Kollox Iperpolitiku
Ġenealoġija tal-preżent

Anton Jäger (tr Karl Baldacchino)

Estragon: Ma nistax nibqa’ sejjer hekk.

Vladimir: Dak x’taħseb int.

Samuel Beckett, En attendant Godot

Ir-ritratti huma ta’ lwien jgħajtu, kważi fluworexxenti. It-tema li tgħaqqadhom hi “l-imħabba. F’ritratt jismu Love (hands in hair), mara b’xagħar aħmar u għajnejha magħluqin hija miżmuma minn par idejn maskili li jilħquha minn barra l-bordura. F’ritratt ieħor raġel b’ġakketta tal-jeans qed jiżfen waħdu, kważi qed ilaħħaq għal id fil-qrib. F’Love (hands praying), mara b’għajnejha magħluqin torbot idejha f’nofs folla clubbers. Bħallikieku f’ritwal sekulari, timmedita fl-anonimità tad-diskoteka. In-nies fir-ritratt jiżfnu ma’ mużika maħluqa fuq il-bażi ta’ ħsejjes li jarmi l-makkinarju industrijali ta’ Detroit u Manchester, il-bliet tewmin li welldu t-tekno.

Fl-1989, però — is-sena li fiha ttieħdu dawn ir-ritratti — il-magni m’għadhomx jaħdmu. Ħafna minnhom ċkienu jew ġew irrilokati lejn iċ-Ċina, filwaqt li l-bliet tewmin tat-tekno ġew deindustrijalizzati. Waqt li kienet qed tivvjaġġa ġo megabelt Ċiniża xi snin qabel, il-fotografa Ġermaniża Hilla Becher innotat l-assemblaġġ mill-ġdid ta’ kopja ta’ mitħna tal-azzar li darba ġibdet fl-Ewropa. Issa, iż-żgħażagħ fir-ritratti tal-ħajja ta’ billejl ta’ Wolfgang Tillmans jiżfnu biex jippruvaw ixejnu l-industrija, il-politika u l-istorja nfisha.

Ta’ min jinnota ż-żmien u l-post tar-ritratti ta’ Tillmans. Jiddokumentaw Londra taħt Thatcher u Berlin waqt li l-Ħajt nieżel. Lejn il-Lvant, is-soċjaliżmu statali qed joqrob il-kollass. Il-kapitaliżmu globali huwa trijonfanti. Id-deindustrijalizzazzjoni tal-Punent qed taċċellera. Fl-istess sena li x-xjenzat politiku Amerikan Francis Fukuyama ppubblika l-esej leġġendarja tiegħu dwar “it-tmiem tal-istorja” fin-National Interest, il-kamera ta’ Tillmans issa ssir xhieda ta’ eżerċizzju ta’ amnesija kollettiva: tentattiv biex jitkeċċew l-ispettri ideoloġiċi tas-seklu li għadda u bil-kwiet nimxu lejn utopja privata. Żmien il-“postpolitika” infetaħ. Iktar tard, f’intervista Tillmans jiftakar li:

Nistgħu ngħixu flimkien hekk: flimkien fil-paċi ngawdu s-sensi. Kienet dehret ħaġa tanġibbli ħafna u intrinsikament politika għalija… f’daqqa waħda kulħadd ħass li kien hemm din l-utopja li kienet reali ħafna, u li stajt fil-fatt tgħix din il-ħolma utopika.

Lejn tmiem it-tieni deċennju tas-sena elfejn, però, id-dinja ta’ Tillmans diġà tidher differenti b’mod inkwetanti. Beda jiġbed ritratti tal-protesti tal-Black Lives Matter. Jivvjaġġa lejn kampijiet tar-refuġjati. Ir-ritratti issa għandhom passata metallika, griża tleqq, kuntrast ċar mit-taħlita ta’ kuluri tal-1989. Jibda jinvolvi ruħu fil-politika mainstream, u jniedi sensiela ta’ posters għall-kampanja Remain tal-2016 sabiex tiġi ssalvagwardjata s-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea: “L-ebda bniedem mhu gżira. L-ebda pajjiż għalih waħdu”; “Dak li jintilef jintilef għal dejjem”; “Hija kwistjoni ta’ fejn tħoss li tappartjeni. Aħna l-familja Ewropea. Is-slogans huma kkuntrastati fuq sfondi ċelestjali ta’ Tillmans, immaġini tas-sema kif jidher minn tieqa ta’ ajruplan. Mill-bogħod jidhru qishom interpretazzjonijiet diġitali ta’ xi pittura ta’ Caspar David Friedrich. Bħala tifel kien żar l-ewwel darba l-Gran Brittanja fil-bidu tas-snin tmenin; il-volantini tiegħu għall-kampanja Remain issa kienu biex isalvaw id-dinjiet mitlufa tal-1989. “Bħas-soltu, ovvjament, ma servietx wisq, huwa ftakar.

