Il-Mara tas-Suldat

Jien_a


ABT

Ċerti maħbubin jitħalltu b’mod intelliġenti. Pereżempju, fix-xemx sajfija abtejhom ifuħu bħall-bżar jew il-misk. Fix-xitwa l-maħbubin jimmodifikaw il-perspirazzjoni b’tali mod li l-fwieħa tagħhom tinbidel kompletament. Dan jissejjaħ “l-ilbies tal-fwieħa tax-xitwa. L-aktar bidla sensittiva sseħħ fl-abtejn. Meta l-maħbubin tat-Tribù taċ-Ċinturini (il-Pajjiż il-Kbir, l-Ewwel Kontinent, iż-Żmien Glorjuż) jilbsu l-fwieħa tax-xitwa, jagħmlu dan b’mod immakulat. Imma ma jistgħux jgħidu kif jirnexxilhom.


AĦNA 

Ara Attribuzzjoni


ALFABETT

L-alfabett t’hawnhekk ħolqitu Karmenta. Qabilha, Tetis kienet twieldet mill-baħar biex tgħallem alfabettiżmu ieħor. Kali wkoll ivvintat alfabett, magħmul minn ħamsin simbolu. Kull wieħed minn dawn is-simboli jidher fuq ix-xbieha tagħha, irrappreżentat mill-irjus tal-iskeletri fuq il-ġiżirana ma’ għonqha.


AMAZZUNI

Fil-bidu, jekk qatt kien hemm bidu, il-maħbubin kollha sejħu lilhom infushom amazzuni. Huma u jgħixu flimkien, jinħabbu, jiċċelebraw lilhom infushom, jilagħbu, fiż-żmien meta x-xogħol kien għadu logħba, il-maħbubin fil-ġnien tal-art baqgħu jsejħu lilhom infushom amazzuni tul Żmien id-Deheb kollu. Imbagħad, xħin twaqqfu l-ewwel bliet, bosta maħbubin kissru l-armonija oriġinali u sejħu lilhom infushom ommijiet. Minn dan iż-żmien ’l hemm, il-kelma amazzuna saret tfisser għalihom tifla, li qatt ma tikber, immatura, dik li qatt ma tħaddan id-destin tagħha. L-amazzuni tkeċċew mill-bliet tal-ommijiet. Kien f’dak il-mument li dawn saru vjolenti u bdew jiġġieldu biex jiddefendu l-armonija. Għalihom, l-isem antik amazzuni baqa’ bit-tifsira oriġinali. U minn issa beda jfisser xi ħaġa aktar: dawk li jħarsu l-armonija. Minn hemm ’il quddiem stajt issib amazzuni f’kull żmien, f’kull kontinent, gżira u xatt. Dħalna fiż-Żmien Glorjuż grazzi għall-amazzuni tal-lum. (Ara Dubji 1.)


ANNIMAL

Ħafna drabi maħbuba tuża ġesti biex b’ġisimha ssir tixbah dak l-annimal jew dawk l-annimali li l-aktar li għandha affinità magħhom u b’hekk tagħti pjaċir lill-maħbuba tagħha. Dan isir aktar faċli meta tkun taħt ipnożi. Trid tinsa l-mossi ta’ kuljum u ssib dawk tal-annimali tagħha. Din mhix imitazzjoni tal-annimalesk: din hija mima. Hija ħaġa diffiċli biex taqbad u tagħmilha spirtu pront, anki jekk il-maħbuba ssaqsiha biex tagħmilhielha bl-ikbar ġentilezza. “Meta ssaqsini biex nagħmilha ta’ ġemel, niddejjaq, għax rari jirnexxili. (Charlotte Plume, Iċ-Ċirku Tiegħi, Gallija, Żmien il-Konkos.)


ATTIVISTA

Ara Wittig


ATTRIBUZZJONI

Jien_a huwa l-isem kollettiv li għażilna għal dal-proġett. Jien_a huma Daniel Cossai, Leanne Ellul, Noah Fabri, Charlene Galea, Miriam Galea, Joe Gatt, Matthew Schembri u Loranne Vella. Iddiskutejna l-possibbiltà li nissemmew kollha kull fejn jidher awtur għal dan ix-xogħol imma fl-aħħar iddeċidejna li nippreferu nużaw isem ad hoc, li ħareġ waqt il-kitba ta’ risposta lil Monique Wittig.


BEŻŻUL

Il-beżżul jinsab f’tarf is-sider, ippuntat, maħruġ ’il barra, imqabbeż. Il-beżżul xortih tajba li jaffronta kull tip ta’ qilla. Jiflaħ għal kull xorta ta’ mard, anki meta jimrad. Fiż-Żmien Glorjuż, is-sider kellu x-xorti li jkun indurat bid-deheb u l-beżżul bħal ċirasa fuq kejk. Ħadd ma jaf il-għala sidrejn qatt ma qabdet art. Biżlejn tingħad u tingħadd mingħajr ebda diffikultà. Il-frażi l-aktar popolari fl-Era tal-Fwar, li llum il-ġurnata ntilfet, kienet: beżżilni ħa nbeżżlek. It-tifsira tagħha tinbidel f’kull każ.


BUŻŻIEQA

Hemm kemm-il mod biex naslu ħdejk. Ir-rota għadna ma tgħallimniex insuquha. Tal-linja ma tiġi qatt. Dirgħajna għajew jgħumu. Niddendlu ma’ bużżieqa u ntiru bħal tal-films. Bużżiqet l-arja. Bħallikieku għadna ħerġin mill-Era tal-Fwar. Hemm tant tipi ta’ bżieżaq differenti. Jien_a waħda minnhom. Nibku kull xahar, nibku għax-xagħar, nibku għax nibku. Kemm inti bużżieqa. Nużaw ballun tal-arja? Hekk isejħulu. Jekk induru d-dinja tmenin darba naslu? Kien hemm żmien li, kieku użajna ballun tal-arja, konna nużaw ukoll kappell, fjuri, frott, perlini, fwejjaħ u karti kull kulur. Kollha jtuk pjaċir, anki jekk differenti. In-nies kienu jħarsu bħalma jagħmlu darba kull darba. Meta ninqatgħu mill-arja jifirħu; dik id-darba, ma konniex inkunu nqtajna minn ġewwa. Konna nkunu rbaħna turnew minn ġew.


ĊIPRINA

Fejn jiżloq il-pjaċir. (Ara iNdewwa.)


