih. Iddeċidejt li mmur s’hemm biex nara x’inhuma joffru. Cappuccino żgħir €1.90. Ikolli ngħid, mhux ħażin. Stennejt agħar. Erġajt ġibt il-kamera miegħi. Wara li xrobt il-kafè, mort mixja oħra max-xatt, imma did-darba bqajt sejra lil hinn minn Pretty Bay.

L-identità Maltija ma teżistix. Hija mitoloġija. Anzi, sett ta’ oġġetti mitoloġiċi a la Roland Barthes. Jekk xi darba konna viċin ta’ li nilħqu xi sens ta’ x’tista’ tkun din l-identità, tlifnieh qabel ma seta’ jikkristallizza. Naħseb li rrid ngħid hu li l-identità Maltija hija, u forsi minn dejjem kienet, astrazzjoni viżiva — għall-inqas miż-żmien li fih ksibna l-Indipendenza u forsi l-idea ta’ identità nazzjonali kienet iktar preżenti u prominenti fid-diskors pubbliku. Ma nafx. Il-ħsieb tiegħi hu li meta fl-1964 Malta saret indipendenti għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, pajjiżna kellu jimmodernizza l-ekonomija u jistabbilixxi relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali ġodda ma’ “barra”, inkluż mal-Ingilterra bħala eks kolonizzatur. Kien proprju f’dan iż-żmien li s-settur turistiku ħa żvolta konsiderevoli u kien f’dan il-mument storiku sensittiv ħafna li s-settur malajr ikkolonizza l-kunċett ta’ “identità Maltija”. Dan għaliex l-ekonomija kienet teħtieġ li l-identità nazzjonali tagħna tiġi ffurmata u rreklamata bħala prodott esportabbli u attraenti għat-turisti li kellhom jiġu jonfqu flushom hawn. L-idea ta’ x’kienet din l-identità mhux biss iffurmat idea speċifika ta’ Malta f’moħħ it-turist, imma f’moħħ il-Maltin ukoll. Nistgħu ngħidu li dan kien il-bidu ta’ (wieħed mill-)proċess(i) ta’ awtokolonizzazzjoni?

Li jwassalni lura għal dak li kont bdejt ngħid. L-idea tal-“identità Maltija” bdiet tiċċirkola l-ewwel fuq il-kartolini u l-brochures u r-reklami turistiċi bħala mekkaniżmu tas-settur turistiku speċjalment fil-bidu tas-sittinijiet. Issa, speċjalment minn mindu dak kollu li qbilna li hu “tipikament Malti” u ta’ valur storiku u kulturali qed jisparixxi b’rata allarmanti, u spiss minħabba l-progress ekonomiku li t-turiżmu stess huwa responsabbli għalih, l-identità Maltija tista’ tinxtara bħala limited edition print tat-Te fit-Tazza jew maduma tal-Lazarus Tiles. F’din ir-realtà, lil Lażżru ħadd ma jiġi jqajmu mill-mewt, imma fil-fatt jerġa’ jmut għat-tieni darba maqbud ġo industrial style frame mdendel ma’ ħajt abjad jew fuq xi xkaffa ġewwa new-build bil-faċċata tal-graffiato. Interessanti wkoll kif malli qam mill-mewt, Lażżru apparentament tilef kull memorja tal-ħajja li għex qabel. Bl-istess mod, għajnejn il-luzzu dalwaqt se jkunu jeżistu biss fuq il-kalzetti tas-Souvenirs that Don’t Suck. Diġà l-ftit li fadal Marsaxlokk qegħdin hemm biex jaqdu lit-turisti, jistennew biex jgħabbu l-grupp li jmiss lejn St Peter’s Pool. Dik l-għajn forsi rnexxielha tfendi xi diżgrazzja jew tnejn ’il  bogħod mis-sajjied, imma żgur li mhijiex attrezzata biex tirribatti l-kapitaliżmu.

