Frar 2024

Kemm huma rilevanti l-ideat li nimpurtaw minn barra, minn kuntest ieħor, minn ilsien ieħor? Din kienet il-mistoqsija inizjali li tat spunt għal sensiela ta’ workshops li għamilna ma’ Librerija Geġwiġija bejn Settembru tas-sena l-oħra u l-bidu ta’ Frar. Il-kitbiet ta’ Monique Wittig kienu emblematiċi għalina f’dan ir-rigward. Il-prassi politika tagħha dejjem kienet letterarja u użat il-lingwa nnifisha, il-logħob bil-kliem u l-forom, biex tagħmel ix-xogħol tal-ħsieb tagħha. Illum il-kitba ta’ Wittig — kitba minn ilsien ieħor, minn kuntest ieħor, minn żmien ieħor — f’daqqa waħda tinħass kontemporanja sew. It-traduzzjoni kienet qisha ipoteżi inizjali; mod kif nimpurtaw l-ideat, imma mhux mingħajr ma naħsbu sew fuq x’qed nagħmlu: it-toqol li tingħata kull kelma fil-femminiżmu u t-teoriji tal-ġeneru jaf jintilef jew jirdoppja meta jaqsam fruntiera tal-lingwa. Ideat li kienu rilevanti Franza fis-sebgħinijiet mhux neċessarjament jagħmlu sens għalina llum. Ir-reżistenza fil-lingwa nnifisha — li rridu naqilbuha, naħdmuha — tista’ tkun mhux intopp imma għodda biex l-ideat, flok nibilgħuhom sħaħ, nimmetabolizzawhom. Il-workshops kienu għalhekk opportunità biex dan nagħmluh madwar il-mejda flimkien, bħal meta nieklu flimkien. Il-qari individwali bil-mod il-mod ċeda għall-qari kollettiv, u l-metodi li kull parteċipant juża biex jaħdem mat-test bil-kitba personali tiegħu stagħna bl-għajnuna u s-sehem tal-grupp kollu. Ir-riżultat mhuwiex uniformità ta’ idea b’leħen wieħed imma test b’ilħna li jitkellmu flimkien għalkemm mhux dejjem qed jgħidu l-istess ħaġa. Monique Wittig innifisha kienet involuta f’mument storiku ta’ trasferenza ta’ ideat bejn iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, kemm meta qalbet għall-Franċiż ix-xogħol ta’ Marcuse, bil-parteċipazzjoni tiegħu stess, kif ukoll meta hi marret tgħix l-Amerka u kkollaborat ma’ Sande Zeig biex taqleb il-ktieb tagħhom Brouillon pour un dictionnaire des amantes għall-Ingliż. Minn dax-xahar se nagħtu bidu għal kullana ta’ traduzzjonijiet ta’ esejs dwar il-qagħda politika kontemporanja. L-ewwel wieħed se jkun l-esej “Kollox Iperpolitiku: Ġenealoġija tal-Preżent” ta’ Anton Jäger, maqlub għall-Malti minn Karl Baldacchino. F’dan l-esej Jäger jipprova jsib “qafas ġdid adegwat” biex nifhmu l-epoka ta’ wara l-2008 fil-Punent. Waħda mill-karatteristiċi ta’ din l-era hija l-mobbiltà tremenda ta’ ideat minn persuna għal oħra, minn grupp għal ieħor u minn pajjiż għal ieħor. Jäger irid isib mod kif għandu jinftiehem dan il-mument politiku ġdid, mingħajr ma jassumi li nistgħu nibqgħu nużaw l-istess kategoriji u l-istess vokabularju li dejjem użajna. “Mil-lum kollox reġa’ sar politiku, u b’mod ferventi. Iżda lanqas il-kelma “politika” stess m’għandna nassumu li għadha tfisser l-istess ħaġa li kienet tfisser għoxrin sena ilu, jew is-seklu li għadda. “Minkejja l-passjonijiet bla fruntieri li qed jaħkmu u jittrasformaw xi wħud mill-aktar istituzzjonijiet b’saħħithom tagħna, jgħid Jäger, “verament ftit huma n-nies involuti fit-tip ta’ kunflitti ta’ interessi organizzati li xi darba konna niddeskrivu, f’sens klassiku tas-seklu għoxrin, bħala ‘politika’” .

Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:

Abbona fin-newsletter biex tkun infurmat kull meta nippubblikaw xi ħaġa ġdida.

Dekorazzjoni art-nouveau