DATI

L-ewwel laqgħa bejn Aphroconfuso u Librerija Geġwiġija dwar dan il-proġett saret fit-22 ta’ Mejju 2023. Is-sensiela ta’ workshops — bit-titlu “Noti għal dizzjunarju tal-maħbubin” — ħabbarnieha fl-4 ta’ Settembru 2023. Kellna workshops online ta’ sagħtejn il-wieħed nhar is-Sibt 9 ta’ Settembru u l-Ħadd l-1 ta’ Ottubru. Imbagħad, fit-28 ta’ Ottubru ltqajna l-Ġugar, Triq ir-Repubblika, il-Belt. Ir-raba’ u l-aħħar workshop sar online s-Sibt 13 ta’ Jannar 2024 u kien twil sagħtejn.


DEMM TA’ KULL QAMAR

Demm li jkebbeb kull wild u li sawwar l-ewwel kalendarju. Jinħass regolarment mill-mara f’ġisimha. Jidher u jissemma fil-pubbliku mingħajr ħabi u mistħija. (Ara Qamar.)


DIŻFEMIŻMI

Kliem espliċitu li nużaw apposta biex ma nċedux għall-iskrupli dwar ġisimna.


DUBJI

1. ~ rigward l-Amazzuni Minkejja li l-importanza tal-lingwa fl-istorja femminili laqtitni ħafna f’din l-entrata, naħseb ukoll li din l-entrata hija kemxejn problematika. Għalija ma jgħinx li timmaġina utopja fil-passat li qatt ma eżistiet. Fil-fatt, Wittig stess tibda billi tgħid li mhijiex ċerta jekk qatt kienx hemm żmien bħal dan. Personalment naħseb li l-fantasija f’dan il-każ ma tgħinx — huwa aktar importanti li nħarsu lejn l-istorja ta’ veru, l-istorja tal-ħajja ta’ kuljum tan-nisa u dawk kollha li jisplodu l-ġeneru, mirduma taħt il-pinna tal-irġiel, u ngħidu dik l-istorja, mhux nippruvaw noħolqu fantasija ta’ storja kanonika li tispiċċa tikkopja l-istorja tal-irġiel. 2. ~ rigward l-iskrupli Qed insibha iebsa nuża kliem bħal għoxx, sorm eċċ., għax trabbejt qatt ma ngħidhom, kif ukoll imdorrija nismagħhom biss użati b’mod vulgari u aggressiv, u b’hekk niddejjaq nużahom. Bejn irrid inneħħi t-tabù, u bejn forsi naturali wkoll li hemm ċerta privatezza madwar dawn is-suġġetti. Hemm raġuni wkoll għalfejn huma marbuta mal-“intimità. Però, inħoss li dan it-tabù joħloq tant stress u ħsara li nixtieq inneħħih, imma qed insib lili nnifsi niċċensurani parzjalment permezz ta’ ewfemiżmi poetiċi bħal “hemm isfel”,il-parti tiegħek”, “bejn saqajk”, “paċċu”, “pastizz”. Madankollu, biex nonora lil Wittig u navvanza l-femminiżmu lokali, sibt lili nnifsi nikteb prattikament soft porn bil-Malti, ġeneru li qatt ma interessani fih innifsu. Min jaf kieku dawn id-dubji nintegrahom fil-monologu intern f’moħħ il-protagonista? Flok it-termini litterali, forsi ser nikteb il-metafora sesswali minn lat femminili. 3. ~ rigward traċċi Għall-ewwel kelli ftit dubju fuq it-titlu tal-entrata [“Traċċi | Raġel”], billi l-ideat mhumiex marbuta speċifikament mal-kunċett ta’ raġel; f’dan il-proġett, “raġel” huwa kunċett wieħed minn ħafna fejn naraw l-ideat fil-prattika. Imma wara li ħsibt fuqha naħseb li fil-fatt ippruvajna mmorru għal żewġ titli — “traċċi” b’referenza għall-paragrafi u “raġel” b’referenza għall-vrus. Din ikkonvinċietni. Xejn xejn, il-preżenza ta’ entrata raġel qalb il-ħafna entrati l-oħra aktar marbuta mal-ġisem femminili turi kif sa ċertu punt qed nitbiegħdu minn Wittig biex “nittrasferixxu” l-ideat tagħha għall-politika tal-ġeneru tal-lum, li forsi tħares inqas speċifikament lejn il-mara milli kienet il-politika tal-passat, u iżjed tiffoka fuq l-identitajiet li ħloqna u kif dawn jaffettwawlna ħajjitna. 4. ~ rigward vaġina Indaħħlu l-ġrajja tal-Moviment Qawmien Vaġinali fl-Era tal-Fwar? Jien kieku nħassar l-entrata kollha.


FALDI

In-nisa tas-suldati minn dejjem kellhom, għax twieldu bihom. In-nisa l-mibnijin, is-sodi daqs blata ġo barriera, għandhom fuq li għandhom. Bis-saħħa tagħhom, falda saret tfisser ukoll “blata f’barriera bi trinka mħaffra madwarha” (Berengere, L-Istorja ta’ Sqaq, Etruria, iż-Żmien Glorjuż). Fit-trinka jidħlu l-ispnajjar — l-għodod għall-ponta li jaqtgħu l-iġbla. Fiż-Żmien Glorjuż, il-kelma kisbet sens ieħor. In-nisa tas-suldati kienu jieklu mhux ftit. Kull tip ta’ laħam tari. Kienu jħobbu jaħxuh b’laħam ieħor. U hekk falda kisbet sens ieħor, dak marbut mal-laħam. Dawk in-nisa li kellhom faldi żgħar kienu spiss jistħu u jinsatru taħt dik li b’assoċjazzjoni bdiet tissejjaħ faldetta, jiġifieri falda żgħira.


FOSSA

Il-quċċata (fid-dieher) tal-ħnejja.


ĠENERU

Ara Intraduċibbli.


ĠISEM, IL-

Ara Abt, Annimal, Beżżul, Bużżieqa, Ċiprina, Demm ta’ Kull Qamar, Faldi, Għar Ħasan, Ħlas, Ħnejja, iMxarrba, iNdewwa, Niedja, Oħla Deni, Ormoni, Qamar, Qawmien Vaġinali, Ras il-Beżżul, Skrupli.


GĦAR ĦASAN

Ġieha xi erbat ijiem ilu, u issa li wasal fl-aħħar kienet qed tħossha fuq ruħha. Ġieha d-demm ta’ kull qamar, l-ewwel tbajja’ mċajpra bilkemm jidhru, imbagħad qtajjar niexfa lewn it-tut li jċappsu l-ħwejjeġ ta’ taħt, u fl-aħħar gelgul magħqud inixxi minn bejn saqajha għal erbat ijiem sħaħ, sa ma jerġa’ jgħib fix-xejn bħalma ġie.