Il-qalba tal-politika u l-istorja moderna Maltija ma tinsabx fil-Belt Valletta, imma f’Birżebbuġa. L-ebda post ieħor f’Malta, naħseb jien, ma jaqbad b’mod iktar ċar l-istorja tal-progress f’pajjiżna, inkluż il-paradoss impliċitu fiha. Bħalma nirreferu għan-nostalġija bħala xi ħaġa rassikuranti li twassalna biex inħossu li konna aħjar meta konna agħar, il-progress forsi nistgħu niddeskrivuh b’mod invers: kemm qegħdin agħar issa li qegħdin aħjar. Waqt mixja ta’ madwar ħames kilometri max-xatt ta’ Birżebbuġa, minn Kalafrana sal-Qajjenza, wieħed inevitabbilment jiltaqa’ mal-mostru tal-Freeport li twaqqaf fl-1988, sentejn qabel ma ommi u missieri ġew joqogħdu Tal-Papa f’Birżebbuġa, u daqs ħames snin qabel ma twelidt jien. Fil-fatt niftakar bl-eżatt il-mument li fih bdew jirriġeneraw ix-xatt ta’ Birżebbuġa, inkluża r-ramla li ħolqu mit-trab tal-kostruzzjoni tal-Freeport, u iktar tard fi tfuliti l-“open days” li baqgħu jorganizzaw għal diversi snin, bħala eżerċizzju fir-relazzjonijiet pubbliċi biex forsi jtejbu l-immaġni popolari tal-Freeport u r-relazzjoni tal-kumpanija mal-komunità. Niftakar meta kont għadni fil-primarja, kemm-il darba ħaduna u dejjem kienu jagħtuna sett ta’ kartolini u keychain u kamera u skoss imbarazz ieħor tal-plastik b’xejn. Hawn ħa, tifkira żgħira tal-massakru ekoloġiku u soċjali fuq skala massiva li wettaqna f’raħal twelidek.

Distruzzjoni tal-kosta < > riġenerazzjoni tax-xatt.

Illum il-ġurnata, Pretty Bay hija, ironikament, l-ikrah bajja f’Malta għal raġunijiet ovvji. Hekk kif wieħed jaqbeż il-bajja u r-ristorant District Five, li ħafna għadhom jirreferu għalih bħala “Il-Pitch, issib l-impjant u l-pont tax-Shell li jmorru lura għall-bidu tas-seklu għoxrin u jekk tħares faċċata, lejn Marsaxlokk, jidhru l-qċaċet taċ-ċmieni tal-power station il-qadima ta’ Delimara (tal-1992) — u l-LNG FSU, il-“floating storage unit”, ftit lil hinn, it-tanker tal-LNG li ġie inawgurat fl-2016, is-sena li fiha tlaqt lejn l-Ingilterra. F’Birżebbuġa wieħed isib ukoll it-tankijiet tal-gass li waslu fil-qalba tar-raħal fl-1951, u iktar tard fil-Qajjenza fl-1959, li fl-aħħar tas-sebgħinijiet ħaduhom l-Enemalta. Imbagħad hemm ukoll ix-xogħlijiet infrastrutturali li baqgħu sejrin fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet f’forma ta’ pajp tal-fjuwil ġdid bejn Wied Dalam u l-ajruport ta’ Ħal Luqa, biex ma nsemmux iż-żona industrijali ta’ Ħal Far u l-fish farms bejn il-Qajjenza u Marsaxlokk.

Waqt il-ftit riċerka li għamilt sabiex għaqqadt din il-kronoloġija verament preliminari tal-progress tal-infrastruttura, skoprejt li l-korporazzjoni tal-Enemalta, il-kumpanija nazzjonali pubblika li tforni l-elettriku lil pajjiżna u li ġiet imwaqqfa fl-1977, hija prodott tax-Shell Company (Malta) Ltd għax bi qbil mal-Gvern Malti, l-assi tax-Shell ġew ittrasferiti għand l-Enemalta fl-1979. Ma kontx nafha qabel din, però ma jien sorpriża xejn li l-infrastruttura bażika ta’ pajjiżna hija waħda kolonjali, meta tqis li anki s-sistema edukattiva u parti sostanzjali mis-sistema legali għadhom minn ta’ żmien l-Ingliżi.