Ir-referenzi romantiċi ta’ Tillmans tista’ tifhimhom. Għall-fotografu bdiet nostalġija qawwija għall-poststorja. L-utopja personali tal-artist li tgħodd mal-erbgħin sena bdiet tixxaqqaq, u hu wieġeb għal dan bi tfittxija għal analoġiji mill-istess snin disgħin: figuri ta’ empatija, għaqda, imħabba. F’dan ir-rigward wera li huwa l-wild rappreżentattiv ta’ żmien postrivoluzzjonarju. Kif innota l-filosfu Franċiż Jean Baudrillard fl-1994, “id-drittijiet tal-bniedem, id-dissidenza, l-antirazziżmu, SOS-dan, SOS-l-ieħor” kienu “rotob, faċli, ideoloġiji post coitum historicum, ideoloġiji ta’ ‘wara l-orġa’ għal ġenerazzjoni rilassata li ma tafx ideoloġiji ħorox u lanqas filosofiji radikali. Il-kuntrast mas-seklu għoxrin politikament sovrakkargat kien impressjonanti. Fil-fehma taʼ Baudrillard, il-ġenerazzjoni taʼ Tillmans kienet “skopriet mill-ġdid l-altruwiżmu, il-konvivjalità, il-karità internazzjonali, u l-qalb individwali li tempatizza wisq. Il-​ġenerazzjoni l-​ġdida kienet magħmula minn “ulied imfissdin tal-kriżi, filwaqt li dik taʼ qabel kienet tal-ulied misħutin tal-​istorja.

It-tlaqqigħ ta’ Tillmans mal-“ulied imfissdin tal-kriżi, madankollu, kien se jasal fi tmiemu, l-istess bħal tmiem l-istorja ta’ Fukuyama. Wara l-falliment tal-kreditu tal-2008, ġiet lura fid-dinja speċi ta’ politika, waħda li ġiegħlet lill-artist jikkonfronta, fi kliem wieħed mill-kritiċi, “il-fraġilità tal-kunsens politiku li fuqu tiddependi l-utopja personali tiegħu. Madankollu, l-era politika l-ġdida ma ratx twelid mill-ġdid integrali tal-“politika tal-massa” li minnha nħelsu l-clubbers ta’ Tillmans fl-1989. Kienet “politika, dik żgur, iżda b’mod li ssostitwixxa u kkumplimenta bi skumdità l-postpolitika tad-disgħinijiet, li reġa’ ġab il-privat u l-pubbliku flimkien fuq termini kompletament mhux familjari għalina mill-era klassika tad-demokrazija.

Dak li rriżulta, li jien sejjaħt “iperpolitika”, jippreżenta sfida. Waqt li l-iskadenza tal-“postpolitika” hija ċara, hekk ukoll l-insuffiċjenza tal-vokabularju li writna mis-seklu għoxrin għas-suċċessur tagħha. Dan jindika l-ħtieġa għal qafas ġdid adegwat għall-preżent. Iżda jekk l-iperpolitika toffri xi ħjilijiet tentattivi biex tiġi analizzata l-epoka ta’ wara l-2008 fil-Punent, il-kunċett jista’ biss jinftiehem bis-sħiħ bħala parti minn kronoloġija usa’ ta’ forom politiċi — mill-politika tal-massa sal-postpolitika — li tawlu tul is-seklu għoxrin u 21.

F’nofs ir-rumanz tagħha Les Années, ir-rumanziera Franċiża Annie Ernaux tagħtina ħarsa lura lejn nofs is-snin disgħin li tfakkarna fir-ritratti tal-ħajja ta’ billejl ta’ Tillmans:

Kien hemm għajdut li l-politika mejta. Ġiet iddikjarata l-miġja ta’ “ordni dinjija ġdida”. It-tmiem tal-Istorja kien qrib… Il-kelma “taqbida” ġiet skreditata bħala pass lura lejn il-Marxiżmu, saret oġġett taż-żuffjett. Mentri, meta niġu biex “niddefendu d-drittijiet, l-ewwel li kienu jiġu f’moħħna kienu dawk tal-konsumatur.