Kienet bilqiegħda ma’ Ed f’rokna mudlama tal-bar. Is-sufanijiet rotob lewn id-damask tal-festi bdew iħeddluha hi u tbennen f’idejha t-tazza tal-inbid. Barra kien hemm il-ksieħ, iżda hawn, fejn dejjem jiġu jtemmu l-lejla, kienu għall-irdoss. Kienet ilha barra mis-sebgħa. Wara x-xogħol kienet baqgħet sejra tiltaqa’ ma’ Ed. L-ewwel marru jieklu ġo restorant bl-imwejjed miksija dvalji bojod u l-frieket u s-skieken tal-fidda tqila. Għamlet sagħtejn tedha tħares lejh fuq in-naħa l-oħra tal-mejda, fid-dawl inemnem ta’ xemgħa bejniethom, hu u jitkellem fuq ħwejġu u jteftef fil-platt. ld-dawl tal-fjamma nebbiexa jiżfen fuq ġenb surtu, il-mewġa ħafifa ta’ ħuġbejh, għajnejh solenni, ħaddejh magħluba, geddumu mnaqqax, għonqu tiela’ bħal zokk mastizz minn nofs spallejh weqfin, u sidru miftuħ taħt il-buttuni ta’ qmis lewn is-sema bnazzi li tilmaħ hekk kif tintilef f’għajnejh.

Waqt li tpaxxiet b’din l-oħla tifkira u ħassitha xxurtjata li kienet biswitu, kompliet tiddendel ma’ dawk dirgħajh tal-franka. Trasset ma’ ġenbejh dojoq maqfulin biċ-ċintorin. Wara r-restorant kienu terrqu t-toroq, isserrpu qalb il-folla, il-mużika ttanbar, id-dwal jgħajtu u s-sirda tal-lejl. Għamu f’qiegħ grokk wara l-ieħor u spiċċaw jistkennu hawn, fil-post tas-soltu, filli jixxenglu u filli jistejqru, iserrħu fuq xulxin.

L-ilwien tal-bar iċċajpru, il-mużika tbiegħdet u ħassitha tegħreq ħelu ħelu ġos-sufan. Ġisimha tari, marsus bejn kuxxtejha, bħal donnha ħassitu jnemnem. Riġlejha kienu miksijin biss b’tights irqaq u dlonk bexxqithom taħt id-dublett wiesa’. Bdiet tħossha bejn tintelaq u bejn tqum. Sensazzjoni li biha bdiet kemm tieħu gost kif ukoll titħarbat, kemm issib lilha nnifisha kif ukoll tintilef.

Ed kien qed iħares f’qiegħ it-tazza. Għalkemm kien maġenbha, bħallikieku bejniethom kien hemm baħar jaqsam. Mixtieqa, bdiet tħoss bħal telqa u qawmien simultanji: partijiet ta’ ġisimha bdew jintelqu, bħal rasha, daharha u riġlejha, u oħrajn iqumu, bħal xufftejha, sidirha u… hemm isfel. Il-bar kien battal u din ir-rokna kienet minsija, moħbija wara kantuniera. Hi u tixħet rasha lura, bla ma riedet bdiet tbandal ġenbejha bħal donnhom kienu romblu, bħal donnu s-sufan kien għaġina li kellha tiftaħ biċ-ċaqliq tagħhom, ’il quddiem u lura, ’il quddiem u lura, tagħġen dejjem aktar fil-fond, titmewweġ, tirrombla, tiżżegleg sfrenata, sa ma fl-aħħar tiżloq fin-niedi. Tant titpaxxa kif tħoss dik in-nixxiegħa ċkejkna ċċarċar sħuna bejn saqajha, tinġabar f’għadira mbenna fid-daħla. Bil-mod, l-għoqda tinħall, tirtab bħal qagħqa mbilla u tiftaħ bħall-petali ta’ warda fir-rebbiegħa. Il-ħajt jiġġarraf, u l-masġar niedi jwarrad madwar in-nixxiegħa.

Għarqana, iżżerżaq idha lejn Ed. Issib kuxxtejh u idha tiġri lejn il-kużakk. Hu jdur lejha, tħoss sebgħu fuq tarf sidirha, kif tħobb, minn fuq il-flokk. Fid-dizzjunarju ta’ Aquilina, għal sider jagħti fost l-oħrajn il-kelma beżżul, li hu minn fejn joħroġ il-ħalib tal-omm imma li jfisser ukoll xi ħadd bla xorti, patetiku. Tistħajlu jixxejjer u jixxengel bħal sider imdendel, impaħpaħ, mixtieq, hekk kif Ed jogħrokha u jagħġinha u jħollha fix-xejn. L-art tal-masġar ħammiela, niedja, issa mimlija żlieq madwar in-nixxiegħa. Subgħajn Ed jiżgiċċaw taħt iċ-ċinta tat-tights. ’L isfel. ’L isfel. Hemm. Fil-ftuħ.

Subgħajh jitlajjaw, iħufu barra l-għar, jitħakku kontra l-ħnejja taflija biex ħelu ħelu tillaxka u tintefaħ, tiħmar bix-xewqa, ma’ kull tmellisa. Hekk kif ġisimha jintefaħ minn ġewwa, ġisem Ed jintefaħ minn barra. Subgħajh ikomplu jżiegħlu bil-ġilda tarija, imbagħad isibu l-fossa fuq il-quċċata, u hemm jitlgħalha l-oħla deni. Hi u tterter u titkagħweġ bil-gost, subgħajh jixxarrbu u ma jdumux ma joforqu l-ħitan niedja u jintilfu fil-baħħ ġewwieni, bħal għeruq li jinfdu fil-fond, ifittxu l-indewwa tal-art ħammiela. Fid-dlam ċappa, iħoss il-ġewwieni artab u żellieqi, bħal żaqq il-balena ta’ Ġona, li tibilgħu u tostru. (Ara Dubji 2.)


ĦLAS

Ħelsien ta’ ruħ ġdida fid-dinja. Tiġdid tal-ħlejjaq tad-dinja. (Ara iLjun.)


ĦNEJJA

Tħaddan id-daħla ta’ ġisimha. Tismen u tirtab bil-pjaċir meta tmellisha. Il-fossa fil-quċċata tal-ħnejja tagħti l-oħla pjaċir. (Ara Għar Ħasan.) Skont Aquilina, għal klitoride jagħti żibġa wkoll. Ironika għax il-klitoride hi ferm lil hinn miż-żibġa li hi biss in-nitfa li tidher fuq barra. Jeħtieġ insibu termini oħrajn: klavikula, furketta, fossa, il-quċċata tal-klitoride, il-quċċata tal-ħnejja.