Faċċata tal-impjant tax-Shell u ftit lil hinn mill-pont, hemm il-monument ta’ Gorbachev, wieħed mill-monumenti favoriti tiegħi f’Malta. Parti mir-raġuni għala jogħġobni daqshekk, apparti d-disinn tiegħu, huwa l-fatt li jikkommemora mument storiku li hu pjuttost kontemporanju, u mhux figura ta’ persuna partikolari, jew sens ta’ passat igglorifikat, jew il-patrijottiżmu. Jaffaxxinani l-fatt li aħna l-Maltin qisna m’għandna l-ebda sens ta’ storja minn wara żmien il-gwerra ’l  hawn. Jew qisu dak kollu li ġara mill-Indipendenza ’l  hawn mhuwiex parti mill-istorja nazzjonali u ma ħaqqux jiġi mfakkar bl-istess fervur bħall-wasla ta’ San Pawl, jew l-Assedju l-Kbir, jew id-daħla tal-Konvoj ta’ Santa Marija. Anzi, qisu minn wara l-gwerra ’l  hawn ma ġara assolutament xejn li ħaqqu jiġi mfakkar u studjat. Amneżja kollettiva għal dawn l-aħħar tmenin sena. Uffiċjalment, “ta’ Gorbachev” huwa l-Monument ta’ Tmiem il-Gwerra Bierda, imma kemm ilni ħajja kulħadd madwari dejjem irrefera għalih bħala “ta’ Gorbachev” (u interessanti: qatt bħala “ta’ Bush”). Darba minnhom, xi għaxar snin ilu jekk mhux iktar, kont miexja lejn in-naħa tal-bajja ta’ San Ġorġ għal xi s-7pm, f’waħda mill-ħabtiet meta kont nipprova mmur nimxi kuljum wara x-xogħol, u avviċinawni żewġ ġuvintur Russi biex isaqsuni fejn setgħu jsibu dan il-monument. Bejn it-2 u t-3 ta’ Diċembru tal-1989, il-President tal-Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev u l-President tal-Istati Uniti George H.W. Bush iltaqgħu Malta abbord il-vapur Maksim Gorkiy ftit ’il  barra mill-bajja ta’ Birżebbuġa biex jieħdu b’idejn xulxin u jiddikjaraw tmiem il-Gwerra Bierda. In-negozjati, magħrufin bħala l-Malta Summit, ġew interrotti mill-maltemp tal-waħx li ħabat fuq il-gżira tul dawk il-ġranet, però Gorbachev u Bush xorta rnexxielhom jiddiskutu x’kellu jkun il-futur tal-Ewropa wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin. Li jinteressani dwar dan il-monument f’dal-punt mhijiex l-istorja ta’ warajh, imma l-fetħa ta’ madwaru. F’moħħi l-monument għandu x-xeħta tat-Tilted Arc ta’ Richard Serra, imma din verżjoni sospiża fl-arja u mitnija ’l  ġewwa miż-żewġ naħat, bħallikieku għawwiġha r-riħ qawwi. L-għan ta’ Serra bit-Tilted Arc kien li din il-kreatura mimduda tal-azzar kellha tiddefinixxi mill-ġdid l-ispazju ta’ madwarha, u l-monument ta’ Gorbachev donnu spiċċa jaqdi funzjoni simili. Fil-parkeġġ li għamlu madwaru, il-ftehim sieket hu li kull min jipparkja ma joħroġx minn ġol-karozza, imma jibqa’ ġo fiha biex jieħu nagħsa, jew jisma’ r-radju waqt li jifrex l-ikla ta’ nofsinhar fuq ħoġru, jew jiċċassa, jew jissendika, jew jargumenta mal-mara fuq suġġetti varji. Il-Maltin iħobbu wisq jipparkjaw u jibqgħu bilqiegħda fil-karozza. Minn daqshekk, min kien inkarigat bid-disinn tal-parkeġġ madwar il-monument donnu kien jaf eżatt x’kellu jkun l-aħjar użu soċjali ta’ dan l-ispazju pubbliku.

