Djarju #3
Warren Bartolo

Jidhirli li hija ġurnata tajba biex naħsel il-lożor

Warren Bartolo

Fil-ħolma tiegħi, qiegħed quddiem televixin nara film tal-fantaxjenza. Ma nistax niftakar eżattament kif kienet l-istorja imma niftakar f’xena minnhom kien hemm ħafna rġiel libsin sdieri tal-ġilda sewda (mhux daqshekk differenti mill-istil ta’ Tom of Finland, li tant jirritani). Kien hemm ukoll żurżieqa triangulari kbira li tintefaħ bħal dawk ta’ meta konna tfal. Ladarba kont fuq nett, stajt jew taqbeż f’qasma li kien hemm fin-nofs bejn iż-żewġ żurżiqiet, jew inkella tiżżerżaq ’l isfel in-naħa l-oħra. Fil-qasma, l-ispazju huwa vast. Hemm irġiel ipejpu, jiċċettjaw, jitlajjaw. Tixbah il-qasma fil-kaktus enormi li minnha tidħol in-narratriċi f’Death Valley ta’ Melissa Broder, fejn tara verżjonijiet iżgħar fl-età ta’ żewġha u missierha. Konna qed naraw il-film fid-Dipartiment tal-Klassiċi fl-Università ta’ Malta fejn għamilt il-Baċellerat tiegħi. Il-bini kien razzett barra mill-kampus ħdejn parkeġġ. Ma kienx kompletament l-istess, fil-ħolma tiegħi, imma stajt ngħid li kienet verżjoni tar-razzett. Għal xi raġuni, kont ġibt il-bagalji tiegħi miegħi. F’ħolma li sseħħ qabel il-wiri tal-film, niftakar li kien hemm ħija, u konna mexjin xi mkien u kellu żewġ mobiles iżda wieħed minnhom kellu l-batterija baxxa. Inqum u nikteb lil S: Hi birthday boy. Ça va? Nibgħatlu ritratt li ħadtlu meta konna Ateni f’Lulju li għadda. Konna ħdejn il-Pirews infittxu bajja deċenti biżżejjed biex immorru ngħumu. Konna qed immorru Limanakia u bajjiet oħra tul il-kosta iżda kienu pjuttost wisq ’il bogħod u tedjanti biex naslu hemm u għalhekk dakinhar iddeċidejna li nippruvaw insibu bajja kemm jista’ jkun fil-qrib. Fir-ritratt, qegħdin bilqiegħda fuq it-terrazzin f’ħanut tal-ġelat. Huwa liebes in-nuċċali tax-xemx kannella tal-Miu Miu tiegħu u t-shirt polo kannella tal-Lacoste. Qed jiġbor ftit ġelat b’dawk il-kuċċarini klassiċi tal-ġelat. Tiegħu hija roża neon. Il-ġelat huwa tal-vanilla u taċ-ċikkulata u huwa servut f’waffle miksija bil-hundreds and thousands ġewwa tazza tal-kartun. B qed jagħmlu l-pudina taċ-chia. Fil-gym ninnota li xi magni huma neqsin, u oħrajn ġew imċaqalqa. Wara xi għoxrin minuta, nirrealizza li kienu mexxew ħafna mill-magni għal ġol-kamra fejn normalment ikun hemm il-klassijiet tal-yoga. Nidħol. Irwejjaħ taż-żebgħa. Il-ħitan huma aħmar jgħajjat. Ifakkruni f’kamra ta’ lukanda li sajf minnhom kont qgħadt fiha meta kont Venezja għal ftit iljieli. Imdawwar b’dil-ħmura, inħossni qed immut (anki Venezja hekk ħassejtni), qisni Agnes fi Cries and Whispers (1972) ta’ Ingmar Bergman: It-Tnejn filgħodu, u ninsab muġugħa, tikteb fid-djarju tagħha. Nisma’ “Icy” ta’ Kim Petras u l-EP il-ġdid ta’ Shygirl tell me. Għall-ħabta tas-18h nieħu l-linja 4 u nieqaf Strasbourg-Saint-Denis. Nimxi lejn Republique fejn niltaqa’ ma’ V quddiem l-istatwa fuq in-naħa li “tħares lejn Arts et Métiers” kif kien spjegali fil-messaġġ tiegħu. Il-ġimgħa li għaddiet kellu jmur ir-Rumanija għax l-appartament spiċċa mgħarraq u kellhom bżonn ikissru l-bieb. Nhar il-Ġimgħa ta’ dik il-ġimgħa, kien bagħatli messaġġ biex jgħidli li l-ġar kien qed jgħinu jiġbor l-ilma u li issa kien għadu qed jistenna li l-ħitan jinxfu. Il-pjan hu li nieklu għandu, imma nispiċċaw nimxu lejn Nation u mmorru fil-post tal-burgers li morna għandu l-aħħar darba. Qed immut bil-ġuħ u niekol il-burger biċ-ċips supermalajr. Normalment qatt ma nieħu laħam però qatt ma nsejjaħ lili nnifsi veġeterjan. Meta xi nies jistaqsuni, ngħidilhom li qatt ma nixtrih u nsajru d-dar. Nieklu biss minn barra, u verament kważi qatt. Ngħid lil V li dan il-weekend aktarx se nkun waħdi għax S se jkun fin-Nofsinhar ta’ Franza u B probabbilment sejrin Firenze għax-xogħol. Aktar tard immorru mixja f’Bois de Vincennes. Kont ilni ma mmur sena, minn meta tlaqt mill-appartament tiegħi fid-12e arrondissement. Kont niġi hawn kważi kuljum, kultant anki f’nofsillejl fi dlam ċappa. Kont inross mal-lag għax hemm kienet il-parti l-iktar imdawla — bir-rifless tad-dawl tal-qamar. Kont iħossni qed nagħmel xi ħaġa ħażina, u kont nieħu pjaċir. Kienet il-mixja kwintessenzjalment tiegħi li kont nieħu wara li nieqaf naħdem fuq Saffo għal-lejl. Kelb b’kullar tal-LED li jibdel il-kulur isegwina u V jgħidli li dawn il-kullari qed isiru aktar trendy issa. Ngħidlu li rajt fuq l-Instagram ta’ xi ħadd li meta kienet qed tagħmel il-borra xi ġimgħat ilu, il-Bois deher tassew sabiħ miksi u donnu l-lag kien iffriżat. Jgħidli li rari ġie hawn minn mindu rritorna Pariġi, minkejja li jgħix fil-qrib. Nieqfu wara ftit għax konna mxejna ħafna u ġismi jibda juġagħni. Inpoġġu fuq id-dahar ta’ bank għax is-sedil imxarrab. Waqt li qiegħed ma’ V, S jibgħatli ritratt ta’ xi pasti li xtratlu ommu għal għeluq sninu. Nagħraf éclair taċ-ċikkulata, meringue tal-lumi, millefeuille, imma ma nafx l-isem tal-erbgħa l-oħra. Aktar tard jibgħatli messaġġ biex jgħidli li ftakar li meta kien żgħir kien xtara summiena mingħajr ma qal lil ommu. Ħbieha fil-gwardarobba għal ftit jiem sakemm fl-aħħar qalilha l-verità. Niġi lura d-dar imma B mhux hawn. Nixgħel il-heater fil-kamra tal-banju u nieħu doċċa. Nidħol fis-sodda u nara The Virgin Suicides (1999) għal, naħseb, l-għaxar darba.