INTRADUĊIBBLI

Judith Butler f’Dictionary of Untranslatables jgħidu, “Biex inqalbet ta’ taħt fuq id-distinzjoni sess/ġeneru kien hemm bżonn it-tbegħid kemm mil-lingwistika strutturali kif ukoll mill-antropoloġija kulturali. Imma terġa’ saret aktar importanti ġaladarba kkonċedejna li s-sess u l-ġeneru t-tnejn għandhom il-ġrajjiet tagħhom, u li dawn il-ġrajjiet ivarjaw, skont il-kuntest lingwistiku li fih joperaw. Allura, pereżempju, it-terminu ‘ġeneru’ innifsu matul it-tmeninijiet u d-disgħinijiet, kien kważi impossibbli tittraduċih fi kwalunkwe lingwa rumanza. Kien hemm le genre fil-Franċiż u el género fl-Ispanjol, imma dawn kienu meqjusa kategoriji grammatikali u li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-eżistenza konkreta mġissma ta’ dawk li kienu msejħin jew ‘hu’ jew ‘hi’. Imma kittieba esperimentali bħal Monique Wittig u Jeanette Winterson ikkuntestaw l-idea li l-grammatika kienet fil-fatt separabbli mill-esperjenza fil-ġisem. Les Guérillères ta’ Wittig u Written on the Body ta’ Winterson saru testi provokattivi li ma ħallewx lill-qarrejja tagħhom jiddeċiedu l-ġeneru tal-persunaġġi u l-karattri deskritti. Aktar minn hekk, taw x’jinftiehem li l-ġeneru huwa relatat direttament mat-tipi ta’ kostruzzjonijiet grammatikali li huma taparsi ordinarji jew inevitabbli. Bit-taħlit, bit-taħwid, jew bit-tħassir tal-ġeneru grammatikali, raw kif jillaxkaw il-ħakma li għandhom is-sistemi binarji tal-ġeneru fuq kif naqraw, inħossu, naħsbu, u kif nafu lilna nfusna u lill-oħrajn. L-idealiżmu grammatiku tagħhom wera li kien eċitanti bħala finzjoni esperimentali. Madankollu, l-istituzzjonijiet tal-ġeneru donnhom baqgħu għaddejjin, anki meta xi nies qalbiena rrifjutaw li jagħtu ġeneri mat-twelid lil uliedhom, bl-idea li atti bħal dawn jistgħu jwaqqfu ħesrem l-istituzzjoni tad-differenza tal-ġeneri.


INTRADUĊIBBLI, L-

Ara Amazzuni, Ġeneru, iLjun, Kaċċa, Lupa, Sqaq, Sess, Xiħa, Xita, Xuxana.


JIEN_A

L-isem kollettiv li għażilna biex niktbu taħtu. (Ara Attribuzzjoni.)


KAĊĊA

Kilba għal ħlejjaq ta’ gost. (Ara Lupa.)


KELLU

L-evoluzzjoni ta’ dal-verb hija relatata mar-rivoluzzjoni li ġrat wara l-lejla tat-trab li jisparixxi. “Kellu”, fis-sens ta’ pussess, xi darba kien verb importanti kemm fil-lingwa prattika, kemm fil-filosofija. Il-maħbubin iddeċidew li ma jibqgħux jagħtu importanza lil dal-verb, u jimmarkawh bħala psewdoverb kif nafuh illum.


LINGWA, IL-

Ara Alfabett, Dubji, Kellu.


iLJUN

F’ġufha tissawwar il-ħajja, tismen u titqal, u tinħeles tiġġerra fil-masġar. Tħobb u trabbi u tisqi, daqstant titrejjaq mill-ħlejqa ġdida, mistagħġba b’kull għaxqa li nsejna. Soda daqs torri li jħares ’il-frieħ tagħha, kennija daqs għar li jħaddanhom, u ħelwa daqs demgħa li tixref ma’ kull milja ta’ ferħ. Aktar ma tismen u titqal, aktar timtela b’saħħa barranija; xejn ma jwaqqafha. Teħles ħajja ġdida, terfagħha f’dirgħajha, tisqiha u ġġorrha f’sorra fuq daharha hi u terħilha għal għonq it-triq. (Ara Ħlas.)


LUPA

Twieġeb sejħet il-qamar kwinta, timraħ f’dawlu fiddien, ħoġorha mdemmija u għajnejha ħadrana jiflu kull rokna mudlama b’leblieba tal-kaċċa. Xuxana, taħtaf kull ħlejqa titħarrek; imġewħa, tinfed nejbietha f’laħamha tari, tiffoxxna mingħajr ebda rażan jew ħabi. Wara li taqta’ l-ġuħ, taf tilgħab bil-ġisem mifni tal-kaċċa tagħha, twaddbu minn naħa għal oħra, imbagħad titilqu f’ġenb, imxebbgħa, u tkompli fi triqitha fid-dalma tal-lejl.


MARA TAS-SULDAT, IL- 

Jien_a 

Jien_a 

Jien_a 

Jien_a 

Għaziża Monique,

Pruvajt insib il-ħin biex nifhmek iżjed 

Imma donnu l-ħin iddominani 

F’sitwazzjoni ta’ skjavitù — 

Kif semmejt f’xi kitba int

Inti semmejt xi ħaġa tgħid 

Bniedem minn kull tnejn huwa mara

U jien_a waħda minnhom 

Imma kultant neħel biex nesprimi 

Eżatt xi nfisser jien_a bħala mara

U x’niswa jien_a bħala mara

Jien_a mara li kultant ma naqbilx miegħi nnifsi għal ħsiebi bħala mara

’Qas naf jekk hux eżatt ħsiebi 

Jew ħsiebi li ġie ffurmat minn dinja rġiel 

So, l-istraight mind ma nafx x’naħseb dwaru 

Jew minn ġo fih 

Għalhekk semmejt l-Instagram

Għall-kelb_a li kelli 

Li qatt ma qgħadt niġġudikalalalulha l-gender 

Rixa ħafifa ttir 

Ma’ kull direzzjoni ta’ lwien 

(xi kliem li qed taqra qed inbiddillu l-Malti jien)

Ħa noħloq dizzjunarju futuristiku mill-ġdid

Meta nqum filgħodu 

U nilmaħ gismi fil-mera

Ma nħobbx narani hi jew hu jew huma

Imma sirt narani Jien_a

Jien_a sar is-sess 

Ta’ liberazzjoni newtrali 

Però meqlub lil kull naħa

Li ngħix ġo fih_a 

Imma nħossni naq’a ħatja 

Li ma rridx inkun aktar hi 

Kif jien twellidt

U hi min hi? 