Imwielda minn ġenituri tal-klassi tal-ħaddiema fl-1940, Ernaux kienet diġà saret waħda mill-kittieba l-aktar iċċelebrati ta’ pajjiżha qabel ma ngħatat il-Premju Nobel fl-2022. L-“awtobijografija kollettiva” tagħha dwar Franza ta’ wara l-gwerra, ippubblikata għall-ewwel darba bil-Franċiż fl-2008, dehret ftit qabel ma Lehman Brothers fallew u kkaġunaw attakk tal-qalb fis-sistema finanzjarja internazzjonali. It-traduzzjoni bl-Ingliż ta’ Les Années [The Years] ħarġet fl-2017, fl-aħħar tad-deċennju populista.

Meta inizjalment ġie ppubblikat, ix-xogħol ta’ Ernaux identifika dinja magħluqa u klawsurata fejn iċ-ċittadini kienu rtiraw fil-privatezza u l-iżolament. “Fir-rutina monotona tal-eżistenza personali, tgħidilna, “l-Istorja ma kinitx importanti. Il-politika ġiet relegata għat-tieni post. It-teknokratiċi, l-aktar dawk stazzjonati fil-banek ċentrali u istituzzjonijiet oħra, mill-IMF sal-Kummissjoni Ewropea, ħadu r-riedni f’idejhom.

Tfasslet idjoma adatta għad-dinja l-ġdida. Il-Prim Ministru Brittaniku Tony Blair sostna li meta nopponu l-globalizzazzjoni qisna qed nopponu t-tibdil tal-istaġuni, mentri t-terminuAlternativlosigkeit” (nuqqas ta’ alternattiva) ġie stabbilit bil-mod il-mod fil-vernakular Ġermaniż. Grupp ta’ poeti Pollakki attendew għall-ftuħ tal-ewwel McDonald’s tal-pajjiż. Fuq in-naħa l-oħra tal-oċean, il-Partit Demokratiku għażel il-“Macarena” bħala l-kanzunetta uffiċjali tal-Konvenzjoni Nazzjonali Demokratika tal-1996. F’Sarajevo, il-U2 taw l-interpretazzjoni tal-kanzunetta tagħhom “Miss Sarajevo” f’belt taħt assedju. (“Iss’intom tmorru għal rock show ieħor. U tinsew li qatt eżistejna. U li ħa mmutu kollha, qal xott xott wieħed minn tal-post.)

Il-burdata kienet ċertament tinħass waħda liberatorja. Il-ħelsien mill-knejjes ideoloġiċi tas-seklu għoxrin intlaqa’ b’sens ta’ eżilarazzjoni, speċjalment minn dawk li fittxew li jeliminaw ir-restrizzjonijiet fuq il-ġeneru u r-razza li sa minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija kienu fasslu l-erba’ ħitan tal-“kapitaliżmu organizzat”. Il-ksur ta’ dawn ir-restrizzjonijiet ippermetta li jinħoloq sett ta’ prattiki li l-parties ta’ Tillmans kienu, fihom infushom, eżempju perfett tagħhom.

Iżda t-trijonf ta’ dak li hu privat kien jeħtieġ ukoll il-marġinalizzazzjoni bir-reqqa ta’ dak li hu pubbliku. B’kuntrast mal-istorja trijunfalista ta’ Tillmans dwar il-liberazzjoni, Ernaux kienet kapaċi tiddokumenta t-tranżizzjoni għall-postpolitika b’ambigwità ffukata, li għenitha tara madwar dir-realtà l-ġdida iktar milli tħares fil-fond tagħha biex tagħrafha għal li hi. “Peress li ħadd ma kien jirrappreżentana, tgħid hi, “kien xieraq li [nagħmlu] kif jogħġobna, tant li l-votazzjoni saret affari privata, emozzjonali, irregolata minn impuls tal-aħħar minuta. B’mod ġenerali, wieħed kien jeħtieġ “il-vizzju u l-memorja antika tad-‘dmir elettorali’ sabiex joqgħod imur fil-post tal-votazzjoni darba l-Ħadd f’April f’nofs il-vaganzi tar-rebbiegħa. Id-drogi u l-festi għall-bidu dehru li joffru wens, flimkien mal-wegħdiet ta’ konsum dejjem aktar eżuberanti. “Kien hemm reklam li kien jgħid: Flus, sess, droga — agħżel il-flus, tirrakkonta Ernaux, hekk kif Franza “iggradwat għad-DVD player, il-kamera diġitali, l-MP3 player, l-ADSL, u l-flat screen. Il-mużika rave saret ritwal ta’ luttu għall-ekonomija industrijali, filwaqt li l-klabbs u l-festivals inbidlu f’“kenn taʼ damdim spjetat u intossikazzjoni kimika, kif jinnota Gavin Jacobson.