2 ta’ Frar 2024

Inqum bil-ħoss tal-airfryer iżarżar u r-riħa ta’ patata ħelwa trejjaħ minn taħt il-bieb tal-kamra tas-sodda tiegħi. Inqatta’ n-nofstanhar kollu nipprova nikteb. Insaħħan roqgħa patata maxx, li ppreparajt dalgħodu, kull siegħa għax kull darba ma nkunx nista’ niddeċiedi kemm għandi ġuħ. Il-kikkra kafè, minkejja li nżommha quddiemi, ninsieha, u nqum u mmur insaħħanha fil-microwave imma nibqa’ ninsieha u kull nofs siegħa nirrepeti l-proċess. Nistenna li B jiġu lura d-dar mix-xogħol biex inkunu nistgħu mmorru La Louve flimkien biex nagħmlu xirja. Nagħmel lista: bajd, tofu, zucchini, bżar, banana, ħalib tal-ħafur, maple syrup, żerriegħa taċ-chia, baby ħafur (irrid nerġa’ nibda nagħmel overnight oats), Greek yoghurt, għaġin, gallettini, ċiċri, għads, fażola ħamra, tadam tal-landa, ġobon (forsi), taljarini tal-edamame, taljarini regolari, patata, ċereali, paprika. Il-kittieba Mariam Rahmani qalet dwar it-traduzzjoni dak li kont qed nipprova nispjega lili nnifsi u lil ħaddieħor. Ma nafx għala kont mort għal Jacques Derrida u Walter Benjamin. Issa nirrealizza li għalkemm ħabbejt dak li kitbu dwar it-traduzzjoni, huma injuraw ħafna affarijiet li jien inqis importanti. Rahmani tagħmel dan permezz ta’ Lydia Davis. “Bħall-politika tat-traduzzjoni, l-ekonomija tat-traduzzjoni hija fil-biċċa l-kbira mħassra. F’‘Some Notes on Translation and on Madame Bovary’, Lydia Davis tneħħilna dil-fantasija b’mod rifreskanti: ‘Jekk traduttur titħallas ħażin,’ tikteb Davis taħt sezzjoni msemmija b’mod sardoniku ‘Independent wealth’, ‘hija trid taħdem bl-għaġla sabiex tasal biex taqla’ għajxien. Jekk titħallas tajjeb, tista’ taħdem aktar bil-mod. Dawk li huma indipendentament għonja jistgħu jaħdmu bil-mod kemm iridu fuq traduzzjoni.’ Davis imbagħad tikteb dwar il-kalkolu tar-rata tagħha għat-traduzzjoni ta’ rumanz ta’ Maurice Blanchot wara l-fatt, biex spiċċat skopriet li kienet għamlet dollaru fis-siegħa. Dan kont irrealizzajtu sew. Il-fatt li ma stajtx niffoka l-ħin tiegħi kollu fuq Saffo, u li kelli nagħmel xogħol kontra qalbi, kien jikolni tant. Gradwalment, sar ċar għalija li t-traduzzjoni tagħmel xi ħaġa lil-lingwa, lill-veloċità tagħha. Tnaqqasha, iċċaħħadha milli taċċellera. Twaqqafha, u terġa’ tibda. Bħallikieku l-lingwa hija xi ħaġa li sseħħ b’veloċità għolja ħafna, u meta t-traduzzjoni tidħol, din tillajmaha. Il-kliem huwa bla qiegħ u jixgħel minn sens għal bla sens, konsistenza għal inkonsistenza, kollox għax-xejn.


5 ta’ Frar 2024

Jidhirli li hija ġurnata tajba biex naħsel il-lożor. Inneħħi d-duvet mill-cover, nixħtu fuq is-siġġu tal-iskrivanija, u nitfa’ l-cover mal-art. Inneżża’ s-saqqu mil-liżar fitted u ngarah ukoll mal-art, fuq il-cover tad-duvet, u nifforma muntanja kbira ta’ tessut abjad imkemmex u mgħaffeġ. Inżerżaq l-imħaded mill-investi tagħhom u flimkien mal-friex kollu li tfajt mal-art, nagħtihom skoss wieħed kbir biex inneħħi kwalunkwe frak jew suf tal-qtates. Inpoġġihom fil-magna tal-ħasil fil-kamra tal-banju, u nferra’ l-likwidu tal-ħasil fil-kexxun żgħir. Nagħlaq il-bieb warajja għax il-ħoss tal-magna tal-ħasil jordomni. Noħroġ il-vacuum cleaner mill-placard — xi ħaġa dejjem taqa’ minn fuq l-ixkafef jew minn xi rokna, hekk kif nipprova nkaxkarha ’l barra. Inneħħi l-bagalja tiegħi li tinsab mimduda fuq l-ixkaffa ta’ isfel fuq l-ixtilliera tal-ħwejjeġ u npoġġiha wieqfa ħdejn il-heater ċentrali mal-ħajt. Fuqha, inqandel il-qoffa tal-ħabel fejn nixħet il-ħwejjeġ maħmuġin. Dawn huma żewġ oġġetti f’kamarti li l-qtates jgħarrqu d-dwiefer tagħhom fihom u jiġbdu u jigirfu. Noħroġ nixtri chapstick mill-ispiżerija. Dak li tatni ommi meta kont Malta spiċċa. Kienet qaltli li meta kienet fuq vaganza kien hemm mara li kienet fit-tour magħhom li kellha bżonn chapstick urġenti u ommi tatha tagħha. L-għada l-mara xtrat lil ommi wieħed ġdid mill-ispiżerija. Jidher tajjeb. Stick Labbra. Nistaqsi lill-ispiżjara li tidher pjuttost ġentili, est-ce que vous auriez des baumes aux levres s’il vous plait? (għal li jista’ jkun għandek chapstick, jekk jogħġbok?). Hija tipponta lejn skutella tal-plastik ħdejn il-cash register. Huwa mimli chapsticks. Hemm erba’ tipi, separati minn diviżorji tal-plastik fl-iskutella. Turini kull wieħed minnhom b’subagħha, u tgħidli l-ismijiet tad-ditta. Imbagħad nistaqsiha liema wieħed huwa l-irħas. Hija terġa’ tmur fuq kull wieħed minnhom, din id-darba tgħid il-prezzijiet. Huma kollha l-istess prezz ħlief għal wieħed, li jiswa aktar. Nistaqsiha liema wieħed tirrakkomanda mill-orħos għażliet. Hija tgħid id-Dermoplasmine. 3.95€. B jiġu lura minn Firenze fil-23h30.