Daqskemm hemm tipi ta’ hi 

Kategoriji u kategorija

Huma kelmiet li jdejquni

Għax inħossni qiegħda niġġudika

U npoġġi l-fehma tiegħi fuq ħaddieħor 

Mingħajr ma nifhem lil ħaddieħor 

Waqt li sibt naq’a ħin nikteb fuq ħsiebi 

Erġajt mort lura għal dan il-paragrafu 

U naħseb hemm weħilt jien_a 

Fil-konfużjoni tiegħi

Il-kuxjenza tagħna tal-oppressjoni hija mhux biss reazzjoni għal ġlieda kontra l-oppressjoni. Hija wkoll ir-rivalutazzjoni sħiħa tad-dinja soċjali, ir-riorganizzazzjoni tad-dinja soċjali, ir-riorganizzazzjoni sħiħa b’kunċetti ġodda…”

Jien_a nsejjaħ is-sess tiegħi

“Jien_a”

Hija ħarba jew realizzazzjoni?

Jien_a

Sess: Jien_a 


MASĠAR

In-nisa jitilgħu mas-siġar, jinżlu dirgħajhom mimlijin frott. Hemm minnhom għandhom bxejkliet imqabbdin maċ-ċinturin. Uħud ma jitħarrkux fuq il-vireg tas-slielem, kull waħda f’għoli differenti mill-oħra. Waħdiet jispustaw ruħhom minn fergħa għal oħra. Tarahom jaqbżu għall-art u jeħilsu mit-toqol li qed iġorru. L-imrieżaq immejla tax-xemx jgħaddu mill-weraq u jlellxuhom. Is-sema lewn il-larinġ. (Ara Oriana.)


META

Ara Dati, Metodu, Struttura, Titlu.


METODU

Fl-ewwel sessjoni, wara introduzzjoni dwar Monique Wittig u l-idea tat-trasferenza tal-ideat, kulħadd beda jaħdem għal rasu, mill-perspettiva tagħha. Leanne sabet entrati inkomuni fil-ktieb ta’ Wittig u fil-ktieb tagħha stess L-Inventarju tal-Kamra l-Kaħla. Noah qabdet xi entrati minn Lesbian Peoples: Materials for a Dictionary ta’ Monique Wittig u Sande Zeig u qalbithom għall-Malti, u fl-istess ħin għamlet kumment dwar kull entrata. Matthew u Daniel daħlu f’diskussjoni dwar l-esej “The Straight Mind”, ukoll ta’ Wittig. Charlene bdiet tikteb poeżija/reazzjoni indirizzata direttament lil Monique Wittig. Miriam kitbet rakkont qasir, u ħsibijiet, fost oħrajn, dwar il-kliem espliċitu li n-nisa ma jużawx dwar il-partijiet ta’ ġisimhom. Joe ttraduċa l-entrata dwar l-intraduċibbli u kiteb il-metaentrati. Loranne kitbet l-entrata dwar Monique Wittig u għall-entrata masġar ittraduċiet silta minn Les Guérillères. Bejn it-tieni u t-tielet workshop kulħadd kellu ċ-ċans jaqra t-testi tal-oħrajn. Meta ltqajna l-Ġugar, qgħadna bilqiegħda fuq l-imwejjed ta’ barra, xrobna l-kafè u għall-ewwel ħdimna kollha flimkien. Imbagħad inqsamna fi gruppi iżgħar fejn il-kittieba rrevedew ix-xogħol tagħhom u tal-kittieba l-oħrajn fuq il-mejda tagħhom. Għall-pass li kien imiss għaqqadna kollox f’dokument wieħed u kulħadd seta’ jaħdem fuq kull parti tat-test. Fl-aħħar workshop, li reġa’ kien online, ħadna d-deċiżjonijiet finali dwar it-titlu, l-attribuzzjoni u l-istruttura. Kulħadd reġa’ kellu ċans jagħti l-aħħar titwila lejn ix-xogħol għal ftit jiem, imbagħad Loranne u Joe ħolqu kopja tad-dokument oriġinali u bdew jeditjawh. Wara l-editjar, kulħadd reġa’ ngħata aċċess għad-dokument u għal suġġerimenti finali. It-test intbagħat għand il-qarrej tal-provi. Sadattant, Miriam bagħtet tpinġija u inċiżjoni minn tagħha li ħasset li jmorru ma’ dax-xogħol. Meta t-test ġie lura, tpoġġa — flimkien mat-tpinġija u l-inċiżjoni — fuq il-verżjoni privata tal-website li tintuża għall-provi, u din intweriet lill-kittieba kollha. Meta dawn taw l-aħħar approvazzjoni, ix-xogħol tnieda fuq dan is-sit.


MOVIMENT QAWMIEN VAĠINALI

Għarfien dejjem akbar dwar ġisem il-mara bi mħabba flok mistħija.

  • Tpinġija bil-lapes, dehera minn fuq ta' par riġlejn u s-suf bejniethom.

Imxarrba

Bieb imbexxaq ħafna.


MW

Edizzjoni bootleg ta’ erba’ xogħlijiet ta’ Monique Wittig bl-Ingliż: The Lesbian Body, Les Guérillères, The Opoponax u Lesbian Peoples: Materials for a Dictionary. L-ewwel tnejn kienu maqlubin għall-Ingliż minn David Le Vay, The Opoponax minn Helen Weaver, u tal-aħħar minn Sande Zeig u Wittig stess. Il-kotba nnifishom qishom fotokopji, jinħass qisu reader tal-università. Fuq il-frontispizju l-ewwel ktieb għandu t-timbru tal-Library of the Central European University of Budapest. L-edizzjoni għandha qoxra aħdar jgħajjat, u m’għandha ebda indikazzjoni ta’ min ipproduċieha. Il-volum inxtara mill-ħanut tal-kotba rile*, il-ħanut abbinat maċ-ċentru tal-arti Argos fi Brussell. (Ara Oriana.)


iNDEWWA

Ċarċir tal-pjaċir. (Ara Ċiprina.)


NIEDJA

Bieb imbexxaq.


NOTA TAL-AĦĦAR

Uħud mill-entrati huma, jew bdew bħala, traduzzjoni ta’ entrati fi Brouillon pour un dictionnaire des amantes, ta’ Monique Wittig u Sande Zeig, Les Cahiers Rouges, 1976. Użajna wkoll il-verżjoni bl-Ingliż, tradotta minn Wittig u Zeig infushom, Lesbian Peoples: Materials for a Dictionary (Virago 1980) miġbura f’MW. L-Inventarju tal-Kamra l-Kaħla ta’ Leanne Ellul huwa pubblikazzjoni Merlin 2020. Il-kwotazzjoni fil-Mara tas-Suldat hija meħuda minn “One Is Not Born a Woman” ta’ Monique Wittig, f’The Straight Mind and Other Essays (Beacon Press 1992). Dictionary of Untranslatables: A Philosophical Lexicon (Princeton University Press 2014) huwa traduzzjoni ta’ Vocabulaire européen des philosophies: le dictionnaire des intraduisibles (Seuil 2004, Barbara Cassin, ed.). L-edizzjoni tradotta fl-Ingliż hija editjata minn Emily Apter, Jacques Lezra u Michael Wood, u fiha diversi entrati partikolari għall-verżjoni tradotta, bħall-kontribuzzjoni ta’ Judith Butler li hawn tidher taħt Intraduċibbli. Librerija Geġwiġija huma Maya Aarohi u Noah Fabri.