Ma’ sħabi barranin, nirreferi għal Birżebbuġa bħala wieħed mill-aħħar konfini tal-Ewropa fin-Nofsinhar tal-kontinent. Lil dawk Olandiżi ngħidilhom ukoll li lil Birżebbuġa nistħajjilha r-Rotterdam ta’ Malta, minħabba l-port. M’ilux kont il-Belt ma’ sħabi u xi ħbieb tal-ħbieb, u xi ħadd biex jiċċajta qal li Birżebbuġa qisha wkoll il-Los Angeles ta’ Malta. “Ifhem, il-palm hemm qiegħed diġà, għedtilhom. Birżebbuġa huwa wkoll raħal twelidi — ripożitorju tal-memorji u l-istejjer personali u familjari. Faċċata tal-pont u eżatt ħdejn l-impjant tax-Shell, jinsab ir-Redoubt Bar, magħruf aħjar bħala tax-Shortly. Dan il-bar mibni wara fortifikazzjoni ta’ żmien il-kavallieri li llum il-ġurnata qiegħda taqa’ biċċiet. Birżebbuġa hemm xi tnejn jew tlieta b’kollox minnhom dawn il-fortifikazzjonijiet, li t-terminu proprju għalihom huwa “ridott”.

Ix-Shortly kien nannuwi min-naħa t’ommi, li qalgħuhielu hekk il-baħrin li kienu jiġu l-ħanut fiż-żmien — bejn tmiem il-ħamsinijiet u matul is-sebgħinijiet l-iktar — għax kien qasir. Jiena kbirt bl-istejjer t’ommi dwar tfulitha u żgħożitha fil-ħanut; dwar kemm ħadmet wara l-bank u biegħet ċips: “Iċ-ċips tagħna kienet tajba mhux iż-żibel li ssib tixtri llum minn barra, kollu żejt qadim. Iż-żejt tagħna kien dejjem frisk għax ta’ sikwit konna nibdluh u tgħidx kemm kont nogħrok u nobrox fil-fryer. Nadif tazza konna nżommuh jien u Mary. Għidli min ħa joqgħod jibdillek iż-żejt ta’ spiss illum il-ġurnata!” Dwar kemm iltaqgħet ma’ baħrin Ingliżi, Irlandiżi, Amerikani, u ġieli anki Olandiżi, u kemm “kienu twal, ġinġrin, u għajnejhom blu. Jiena u oħti konna narawhom sbieħ dak iż-żmien, libsin l-uniformi. Lanqas biss konna nħarsu lejn il-Maltin. Din tal-aħħar tgħidha l-iktar biex taqbad ma’ missieri, li fi kliem ommi meta ltaqgħet miegħu kien “salvaġġ Gudjan”. Dwar kemm kienu jsiru festini fejn kulħadd kien jiżżagħbel u jisker u “ġieli kienu jkissru t-tazzi u jaqbdu jagħtu, u l-għada filgħodu kien ikollna nqumu kmieni nnaddfu. Dawn ħafna minnhom kienu jkunu mdejqin, ’il  bogħod mid-dar u l-familja, jew fi triqithom lejn il-Vietnam. Dwar kif darba meta kienet għadha tfal, il-kaptan tal-aircraft carrier stidinhom għall-ikel fuq il-vapur u dwar meta darba minnhom wieħed baħri xtralha tibdila biex joħroġha tiżfen. Dwar kemm liz-zija Mer kienu jriduha għax kellha xagħarha twil, u għajnejha ħodor u kienet mibruma: “Dik tarahiex issa, ta. Is-sigaretti qerduha, imma dik kienet sabiħa. Dwar kif Mintoff darba ma ħalliex lill-Amerikani jidħlu u mhux biss kważi qatilhom bil-ġuħ, imma rawh dimonju għax waqqfilhom lill-baħrin milli jidħlu fil-port u jiġu l-ħanut. Dwar kemm missierha kien strett u qatt ma ħalliehom jagħmlu xejn lill-bniet, għax kien bit-taxi u kien jara ħafna kummiedji jsiru bejn vjaġġ u ieħor u kien jibża’ għal unurhom. Dwar kemm qandlet kaxxi tal-luminata u ħaslet art, u dwar kemm kitbet u rċiviet ittri mingħand il-baħrin: “Darba, wieħed minnhom kitibli: ‘Jekk tgħidli iva, nibgħatlek iċ-ċurkett tat-tieġ mal-ittra li jmiss.’ Imma mur ġibu lil missieri, ngħidlu li se niżżewweġ Ingliż u mmur ngħix l-Ingilterra!” Dwar kemm kienu mċaħħdin mill-ħajja — priġunieri wara l-bank — filwaqt li għexu u esperjenzaw ħafna iktar minn ħaddieħor għal dak iż-żmien, għax ikel u ħwejjeġ kellhom bix-xaba’ u kienu jagħmluha mal-barranin. Il-ħanut bħala dinja oħra. Dinja għalih. Ċerta li ġo dal-ħanut ġraw ħafna affarijiet li ħadd qatt ma qalli bihom u li tal-familja ma jħobbux jitkellmu fuqhom — ġieli smajt xi ħaġa fuq prostituti u taħwid ieħor. Nixtieq li kieku l-ħitan, jew xi ħadd li jaf iktar, jikxef l-istejjer illeċiti ta’ dal-post. Ommi mingħaliha li, jekk taħbili, b’xi mod tkun qed tipproteġini minn xi diżunur relatat mal-familja, minkejja li tgħid li hi kburija li hi t-tifla tax-Shortly. Hemm ċans ukoll li ’qas hi stess ma taf eżatt x’kien isir, għax forsi lilha u lil oħtha — lill-bniet — l-irġiel tal-familja kienu jaħbulhom u ma kellhiex il-ħażen neċessarju biex tinduna x’kien hemm għaddej. Hawnhekk tgħallimt nilgħab il-biljard meta kont għadni daqsxejn ta’ tifla u ommi kienet ittini għaxar ċenteżmi għal logħba waħda biex ikolli fiex nedha meta toħodni magħha biex inżuru liz-ziju Ton, ħuha l-kbir li ħa l-ħanut mingħand missieru wara li miet nannuwi xi sentejn jew tlieta qabel ma twelidt jien. Iktar tard fil-ħajja rriżulta li kapaċità tajba u utli li tkun taf tilgħab il-biljard, bħal meta tkun taf tiżfen. Imnalla, għax jien fiż-żfin ħażina għaġeb. Però l-istorja tiegħi bdiet hawn, ġo dal-ħanut, ħafna snin qabel ma sibt ruħi nxejjer l-istikka tal-biljard u nbagħbas il-juke box. L-istorja tiegħi bdiet ma’ dik ta’ ommi fil-ġranet u l-iljieli li qattgħet tħares ’il  barra lejn il-bajja u lil hinn minnha minn ġol-loġġa tal-ħanut, minn wara l-ħajt tar-ridott. L-istorja tiegħi bdiet mal-kurżità li kellha ommi dwar id-dinja u l-ħajja barra minn Malta, imqanqla mill-istejjer u l-avventuri tal-baħrin. Bilkemm ma nasalx ngħid li l-interess li kelli fis-safar u l-pajjiżi barranin sa minn tfuliti, u iktar tard ix-xewqa li mmur ngħix barra, inħolqu frott dawn l-istejjer. Imma eventwalment din il-kurżità ta’ ommi ma kinitx kollha tagħha jew ġejja minnha biss. Il-parti l-kbira kienet frott l-egoiżmu ta’ missierha: il-biża’ ta’ raġel żgħir, beżżiegħ, u probabbli kemxejn pussessiv, li jiskappawlu l-bniet minn taħt għajnejh u li forsi jispiċċa waħdu. Allura ma kienx iħallihom joħorġu, jinnamraw, jaħdmu, jew isiefru. “Hemm barra m’għandkomx xi triduh. Hawnhekk l-aħjar, fejn qegħdin komdi u ma jonqoskom xejn. Din il-biċċa blata m’hawnx aħjar minnha. Dan l-istess biża’ writtu jiena wkoll, meta ommi ħassritli milli mmur nistudja u ngħix barra fejn hu “perikoluż u ma tazzardax toħroġ waħdek fit-tard u jekk jaħsel itik ħass ħażin hemm ħadd ma jiġbrok. Il-biża’ ta’ nannuwi jerġa’ jitfaċċa kull darba li ommi tisfa thewden mhux biss dwar il-perikli li hemm hemm barra, imma dwar kif il-moderni tal-Ewropa abbandunaw ’l  Alla u l-valuri, u tgħidli li jiena noħlom wisq u li dan il-ħolm kollu mhu se jwassalni mkien. Terġa’ titfaċċa kważi kelma b’kelma kull darba li tgħidli: “Hawnhekk kellek kollox. Tgħix ta’ sinjura żgħira u ma jonqsok xejn. Missieri sewwa kien jgħid li din il-blata m’hawnx aħjar minnha. Ommi wkoll tibża’ li se tispiċċa waħidha. Illum il-ġurnata l-ħanut qiegħed f’idejn żewġ kuġini tiegħi — it-tfal taz-ziju Ton — u bħall-maġġoranza tal-pajsaġġ Birżebbuġi, għandu xeħta ta’ mkien fejn xi darba r-rota ekonomika kienet iddur ġmielha, imma issa ilha wieqfa s-snin. Mid-dehra, però, dan il-post, bħal ħafna oħrajn tat-tip tiegħu hawn Malta kif ukoll barra, qabad l-attenzjoni tal-komunità alternattiva lokali. Postijiet bħal dawn minsijin imma mimlijin karattru u potenzjal, joħolqu atmosfera tajba għal xi arty party jew xi kunċert żgħir. L-Olanda jiena l-ewwel waħda nkun li nattendi dat-tip ta’ avvenimenti, imma qatt ma kienet se tgħaddili minn moħħi li l-ħanut ta’ nannuwi seta’ kien wieħed minn dawn il-postijiet f’Malta, sakemm xi ħadd kien qalli: “Nixtieq norganizza gig tal-Brodu fil-bitħa tax-Shortly’s xi darba.