7 ta’ Frar 2024

Imħawwad, inqum mis-sodda fil-11h. B qamu għall-ħabta tal-4h30 ta’ dalgħodu biex jispiċċaw jippakkjaw il-basktijiet tagħhom biex jitilqu lejn Porto (il-ġenituri tiegħi wkoll qegħdin għal vaganza f’Porto bħalissa). It-titjira tagħhom hija fis-7h minn CDG. Ma rridx nasal kmieni wisq l-ajruport għax niddejjaq, imma fl-istess ħin ovvjament ma rridx inkun f’sitwazzjoni fejn nitlef it-titjira tiegħi għax immur tard, spjegawli qabel marru jorqdu lbieraħ filgħaxija. Huma ovvjament jagħmlu sforz minimu biex ikunu siekta u diskreti f’nofs ta’ lejl biex jitilqu mid-dar. Nismagħhom iħawdu u jdawru fil-prodotti tal-iskin care, jiżżippjaw l-affarijiet, ikaxkru l-bagalji. Meta l-bieb jingħalaq, il-qtates iqattgħu siegħa jeqirdu u jagħmlu l-ħsejjes. Siegħa jew tnejn wara li nqum mis-sodda, nerġa’ nitfaħ Le Mausolée des amantes (2001) ta’ Guibert. Jitkellem dwar ix-xewqa għal forma ta’ rakkont sempliċi żżejjed: “Nista’ mhux ngħid lili nnifsi, eżatt qabel naqbad il-pinna, li se nkun sempliċi u dirett kemm jista’ jkun; fil-mument li nikteb, kważi rrid u ma rridx, dil-memorja tal-kitba tiġi lura aktar bis-saħħa u tistratifika, tissedimenta n-narrattiva b’tidwir, tiżjin, devjazzjonijiet li x’aktarx jikkostitwixxu l-istil (u li setgħu tawni xi pjaċir), imma li issa qed narahom bħala sinjal ta’ eċċess, u bħala theddida biex nieqaf (meta jkun hemm wisq memorja tal-kitba fil-kitba tiegħi, ikolli bilfors inwaqqafha: ma tistax tgħum b’ġisem imwieżen, miksi b’metalli bejn wieħed u ieħor prezzjużi, għax jiġbduk lejn il-qiegħ, it-toqol tat-tiżjin jgħarrqek, deheb li l-faragħunijiet jieħdu magħhom il-qabar). Jikteb dwar in-nuqqas ta’ sigurtà tiegħu meta talab lil T jaqra silta minn xogħlu, u r-reazzjoni ta’ T għaliha li fixklet lil Guibert u li pproduċiet fih effett paralizzanti, billi tbiegħed mill-aptit li jikteb: “T, matul dal-ħmistax li qattajt miegħu, minn banda waqqafni milli nikteb: għax hu qed jibdel dix-xewqa f’deriżjoni, bħal impuls vanituż u arrivista li jieħu post il-ħajja; u għax tant kien iebes dwar kull ħaġa li tajtu jaqra dal-aħħar li issa nibża’ nippreżentalu xi ħaġa ġdida, u kważi nibża’ nipproduċiha xi ħaġa ġdida. Kmieni waranofsinhar fil-gym. It-tbassir tiegħi tar-riżultati li se nikseb billi mmur il-gym huwa li b’xi mod se nkun amalgamazzjoni ta’ xi ġisem mostruż ta’ Lucia Berlin (skoljożi) u Guillaume Dustan (ġisem hunkish) flimkien. Nidħol fis-sala biex nagħmel is-supine press. Normalment nagħmel 25 kilo. Diġà hemm plattini ta’ 15-il kilo fuq kull naħa. Allura nieħu żewġ plattini oħra ta’ 10 kilo mill-magna ħdejn tiegħi. Wara ftit minuti jiġi raġel biex juża dik il-magna u wara ftit, iqum bilwieqfa u jonfoħ u jilmenta Bah! Merci! f’wiċċi. Ma kontx irrealizzajt li kien hemm xi ħadd diġà qed juża l-magna u li kont ħadt il-plattini tiegħu; kien ħalla x-xugaman tiegħu fuq il-maqgħad biex jimmarka t-territorju imma ma kontx rajtu. Huwa raġel pjuttost antipatku li dejjem jilbes beritta u tank top irqiq ħafna u dejjem joqgħod iħuf fis-sala, iħares lejn kulħadd. Nitlaq wara 45 minuta, inħossni skomdu bil-preżenza tiegħu.