NOTI GĦAL DIZZJUNARJU TAL-MAĦBUBIN

Sensiela ta’ workshops, f’kollaborazzjoni bejn Aphroconfuso u Librerija Geġwiġija, u li saru bejn Settembru 2023 u Jannar 2024 (Ara Dati), bil-għan li jinkiteb test fil-ġurnal Aphroconfuso fejn il-parteċipanti ffurmaw kollettiva biex tirrifletti fuq it-trasferenza u t-traduzzjoni tal-ideat. Bħala spunt għal dan ittraduċejna u pproduċejna kritika tal-kitbiet ta’ Monique Wittig. It-titlu tal-workshop kien imnebbaħ minn Brouillon pour un dictionnaire des amantes ta’ Monique Wittig u Sande Zeig (maqlub għall-Ingliż minn Zeig bħala Lesbian Peoples: Materials for a Dictionary). (Ara Metodu.)


NUMRU

Fil-bidu bdejna niktbu individwalment allura ħafna entrati kienu miktubin fl-ewwel persuna singular. Meta ddeċidejna li nużaw l-isem Jien_a, ħadna d-deċiżjoni wkoll li l-entrati (kważi) kollha jinkitbu fil-plural. Mill-banda l-oħra, paradossalment għażilna isem kollettiv li jevoka l-ewwel persuna singular.


OĦLA DENI, L-

Il-quċċata tal-pjaċir, fejn tinħeles it-tensjoni u l-ġisem jogħxa u jistrieħ. (Ara Għar Ħasan.)


ORMONI

Jinbidlu ma’ mewġ il-qamar. Ejjew ninġarru magħhom minflok ma nitħabtu kontra l-kurrent tal-burdati ta’ ġisimna: il-ħemda wara t-tnixxija tad-demm, il-qawmien ħlejju aktar ma joqrob nofs ix-xahar, u l-mewta għajjiena tal-aħħar. Kollox f’waqtu skont għerf il-ġisem.


ORIANA

L-idea għal dan il-proġett ġiet meta morna l-wirja Oriana ta’ Beatriz Santiago Muñoz, li saret l-Argos fi Brussell bejn il-11 ta’ Frar u s-7 ta’ Mejju 2023. Dan ix-xogħol kien jikkonsisti f’diversi filmati qosra, proġettati fuq skrins kbar fiż-żewġ sulari tal-Argos. Oriana hija interpretazzjoni viżiva ta’ Les Guérillères ta’ Monique Wittig u tipprova ssib idjoma ċinematografika ekwivalenti għall-grammatika radikali ta’ Wittig. Il-filmati juru xeni f’foresta, xeni pjuttost idilliċi, fejn grupp ta’ nisa jagħmlu diversi attivitajiet flimkien; uħud minnhom jidhru qishom ritwali. F’moħħna l-wirja għaqqadnieha ma’ ritratti li konna rajna ta’ Librerija Geġwiġija 3.0 li saret fuq is-sit ta’ Toloka f’Wied is-Sewda, li qabel kien jismu Ġnien Ġenna. F’dawn ir-ritratti, il-parteċipanti kienu jidhru bilqiegħda fil-kampanja, bil-kotba mifruxin fuq lożor mal-art: kotba fil-kampanja, grupp ta’ nies jaħdmu u jaqraw flimkien, kotba mifruxin fuq il-ħaxix jew il-blat jew imqar is-siment. Kien hemm ukoll l-influwenza tat-testi kollettivi ta’ dawn l-aħħar snin (Comité invisible, Laboria Cuboniks, eċċ.).


QAMAR

Kull xahar jitwieled qamar ġdid li jġib it-tnixxija tad-demm sewdieni, sa ma f’nofs ix-xahar il-qamar jismen fejn il-ġuf jimtela mal-qamar kwinta. (Ara Demm ta’ kull qamar.)


QAWMIEN VAĠINALI

L-istess bħalma jqumlu, iqumilha. Ġisimha jismen, jirtab u jintefaħ minn ġewwa bħalma ġismu jintefaħ minn barra. (Ara Moviment Qawmien Vaġinali.)


PLURAL

Ara Numru.


RAĠEL

Ara Traċċi.


RAS IL-BEŻŻUL

Truf għoljiet il-pjaċir.


SESS

Ara Intraduċibbli.


SINGULAR

Ara Numru.


SKRUPLI

Strateġiji kontra l-mhux suppost: Diżfemiżmi, Moviment Qawmien Vaġinali.


SQAQ

Darba din il-kelma kienet tintuża esklussivament għat-toroq fi ħdan il-ġonna. Illum tintuża biex tirreferi għal kwalunkwe tip ta’ passaġġ. Kbir jew żgħir, mgħotti bir-ramel, is-sqaqien jinqasmu permezz tad-debba, ħmara, iljunfanta, ġiraffa, jew bil-mixi. “Qed nitkellem minn hawn imma stajt nitkellem minn band’oħra. Kif jgħidu, għal kull sqaq mitluf, hemm mija xi ssib. (Berengere, L-Istorja ta’ Sqaq, Etruria, iż-Żmien Glorjuż). Togħġobni din id-definizzjoni. L-idea tal-ġnien u r-rabta mal-femminil tintrigani, ir-rabta bejn l-ispazju pubbliku u dak domestiku u l-fluwidità ta’ bejniethom. L-idea tal-passaġġi fil-ġonna tfakkarni fir-Romeo Romano. Fl-istess ħin, is-silta tfakkarni ħafna fl-isqaqien tal-Ħamrun u l-Marsa. Kumbinazzjoni lbieraħ mort nimxi hemm ma’ ħabiba ġdida u skoprejna xi ftit sqaqien fejn int u tidħol tistħajlek dieħla f’komunità għalkollox differenti minn dawk tal-akkwati, fejn kemm l-abbundanza ta’ oġġetti quddiem il-bibien, l-arkitettura kemxejn klawstrofobika, kif ukoll il-ħsejjes jipperkolaw minn wara l-bibien, flimkien joħolqu sens ta’ ħajja mgħixa bieb ma’ bieb mat-triq. Spazju bħal dan waħdu jinkoraġġixxi l-formazzjoni ta’ ħajja fluwida.