Qabel ma nżilt kont qed nitħaddet dwar il-vaganzi tal-Milied ma’ kollega li ma tantx kien jaf fuq Malta (xejn ġdid) imma qalli li sema’ biha għall-ewwel darba u beda jinteressa ruħu ftit, wara li qara V. ta’ Thomas Pynchon. Jiena u nikteb, il-ktieb qiegħed ħdejja — il-kopja ta’ sieħbi li silifli qabel ma tirt u li biex tahuli ġegħelni nwiegħdu għal darba tnejn li mhux se ninsa nieħdu lura miegħi għax huwa “ktieb speċjali ħafna għalih. V. huwa l-ewwel rumanz ta’ Pynchon u xempju tal-postmoderniżmu letterarju Amerikan, ippubblikat fl-1963. Matul l-istorja, li hija kkumplikata u tittratta ħafna suġġetti u personaġġi differenti, il-qarrej qatt ma jiskopri eżatt min, fejn, jew x’inhu/i V, però l-aħħar kapitlu jismu “Valletta”. Matulu, Pynchon jiddeskrivi f’ħafna dettall Strada Stretta u xeni oħra mill-Belt, bħall-Port il-Kbir, is-swar, il-Phoenicia u Strada Rjali. Fil-ħamsinijiet Pynchon serva fis-Sixth Fleet tan-Navy Amerikana stazzjonata fil-Mediterran, u għal xi żmien bejn l-1955 u l-1956 (x’aktarx li) sab ruħu hawn Malta. Bilfors li hekk, għax kieku ma nafx kif seta’ jikteb u jirrakkonta dwar Malta f’daqshekk dettall. Arnold Cassola jikteb li probabbli ħafna li Pynchon kien Malta. Huwa jgħid li d-deskrizzjonijiet ta’ Malta li jagħti Pynchon jistgħu jintużaw bħala evidenza li fil-fatt kien hawn. Madankollu, xorta m’hemm xejn li jikkonferma fiċ-ċert, minħabba li ftit li xejn huwa magħruf dwar il-ħajja personali ta’ Pynchon.