Id-dibattitu politiku ġie ridott għal nixxiegħa ta’ banalità eċitanti. L-analiżi elettorali spiċċat xi ħaġa bħat-tfittxija għall-kaxxa s-sewda wara li jiġġarraf ajruplan, fejn in-“nies” issa huma diżastru naturali u l-kummentaturi tturmentati minħabba t-tnaqqis fil-parteċipazzjoni tal-votanti. Biżgħat “likwidi” ta’ perverżjoni privata, minn abbuż tat-tfal għal kondotta ħażina presidenzjali, ħadu post l-iskandli magħrufa pubblikament tas-snin sittin u sebgħin. “Kollox huwa permess imma xejn mhu possibbli” kienet il-kożmoloġija tad-disgħinijiet, fi kliem il-filosfu Franċiż Michel Clouscard, waqt li l-kollega tiegħu Cornelius Castoriadis innota “soċjetà bla tmun” qalb “mewġ dejjem jogħla ta’ insinifikanza. Il-kittieb Brittaniku Sam Kriss ftakar il-perjodu minn perspettiva ta’ xi ħadd iżgħar u millennjali:

Dak iż-żmien ma kienx normali li ż-żgħażagħ jiddefinixxu lilhom infushom politikament. Il-ħbieb tiegħi kienu jħobbu jagħmlu dikjarazzjonijiet kbar bħal “Jien akbar mill-femminiżmu” jew “Il-politika hija għall-imħuħ żgħar”. Il-ġenerazzjoni millennjali ma kinitx sterjotipizzata bħala vanituża, moralistika, jew sensittiva żżejjed: Aħna lkoll suppost konna niħilisti sakranazzi, “uni lads” jew “frat bros”. Dak iż-żmien, il-problema bl-elettorat ma kinitx it-tixrid ta’ informazzjoni falza, jew l-estremiżmu, jew li konna rrabjati għal xulxin — kienet biss li lanqas kien jimpurtana milli nivvutaw.

“Ma konniex nafu x’kien qed jeżawrina l-aktar, tiftakar Ernaux, “il-midja u l-istħarriġ tal-opinjoni tagħhom, lil min taqbad tafda, il-kummenti kondixxendenti tagħhom, il-politiċi bil-wegħdiet tagħhom li jnaqqsu l-qgħad u jindirizzaw il-problemi fil-baġit tas-sigurtà soċjali, jew l-escalator fl-istazzjon tal-RER li qatt ma kien jaħdem. Kien hemm il-libertà u l-emanċipazzjoni, iżda wkoll sens profond ta’ deżolament u disprament — “rivoluzzjoni bierda, fi kliem ir-rumanzier Franċiż Michel Houellebecq.

Żewġ deċennji ta’ taqlib populist wara, dawn it-testimonjanzi jirreġistraw bħala kemm familjari kif ukoll mhux familjari — bħal pittura ta’ Magritte li tħallat ir-rikonoxximent u l-aljenazzjoni. L-individwalizzazzjoni rapida u t-tnaqqis kollettiv tal-istituzzjonijiet li rreġistraw dawn il-kittieba ma twaqqfux. Għajr għal xi eċċezzjonijiet minuri li fil-biċċa l-kbira kienu diġitali, il-partiti politiċi ma reġgħux kisbu l-membri tagħhom. L-assoċjazzjonijiet ma rawx l-attendenza tiżdied. Il-knejjes ma reġgħux imlew il-bankijiet tagħhom. It-trade unions ma rxuxtawx lilhom infushom f’salt. Il-kompetizzjoni politika għadha ristretta ħafna, immexxija minn kartell dejjaq ta’ politiċi u speċjalisti dejjem taħt il-ħakma ta’ swieq ostili.

Assenzi bħal dawn bilkemm huma limitati għall-istat. Tul il-Punent kollu, is-soċjetà ċivili tibqa’ mgħaddsa fi kriżi profonda u fit-tul, fejn dak li jgħaddi bħala azzjoni “politika” jiġi monopolizzat minn mases li jitfaċċaw u jisparixxu bħall-flash mobs, NGOs, persunaġġi online u filantropi. Għall-inqas f’sens wieħed li baqa’ japplika, l-era tal-postpolitika ma għalqitx lilha nnifisha.