STRUTTURA

Test enċiklopediku f’lista alfabetika waħda. Il-Ġisem, l-Intraduċibbli, il-Lingwa huma entrati b’links għall-entrati marbutin magħhom.


TITLU

Il-Mara tas-Suldat”.


TRAĊĊI

Wittig tieħu ħafna mingħand il-ħassieba dominanti ta’ dak iż-żmien fis-Semjotika, bħal Saussure u Barthes […] fi ħsieb[ha…] tiddomina l-idea li huma l-“mexxejja, mhux f’sens politiku, iżda pjuttost wieħed ta’ klassi jew soċjali, li jużaw il-lingwa biex jimponu l-oppressjoni li jixtiequ: “il-qas

meta sirt naf li m’iniex raġel

sirt raġel

-miet jiġu magħmula astratti u jinbidlu f’kunċetti mill-mexxejja, u ’l quddiem mill-iskjavi meta dawn jirvellaw u jibdew jissieltu […i]l-mexxejja jispjegaw u jiġġustifikaw il-qas

raġel fis-sens ta’ “eterosesswali”

sirt fis-sens ta’ “adult”

-miet stabbiliti bħala differenzi naturali […l]-iskjavi, meta jirvellaw u jibdew jissieltu, jaqraw l-oppożizzjonijiet soċjali fid-differenzi hekk imsejħa naturali[”…i]l-lingwa, mela, toħloq nomi u kategoriji, saħansitra grammatika, biex issostni l-istatus quo […] is-sens ta’ telf, kemm fir-rigward tal-lingwa kif ukoll fil-kuntest tat-tradizzjonali fejn jidħol il-ġeneru, ġej mis-sens ta’ telf ta’ dak li huwa familjari […i]t-tnejn imorru flimkien — minkejja li mad-daqqa t’għajn mhumiex relatati — għax huma sintomi differenti tal-istess ħaġa: it-telf ta’ kontroll tal-istatus quo […din] toħloq sens ta’ mitoloġija […l]-ilsien, dejjem fluwidu, jiġi kkonkretizzat f’forma ideali, il-forma waħda tajba […d]in il-forma, bin-nomi stabbiliti u l-kategoriji grammatikali tagħha, min-naħa tagħha tistabbilixxi u tissolidifika l-istatus quo soċjali, u b’mod partikolari, dak li jirrelata mal-ġeneru […i]l-Malti tal-istatus quo, maq

interessanti fil-każ Malti hu l-każ tal-kelma “irġulija”

-sum kif inhu f’maskil u femminil, ma jħallix lok, fil-forma preżenti tiegħu, għall-kunċettwalizzazzjoni tal-fluwidità fil-ġeneru […] sabiex nifhmu u nesprimu din ir-realtà, sabiex inwarrbu l-istatus quo oppressiv tal-ġeneru, irridu fl-istess ħin inwarrbu l-istatus quo lingwistiku, mhux billi nwarrbu l-lingwa, iżda billi nirridefinixxuha. Ara wkoll Dubji 3.


TRASFERENZA TAL-IDEAT

Wieħed mill-punti oriġinali għal dawn il-workshops kien li nesploraw dan is-suġġett. Kemm huma rilevanti ideat li nimpurtaw minn barra, minn kuntest ieħor, minn lingwa oħra? Ukoll: kemm hu importanti li nagħmluh dan? It-traduzzjoni kienet qisha ipoteżi inizjali; mod kif nimpurtaw ideat minn kuntest, żmien, lingwa oħra, imma mhux mingħajr ma naħsbu sew fuq x’qed nagħmlu. Wittig kienet emblematika minn diversi lati. L-ewwel nett, il-prassi politika tagħha dejjem kienet assolutament letterarja. Użat il-lingwa nnifisha, il-logħob bil-kliem u l-forom biex tagħmel ix-xogħol tal-ħsieb tagħha. Fost dan ix-xogħol letterarju kienet involuta mill-qrib kemm fit-traduzzjoni tax-xogħol tagħha stess (bħal pereżempju ta’ Brouillon pour un dictionnaire des amantes fl-Ingliż ma’ Sande Zeig) kif ukoll fit-traduzzjoni ta’ One Dimensional Man ta’ Herbert Marcuse għall-Franċiż. Din kienet ukoll traduzzjoni kollaborattiva, din id-darba bejn Wittig u Marcuse nnifsu. L-ideat ta’ Wittig ġejjin mhux minn pajjiż u lsien ieħor (jew tnejn) imma wkoll minn żmien ieħor. Indikazzjoni tar-riskji tat-trażlokazzjoni ta’ ideat huwa li llum il-ġurnata, fi Franza, Wittig tintuża kemm minn xi attivisti trans kif ukoll minn xi attivisti transesklużjonarji. Inċidentalment, Marcuse, fiż-żmien li ħadem ma’ Wittig kien ukoll eżempju kważi litterali ta’ trasferenza ta’ ideat. F’Mejju tal-1968 inzerta kien Pariġi għal konferenza meta faqqgħu r-rewwixti tal-istudenti. Minn Pariġi mar Berlin fejn tkellem dwar x’kien ra Pariġi, u minn hemm mar lura l-Università ta’ San Diego, California, fejn għal darba oħra, ta diskors dwar dak li kien xehed f’Pariġi. L-istudenti kemm f’Berlin kif ukoll f’San Diego ispiraw ruħhom mid-diskorsi tiegħu. Fl-istess sena ħarġet it-traduzzjoni ta’ Wittig, L’Homme unidimensionnel: essai sur l’idéologie de la société industrielle avancée. Ukoll: it-trasferenza tal-ideat mill-kuntest speċifikament liżbjan ta’ Wittig għall-użu aktar mifrux fir-rigward tal-ġeneru li qed nagħmlu minnu hawn.