16 ta’ Frar 2024

Spiss, matul Nicolas Pages (1999), Dustan jilmenta dwar uġigħ fid-dahar. Dan jagħtini pjaċir. Fl-aħħar għandna xi ħaġa inkomuni. L-appartament huwa nadif sew u kważi bla tebgħa. B ma raqdux hawn ilbieraħ filgħaxija. Jien u S rajna l-aħħar episodju ta’ RHOBH u Suspiria (mhux l-antik) imbagħad morna norqdu fis-sagħtejn ta’ filgħodu. Inqum kmieni, fid-9h. Noħroġ mill-kamra tiegħi fl-istess ħin ma’ S. Qed jipprepara biex imur fl-appartament ta’ All-In biex jaħdem fuq ir-ready-to-wear. Għandu telefonata ma’ Roberta, il-mara mill-fabbrika fl-Italja. Hija konverżazzjoni taħraq. Se nipprova nagħmel possibbli l-impossibbli, qaltlu, u qatgħet. B jiġu lura d-dar u S jitlaq. Nistaqsi lil B jekk hux sħana barra. Jgħidu li mhux sħana daqs ilbieraħ imma ilbes ġakketta. Noħroġ nixtri ftit ġewż mingħand Naturalia (nieħu wkoll pakkett tofu). Inpoġġihom fil-bwiet tal-ġakketta għax ma ġibtx basket. Hemm is-suq quddiem il-ħanut imma jien qatt ma nixtri minn hemm. Dejjem inħossni anzjuż li se naħbat mal-propriétaire tiegħi u jkolli nsib xi skuża għaliex qiegħed fid-18e arrondissement (in-naħa opposta ta’ fejn jinsab l-appartament li nikri mingħandha). Meta għedt dan lil S, id-darba l-oħra, qalli għidilha li għandek għarus jgħix hawn. Nimxi lejn Jules Joffrin biex nixtri ħabaq frisk m’għand tal-ħaxix. Meta niġi biex inħallas, ir-raġel jittawwal fil-borża kannella fejn kelli l-ħabaq. Il y a qu’une botte? (qatta waħda biss hemm?) jistaqsi. Ouiii, eh, non, il y’en a deux (ivaaa, eh, le, hemm tnejn). Inpejjep sigarett fi triqti lejn id-dar minkejja li dalgħodu għadni ma kilt xejn u niddejjaq inpejjep fuq stonku vojt. Imma hija opportunità tajba biex inpejjep, għax qiegħed barra. Niġi lura d-dar u nagħmel pesto tal-avokado. Tfajt wisq lumi imma naħseb xorta se jiġi tajjeb. S jinsab fis-salott. Qed jaħdem bla waqfien. Jagħmel xi ħaġa mal-art. Iħalli l-bieb imbexxaq. Nagħmel protein shake u nibgħatlu messaġġ biex ngħidlu li hemm xi ftit għalih fil-friġġ. L-ebda risposta. Nipprepara biex immur il-gym u nitlaq. Nibgħatlu messaġġ: I’m offff. L-ebda risposta. Nibqa’ l-gym għal tletin minuta għax niddejjaq u din hija wkoll ir-raba’ darba li niġi l-gym dil-ġimgħa u għalhekk inħalli lili nnifsi nitlaq kmieni. Niġi d-dar u nieħu doċċa malajr. S jara l-messaġġi iżda ma jirrispondix. Nisma’ ż-żaqżiq tat-tejp imbagħad it-tqasqis tal-imqass. Nagħmel ftit tofu fl-airfryer u nipprepara biex niltaqa’ ma’ V fl-16h. Mara bilqiegħda ħdejja fuq il-metro toħroġ mazz karti mill-basket tagħha bi stampi ta’ scans ta’ tarbija .