Madankollu xi koordinati bla dubju ċċaqalqu. Minn naħa, il-cocktail ta’ diffidenza, ewforija u apatija tant karatteristika tas-snin disgħin ta’ Tillmans u Ernaux, l-affett qawwi poststoriku, bilkemm għadu japplika llum. It-trivjalità u l-eċitament — l-“edoniżmu dipressiv” li l-kittieb Brittaniku Mark Fisher iddijanjostika fil-bidu tas-snin 2000 — tbiddlu f’xi ħaġa għalkollox aktar misterjuża. Il-President Joe Biden ġie elett b’rekord ta’ parteċipazzjoni ta’ 81 miljun votant. L-avversarju tiegħu ġab 74 miljun vot. Ir-referendum dwar il-Brexit kien l-akbar vot demokratiku fl-istorja tal-Gran Brittanja. L-episodju tal-Black Lives Matter wera li kien akklamazzjoni tal-massa — fuq l-istess sejħa, ftit mill-akbar korporazzjonijiet u ċelebritajiet tad-dinja libsu l-mant tal-ġustizzja razzjali: minn Jeff Bezos, li fassal mill-ġdid il-logo tal-Amazon, għal David Guetta, li inkluda siltiet mid-diskorsi ta’ Martin Luther King waqt rooftop DJ set.

Sens ta’ qtugħ ta’ nifs issa qed jinħass minn fuq s’isfel. Il-protesti ta’ George Floyd spikkaw bħala l-akbar protesti fl-istorja Amerikana — eluf ta’ dimostrazzjonijiet, b’attendenza stmata sa 26 miljun fl-Istati Uniti. Fis-sajf tal-2020, kważi wieħed minn għaxra tal-popolazzjoni adulta Amerikana niżlu fit-toroq, inklużi avukati tal-liġi korporattiva u adolexxenti bla xogħol jirvellaw sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Xhur wara, QAnon u protesti kontra l-lockdown attakkaw istituzzjonijiet statali mill-Kanada sal-Ġermanja. Pjattaformi bħal TikTok, YouTube u Twitter mifqugħin b’kontenut politiku, minn vloggers li jikkwotaw minn fuljetti anarkisti għal influencers tal-lemin jitbaqbqu dwar ir-refuġjati. Kwistjonijiet dwar il-konsum, mill-veganiżmu sal-ibbaġitjar għall-klima, jieħdu prominenza fil-ħajja personali ta’ ħafna. Il-manwali tas-self help jagħtu pariri liċ-ċittadini biex jiskopru u jeżorċizzaw il-preġudizzji razzjali. Bnadar u pronomi tal-ġeneru jipproliferaw fuq il-profili tal-Instagram u t-Twitter. Sensibbiltà politika ġdida hija viżibbli fil-grounds tal-futbol, ​​f’sensiliet popolari ta’ Netflix, fil-modi kif in-nies jiddeskrivu lilhom infushom fuq il-paġni tal-midja soċjali tagħhom.

Mil-lum kollox reġa’ sar politiku, u b’mod ferventi. Iżda minkejja l-passjonijiet bla fruntieri li qed jaħkmu u jittrasformaw xi wħud mill-aktar istituzzjonijiet b’saħħithom tagħna, minn istituti tal-arti għal partiti politiċi sa korpi supranazzjonali, verament ftit huma n-nies involuti fit-tip ta’ kunflitti ta’ interessi organizzati li xi darba konna niddeskrivu, f’sens klassiku tas-seklu għoxrin, bħala “politika”. In-neoliberaliżmu mhux qed jiġi sostitwit minn riattivazzjoni ta’ demokrazija soċjali; il-globalizzazzjoni mhix qed tinqasam f’“diglobalizzazzjoni”, u lanqas is-servizzi soċjali ma qed jirritornaw għall-forma klassika li kellhom wara l-gwerra. Kif għandu jiġi mifhum dan il-perjodu ġdid?

Analiżi instantanja dejjem perikoluża. Bħal kamera ta’ veloċità għolja, l-istorja kontemporanja hija fil-periklu li tinħakem mill-fluwidità u l-indeterminazzjoni tas-sitwazzjoni li qed tipprova taqbad, imrassa kif inhi bejn dettall impressjonistiku u astrazzjoni grandjuża. Ċertament jidher diffiċli li tikteb l-“istorja tal-preżent” meta l-preżent innifsu sar daqshekk diffuż: hekk kif it-teorija Marxista tal-istorja nħasset skaduta f’epoka ta’ wara l-istorja, il-“polikriżi, din l-akkumulazzjoni ta’ kriżijiet, dejjem tinsab pass qabilna fl-astrazzjonijiet tal-għaġeb tagħha: tnaqqis ta’ ħamsin fil-mija fil-PDG, tletin fil-mija qgħad, $5 triljun stimulu, ħmistax-il miljun xogħol mitluf. L-“istorja” u l-“politika” ċarament qed iseħħu — iżda għadna nistgħu ngħidu xi jfissru l-“istorja” u l-“politika”?