WITTIG, MONIQUE

(1935–2003) L-attiviżmu femminist ta’ Monique Wittig jagħmel parti mit-tieni mewġa femminista li jibbaża fuq l-idea li l-ġlieda hija favur l-ugwaljanza tad-drittijiet bejn il-ġeneri, aktar milli l-ugwaljanza per se bejniethom. Att simboliku li jenfasizza dan seħħ fl-1970 meta grupp nisa, fosthom Wittig, marru jqiegħdu girlanda fjuri taħt l-Arc de Triomph għall-mara tas-suldat mhux magħruf. Wara r-rewwixti tal-istudenti u tal-ħaddiema fl-1968, Wittig tat bidu għal kunċett ta’ attiviżmu femminista liżbjan biex tikkumbatti l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri li setgħet tara li kienu jeżistu saħansitra f’dawn ir-rewwixti nfushom. Wieħed mill-ewwel slogans, fl-1970, li wassal għat-twaqqif tal-Moviment għal-Liberazzjoni tal-Mara (MLF) kien dan: “Un homme sur deux est une femme”, li l-qawwa tat-tifsira tiegħu tintilef ftit bil-Malti meta nittraduċuh għal “Bniedem minn kull tnejn huwa mara” peress li “homme” tfisser kemm bniedem kif ukoll raġel. Il-ġeneru u s-sesswalità huma ċentrali fil-ħsieb u l-kitba ta’ Wittig. Fi ħdan l-MLF bdiet tippromovi l-idea ta’ femminiżmu liżbjan, attiviżmu li jeskludi lill-irġiel kompletament. Ukoll, kienet ikkonċernata dwar xi tfisser li “tkun mara” peress li, abbażi tal-argument ta’ Simone de Beauvoir qabilha (Le Deuxième Sexe, 1949), bdiet tqis il-ġeneru bħala kostrutt marbut mal-eteronormattività. Għaldaqstant, f’xogħlijiet bħal “The Straight Mind” u “One Is Not Born a Woman”, tgħid li l-liżbjani mhumiex nisa peress li l-idea tal-mara teżisti biss f’sistema eterosesswali. Fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, fid-diskors queer u femminista l-ġeneru u s-sesswalità kienu għadhom jitqiesu flimkien, kważi bħala ħaġa waħda. Fid-diskors ta’ Wittig hemm fokus qawwi fuq il-ġlieda tal-klassi, f’sens Marxista, speċifikament peress li Wittig tqis il-kategorija ta’ nisa fil-kuntest eteronormattiv bħala klassi soċjoekonomika fil-ġlieda bejn il-klassijiet. Dan għax, skont hi, l-eterosesswalità taqsam l-umanità f’żewġ klassijiet u tpoġġi lin-nisa f’sitwazzjoni ta’ skjavitù. Il-liżbjaniżmu huwa mod kif taħrab minn dil-kategorija. Fi ħdan l-MLF spiċċa kien hemm diżgwid profond peress li l-femminiżmu straight u l-femminiżmu liżbjan ma setgħux jaslu għal qbil bejniethom anki għax il-femminiżmu straight ma riedx jitħammeġ bit-timbru tal-omosesswalità. Fl-1971, Wittig kienet waħda mill-firmatarji tal-Manifest tat-343, petizzjoni abbozzata minn de Beauvoir favur il-legalizzazzjoni tal-abort fi Franza. Dan il-manifest kien iffirmat minn 343 mara li pubblikament iddikjaraw li kienu għamlu abort u b’hekk esponew ruħhom għall-prosekuzzjoni. Wittig kienet ukoll parti mill-kollettiva li ppubblikat ir-rivista Questions féministes, mill-1977, flimkien ma’ de Beauvoir, Christine Delphy u oħrajn. Fl-1976 marret l-Istati Uniti u kompliet l-attiviżmu tagħha hemmhekk flimkien mal-maħbuba tagħha Sande Zeig. Wittig għexet l-attiviżmu kollu tagħha permezz tal-letteratura, li kienet tqis bħala Żiemel ta’ Trojja, bħala magna tal-gwerra fil-ġlieda kontra l-ideoloġija dominanti. Fost ix-xogħlijiet tagħha — kemm bil-Franċiż kif ukoll bl-Ingliż — insibu rumanzi, teorija, esejs, drammi, screenplays, traduzzjonijiet, u xogħlijiet oħrajn li diffiċli tikkategorizzahom, bħal Brouillon pour un dictionnaire des amantes, noti għal dizzjunarju tal-maħbubin, miktub flimkien ma’ Zeig.


XIĦA

Fid-dar li daqshekk se tkun — id-dar tal-kaxxi fjuriti u l-kutri infurrati — se tibqa’ tgħix vuċi kapriċċuża ta’ xwejħa tħanxar għal te ieħor. Leħinha togħmet il-kappar. Fil-kċina tad-dar se jibqa’ jdur ir-raġel jakkumpanja t-te għal martu sa tas-sodda. Imbagħad wara, ikompli jfettet siegħa oħra faċendi sa ma jasal sajf ieħor. F’din id-dar, il-mara xiħa ssejjaħ għat-te (cf. kelmet ix-xiħa nżommu fiha) u r-raġel xiħ iferrgħu. Anki kiesaħ. Il-fwar tat-te bħal inċens ifferoċjat. Kull darba li jkewwes te ieħor u ieħor, ikanta minn taħt l-ilsien l-għanja tal-ħlewwa tal-ħames xahar mimli fjur kull xorta. Kull fjura isem ta’ mħabbin li parpar qablu.

Trid mara b’xagħarha rħam
u t-tpaħpiħ ta’ jdejha jċempel,
tridha titla’ l-garigori bil-banju taż-żingu
u ras taż-żonqor qed toqtor bl-uġigħ,
taqsam ir-riħa tal-ħwejjeġ fwieħa
bl-għaraq frisk frisk jitbaħbaħ fiha.

Trid mara li d-dar iżżejjinha bis-santi skaduti
u l-mirja mxaqqa li tiddobba ta’ b’xejn, għalxejn.
Tridha timsaħ kull rokna, kull darba, kull kamra
u kif tlesti tberikhom bid-duster, kemm kemm.

XITA

Sirt naf ix-xita l-ewwel minn “xita qliel” u mbagħad minn “ħalba xita” u mbagħad “xitina”. M’hemmx kliem għal xita li la tkaxkar kollox u lanqas kemm kemm ixxarrab l-art ġaladarba x-xita, l-aktar li hi, ferħana. Bħal ħafna oġġetti tat-tfulija, ix-xita estremità li biha jitkejlu l-jiem magħsura għasra. Oġġetti oħra tat-tfulija li jkejlu l-estremitajiet: sider il-mamà, pupi tal-lakstu, banju baħar, sa tas-sodda, platt spaghettini bil-butir. Fiż-żgħożija biss ix-xita ssir tfisser bejn wieħed u ieħor: bħall-vixxri tal-imħabba mdabbar ta’ maħbub sigriet jidorbok. Qatt mhi biżżejjed biex tiffjorixxi, suffiċjenti biex tinkik. Ċerta li inċerta tħallikx.


XUXANA

Mara smajra b’xuxitha maħlula, imqanfda u folta, tittajjar mar-riħ tar-rebbiegħa u tgeżwirha fil-ksieħ tax-xitwa. Maqbuda fix-xuxa weraq tal-ħurrieq, tut u naspli ta’ kull lewn u ġwienaħ il-friefet. Hi u tiġri ħafja fl-għelieqi, tinża’ l-ġlud li liebsa, u tilgħaq ix-xemx. (Ara Lupa.) .

Dekorazzjoni art-nouveau