Aqra l-entrata li jmiss:

Nistħajjilni qomt fuq artal tas-sagrifiċċju

Xewqat tal-lum: li jibgħatli messaġġ dak li ltqajt miegħu lbieraħ. Jgħidli li jridni, u li jrid li nerġgħu niltaqgħu malajr kemm jista’ jkun, li nkun f’burdata tajba u li S itini l-attenzjoni, li ma jkollix biża’ u ansjetà dwar il-flus, li nixtri x’niekol mingħajr ma jħossni ħażin li naqsu l-flus mill-kont bankarju, li jirnexxili nikteb xi ħaġa. Ġurnata mxarrba. Sema griż qotni, imdendel. Is-sħab ma jridx iħalli s-sebħ jaqsam is-sema, li jibqa’ kulur wieħed ġurnata sħiħa, fond. S ma jridx kliem. Ma nafx f’liema staġun qegħdin, jekk ir-rebbiegħa bdietx diġà jew għadha le. Jekk hux wisq sħana biex tkun ix-xitwa, jekk hux wisq bard biex tkun ir-rebbiegħa. Ma stajtx nikteb għal ġimgħa sħiħa, mgħaddas taħt il-friex tas-sodda, imkebbeb f’żaqq is-saqqu li ma tantx hu iebes. Enerġija meħuda kollha mill-burdata. Imbagħad ħedla għax naħli ħafna ħin niffaċċja dal-fatt. F’Marzu tlift l-aptit, il-burdata biex nikteb. Ix-xewqa biex niftakar, ix-xewqa biex ma niftakarx mumenti biex nikteb dwarhom. L-imbuttatura biex naqbad il-mobile bl-iskrin imkisser u nikteb. Imbagħad meta jkunu għaddew wisq ġranet, biex nikteb dwar xi ħaġa li ma ġratx fil-mument immedjat. F’waħda mill-entrati tad-djarju ta’ Diċembru kont ħadt nota ta’ x’kitbet Marina Benjamin. Tikteb dwar il-memorja u t-tislit tal-kittieb biex jiftakar, speċjalment xi ħaġa li ġrat tant żmien ilu: “Li tikkonċernani hija l-idea pjuttost pulita wisq li l-memorja hija xi ħaġa li tibqa’ fil-wiċċ b’mod intatt mill-passat imċajpar, bħal xi sejba arkeoloġika li tkun skoprejt u li minnha trid sempliċement tfarfar it-trab. Dak il-kunċett, naħseb, jista’ jiġi skontat, peress li kull darba li tiftakar xi ħaġa tkun qed tiktibha mill-ġdid, tqanqal il-passat fil-proċess. Din l-indeterminazzjoni organika kollha tagħmel il-memorja inkwetanti. Tesponiha bħala xi ħaġa mibnija b’mod attiv minn persuna li tħoss, li tħares lura minn punt fil-futur, li trid tagħti rendikont ta’ kif saru l-affarijiet sabiex jgħixu l-porzjon li jmiss tal-futur tagħhom bil-kumdità. Hekk kif kitbet in-nanna ta’ Guillaume Dustan fid-djarju tagħha, li hu għamel traskrizzjoni tiegħu f’Nicolas Pages: “Peress li m’għandi ħadd madwari ma’ min nista’ niskambja l-ideat, nikteb dak kollu li niftakar, fl-ebda ordni partikolari, nimla l-paġni.

Dekorazzjoni art-nouveau