Ir-rumanzi u l-arti viżiva joffrulna punt ta’ dħul inqas astratt. U jekk Ernaux, Houellebecq u Tillmans kellhom jifformulaw ix-xogħol tagħhom b’referenza għall-“inkonxju politiku” tal-epoka postpolitika, hemm ukoll letteratura li ssegwi t-tranżizzjoni iktar bikrija mill-“politika tal-massa” għall-“postpolitika. Fil-memoir tiegħu Retour à Reims (2009), il-kittieb Franċiż Didier Eribon jiddeskrivi tfulitu f’familja komunista fit-Tramuntana ta’ Franza, minn wara l-gwerra sad-disgħinijiet. Bħala raġel gay, Eribon minn dejjem ħassu ħuta barra mill-ilma fl-univers tal-klassi tal-ħaddiema tal-ġenituri tiegħu, membri ta’ partit li kien iqis l-imħabba bejn l-istess sess bħala “borgeżija devjanti”, jopponi strateġikament l-immigrazzjoni tax-xogħol u jżomm id tal-ħadid fuq il-ħajja, kemm privata u kemm pubblika, tal-militanti tiegħu.

Madankollu, għal Eribon dan bilkemm naqqas mill-apprezzament għall-kenn soċjali li l-Parti Communiste Français (PCF) kien bena għal ommu u missieru. It-tessera tal-partit tagħhom kienet aktar minn garanzija ta’ benefiċċji materjali (anki jekk kienet dik ukoll); lanqas ma kienet xi marka ta’ identità rħisa b’opportunitajiet ta’ ħruġ faċli. Kienet tispikka, minflok, bħala sinjal ta’ affiljazzjoni sħiħa, forma immersiva ta’ sħubija f’patrimonju, jew “pilastru” — il-kolla li tgħaqqad il-gruppi u li tagħtihom sens tagħhom infushom f’soċjetà profondament ostili għall-interessi, l-emozzjonijiet u d-drawwiet tagħhom. Il-partit, sostna Eribon, kien is-sema tad-dinja tal-ġenituri tiegħu — “il-prinċipju organizzattiv u l-orizzont mhux ikkontestat tar-relazzjoni tagħna mal-politika:

Il-kelmaix-Xellug” verament kienet tfisser xi ħaġa importanti. In-nies riedu jiddefendu l-interessi tagħhom stess, li jsemmgħu leħinhom, u l-mod biex dan jintlaħaq — apparti l-istrajks jew il-protesti — kien li tiddelega, li tgħaddi lilek innifsek lir-“rappreżentanti tal-klassi tal-ħaddiema” u lill-mexxejja politiċi li d-deċiżjonijiet tagħhom kienu għalhekk aċċettati b’mod impliċitu u li d-diskorsi tagħhom kont titgħallimhom u tirrepetihom.

Dan kien jeħtieġ it-trasferiment tal-aġenzija personali, iżda kien iġorr ukoll assigurazzjoni tal-poter. B’kuntrast ma’ sfera pubblika meqjusa l-aktar bħala arena għall-espressjoni personali individwali, fejn l-istituzzjonijiet rappreżentattivi huma intrinsikament suspettużi, inti “kont issir suġġett politiku billi tpoġġi lilek innifsek f’idejn il-kelliema tal-partit, li permezz tagħhom, il-‘klassi tal-ħaddiema’, bdiet teżisti bħala grupp organizzat, bħala klassi li kienet konxja minnha nfisha bħala tali. Il-mod kif wieħed “jaħseb dwaru nnifsu, il-valuri li wieħed iħaddan, l-attitudnijiet li wieħed jadotta kienu kollha, fil-biċċa l-kbira tagħhom, iffurmati mill-konċepiment tad-dinja li l-‘Partit’ għen biex idaħħal fl-imħuħ tan-nies u jxerred mal-qafas soċjali kollu. Li tivvota, għalhekk, qatt ma kien att purament personali għal omm u missier Eribon. Pjuttost kien “mument importanti taʼ awtoaffermazzjoni kollettiva, mument li jafferma s-sinifikat politiku tiegħek. Dan kien stat fi ħdan stat ieħor, familja lil hinn mill-familja, kontrosoċjetà ġewwa s-soċjetà.