Jiena u naqra dan l-aħħar kapitlu ta’ V., ma stajtx ma nikkunsidrax il-possibbiltà, remota kemm hi remota, jew forsi mhux daqshekk remota, ma nafx, li meta kien hawnhekk Pynchon seta’ kien wieħed mill-baħrin li zijuwi Sunny spiċċa jitħaddet magħhom waqt shift il-Phoenicia, jew li xi darba kien wieħed mill-passiġġieri fit-taxi ta’ nannuwi, jew li forsi, min jaf, fettillu jmur sax-Shortly’s Bar Birżebbuġa, avolja ma nafx biċ-ċert jekk dak iż-żmien nannuwi kienx diġà bil-ħanut (u jekk le, probabbli kien għadu jismu Redoubt Bar jew xi ħaġa oħra). F’dak il-każ, ommi kienet għadha jew f’żaqq ommha jew tarbija ta’ ftit xhur.

Issa li qed nikteb dan kollu, qed nifhem kemm hi ħaġa veru affaxxinanti li kbirt fil-qalba tat-traġitti soniċi tal-progress: bejn it-taħbit tal-containers u r-rogħda tal-magni tal-ajruplani. Illum il-ġurnata nismagħhom ħafna inqas, għax ommi u missieri m’ilux iddeċidew li jipparteċipaw fl-iskema tad-double glazing offruta mill-Gvern u l-Freeport.

Iddeċidejt li matul din is-sena li għadha kif bdiet, jekk jista’ jkun ma nerġax ninżel Malta tliet darbiet, li jekk ikolli bżonn pawża mix-xogħol u minn Rotterdam u minn ħajti hemm fuq, aħjar immur xi mkien ieħor. Żjara lejn Malta, sabiħa kemm hi sabiħa u neċessarja kemm hi neċessarja, hija mimlija obbligi u appuntamenti — inklużi dawk mal-passat — u ma ttinix mistrieħ, u din is-sena vera ħaditli saħħti .

Desert Islands and Other Texts 1953-1974 ta’ Gilles Deleuze huwa pubblikazzjoni Semiotext(e) 2004, traduzzjoni ta’ Michael Taormina u oħrajn, u disponibbli għas-self mill-Internet Archive. Kien oriġinarjament ippubblikat bħala L’île déserte et autres textes minn Les editions de Minuit fl-2002. Flights ta’ Olga Tokarczuk huwa pubblikazzjoni Fitzcarraldo 2017. It-traduzzjoni mill-Pollakk saret minn Jennifer Croft; Bieguni kien pubblikazzjoni Wydawnictwo Literackie 2007. The Handmaid’s Tale ta’ Margaret Atwood huwa pubblikazzjoni McClelland and Stewart 1985. “The Intruder (L’ Intrus)” ta’ Jean-Luc Nancy, traduzzjoni ta’ Susan Hanson, kien ippubblikat f’CR: The New Centennial Review, Vol. 2 Num. 3, Fall 2002. L’Intrus kien pubblikazzjoni Éditions Galilée 2000. Roland Barthes jitkellem fuq il-mitoloġiji primarjament f’Mythologies, pubblikazzjoni Seuil 1957. It-traduzzjoni għall-Ingliż saret minn Annette Lavers u kienet pubblikazzjoni Hill and Wang 1972. Fl-2012, Hill and Wang ippubblikaw edizzjoni ġdida u sħiħa, Mythologies: The Complete Edition, in a New Translation, bi traduzzjonijiet ġodda minn Richard Howard u Annette Lavers. V. ta’ Thomas Pynchon huwa pubblikazzjoni J.B. Lippincott & Co 1963. Pynchon, Malta and Wittgenstein ta’ Petra Bianchi, Arnold Cassola u Peter Serracino Inglott huwa pubblikazzjoni Malta University Publishers 1994. Il-ktieb huwa disponibbli mis-sit tal-Università. Kelli wkoll aċċess għal Dreams and Nightmares: the idea of decadence in Thomas Pynchon, teżi tal-MA ta’ Simon Bartolo, 2001.

Dekorazzjoni art-nouveau