Ir-rappreżentazzjoni wkoll kienet irrigata lura ġewwa l-kultura politika. Fil-fehma ta’ Eribon, is-sħubija tal-massa gradwalment rażżnet il-preġudizzji li ħafna ħaddiema kienu jassorbu organikament mis-soċjetà Franċiża inġenerali. “Permezz tal-vot tagħhom għall-Partit Komunista, huwa sostna, “l-individwi marru lil hinn minn dak li kienu separatament jew suċċessivament, u l-opinjoni kollettiva li ġiet prodotta permezz tal-medjazzjoni tal-Partit, li kien iffurmaha kif ukoll esprimieha, ma kienet bl-ebda mod ir-riflessjoni tad-diversi opinjonijiet eteroġeni ta’ kwalunkwe wieħed mill-votanti. Attitudnijiet razzisti qatt ma kienu neqsin fil-​familja tiegħu, iżda “qatt ma ġew stabbiliti bħala l-qalba ta’ sett taʼ preokkupazzjonijiet politiċi. Id-direttur tal-films u l-poeta Taljan Pier Paolo Pasolini, bl-istess mod pinġa lill-Partito Comunista Italiano (PCI) bħala “gżira fejn il-kuxjenza kritika hija dejjem difiża qatta bla ħabel: u fejn l-imġiba tal-bniedem għadha kapaċi tippreserva d-dinjità antika. Għalih, il-PCI kien “is-salvazzjoni tal-Italja u tal-istituzzjonijiet demokratiċi foqra tagħha”:

pajjiż nadif ġewwa pajjiż maħmuġ, pajjiż onest ġewwa pajjiż diżonest, pajjiż intelliġenti ġewwa pajjiż idjotiku, pajjiż edukat ġewwa pajjiż injorant, pajjiż umanista ġewwa pajjiż konsumerista.

Dawn il-modi ta’ affiljazzjoni mhux li kienu tant esklussivi għax-xellug. Matul l-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, il-lemin bena faxxa daqstant ieħor impressjonanti ta’ fortifikazzjonijiet tul is-soċjetà kapitalista kollha, madwar il-knejjes u l-każini lokali. “Kollox kien Kattoliku fl-​esperjenza ta’ Kattoliku, tirrakkonta ġurnalista Olandiża dwar it-​trobbija tagħha, “u wieħed kien Nisrani 24 siegħa kuljum.

Dan il-pajsaġġ beda jixxaqqaq fis-snin tmenin — il-mument li Eribon u Ernaux għarfu bħala l-għabex għall-politika tal-massa, fil-kuntest tat-taqlib tal-gvern ta’ Mitterrand, meta l-lemin estrem għall-ewwel darba għamel il-progress reali tiegħu fil-politika elettorali Franċiża. Parzjalment motivat minn Mitterrand innifsu, li fittex skop ġdid għas-soċjalisti tiegħu wara li bdew iħaddnu twemmin fis-suq, il-lemin estrem issa kiber bħala konkorrenza reali għax-xellug stabbilit.

Il-migrazzjoni ta’ missier Eribon lejn il-lemin estrem kellha wkoll tiġi espressa f’reġistru differenti mill-istil ta’ ħajja komunista li kien iħaddan qabel. “Bid-differenza għall-vot komunist, li kien vot li wieħed kien jassumih, jesiġih, jipproklamah, il-vot il-ġdid ta’ missieru “jidher li kien prattika li kellha tinżamm mistura, saħansitra miċħuda fil-konfront ma’ xi ġudizzju ‘estern’. B’kuntrast mal-PCF, meta “jivvutaw għall-Front Nazzjonali, l-individwi jibqgħu individwi u l-opinjoni li jipproduċu hija sempliċiment is-somma tal-preġudizzji spontanji tagħhom, att li jitwettaq fl-għeluq tal-kaxxa tal-vot. Il-postpolitika kienet bdiet, u magħha ġiet il-privatizzazzjoni tal-ħajja politika tant viżibbli fl-utopja ta’ Tillmans.

Retour à Reims jiddokumenta l-kollass tal-politika tal-massa, billi jsegwi moviment orbitali mill-partit għall-privatizzazzjoni fis-snin tmenin u disgħin, flimkien mal-eklissi gradwali tad-dinjiet soċjali li kienu abitaw il-ġenituri ta’ Eribon. Iżda diġà fis-snin disgħin it-teorija politika kienet fasslet fiżjonomija tal-era l-ġdida postpolitika — waħda li identifikat fatturi ewlenin għar-rimpjazzament tagħha stess.

Għax-xjenzat politiku Brittaniku Colin Crouch, iż-żmien tal-postpolitika kien ikkaratterizzat minn paradoss. Kif jikteb fil-bidu ta’ Post-Democracy (2004), fil-millennju l-ġdid id-“demokrazija” kienet saret l-orizzont insuperabbli ta’ kull reġim fuq il-pjaneta. Anki pajjiżi evidentament awtoritarji, mir-Russja saċ-Ċina, bil-paroli wrew rispett għall-valuri tagħha, li wassal għall-ippjanar bir-reqqa ta’ forma ta’ “imitazzjoni ta’ demokrazija” fejn setgħu jsiru elezzjonijiet iżda l-mexxejja ma setgħux jitneħħew. Madankollu, din “l-opinjoni ottimista tad-demokrazija attwali, sostna Crouch, kienet tirrepressa xi fatti inkwetanti. Il-qawmien tad-demokrazija formali kien ukoll żmien ta’ żieda fl-inugwaljanza u l-espansjoni kapitalista. L-ottimiżmu demokratiku l-ġdid ma kellu “xejn x’jgħid dwar il-problema fundamentali tal-poter tal-elitijiet korporattivi, li akkwistaw il-libertà li jċaqilqu l-assi tagħhom madwar id-dinja, u jdawru kwalunkwe gvern madwar subagħhom.

Inżammet dehra ta’ kontroll, ovvjament; demokraziji, kemm dawk li għadhom jibdew kif ukoll dawk qodma, kellhom l-elezzjonijiet, tellgħu l-gvernijiet u żammew is-sistemi kompetittivi tal-partiti. Madankollu, it-tnaqqis f’kemm ħarġu nies jivvutaw u fl-istatistika tas-sħubija, u d-differenzi dejjem jiċkienu bejn il-programmi tal-partiti differenti, urew li ċ-ċittadini setgħu jħarsu biss lejn id-dell tad-demokrazija, kompressjoni “minimalista” bi ftit xebh mal-predeċessur tagħha ta’ nofs is-seklu, meta l-ġenituri ta’ Eribon kienu qattgħu ħajjithom kollha ġewwa l-partiti tal-ħaddiema.

It-tbattil tal-partiti politiċi u s-separazzjoni tal-elitijiet mill-mases jistgħu jiġu kkumpensati b’relazzjonijiet pubbliċi, selezzjonijiet miftuħa tal-kandidati, jew focus groups. Sostitut spekulattiv għall-politika tal-massa ħa mit-tekniki l-ġodda li ngħataw bidu minn settur finanzjarju li kien qed jikber b’mod rapidu. Spin doctors u korporazzjonijiet ipprovdew l-ankra mixtieqa għall-politiċi li qalgħu lilhom infushom mill-bażi tagħhom. Iżda dan wassal ukoll għal relazzjonijiet volatili ħafna bejn il-votanti u l-gvernijiet. Issawwar pubbliku ġdid li jitbandal bejn l-irtirar u l-protesta, pubbliku li trid iddur bih daqs tifel kapriċċuż li x-xewqat tiegħu impossibbli tissodisfahom.

Filwaqt li l-ħajja komunali marret lura severament minħabba t-tnaqqis fl-affiljazzjonijiet istituzzjonali, il-ħtieġa għall-identifikazzjoni kollettiva qajla naqset. Minflok organizzazzjonijiet involontarji, dinja ġdida ta’ stili ta’ ħajja bbażati fuq il-konsum — sew jekk sesswali, alimentari, jew ekonomiku — setgħet trawwem forom ġodda ta’ appartenenza pubblika, forom li ma kellhomx il-ġerarkiji u l-istrutturar riġidu tas-soċjetà ċivili l-qadima. Ħafna drabi, dawn is-sinjali tal-konsum spostaw kwistjonijiet ta’ identità bi kwistjonijiet ta’ sjieda, issostitwew dak li wieħed kellu ma’ dak li wieħed hu. Imgerrxin ’il barra mill-partit u l-assoċjazzjoni, in-nies bdew isibu iktar serħan fi gruppi indipendenti ta’ identità.

Madankollu, l-elitijiet ma kinux l-uniċi li rtiraw mis-soċjetà. Ir-reazzjoni apatetika tal-pubbliku Amerikan fil-ġirja lejn il-Gwerra tal-Iraq fl-2002 u l-espansjoni tas-setgħat tal-pulizija sigrieta taħt Blair kienu l-aktar sinjali ċari ta’ proċess bil-mod ta’ rtirar ċiviku li nfirex mad-demokraziji kollha. Kif jinnota l-istoriku Brittaniku James Heartfield, l-approċċ il-ġdid għall-politika kien “l-ekwivalenti modern ta’ li ssegwi s-seksik tal-palazz u tmur tara t-tgħalliq pubbliku, b’attitudni dwar il-poter essenzjalment “tanġenzjali u voyeuristika”. Għal Crouch, min-naħa l-oħra, it-tifrik tal-klassi tal-ħaddiema faqa’ l-ġebla tax-xewka tal-edifiċju demokratiku nnifsu; il-“kriżi tal-politika egalitarja u t-trivjalizzazzjoni tad-demokrazija” kienu kkorrelati mill-qrib. Id-demokrazija tal-partiti setgħet kienet waħda ta’ konfinament, iżda l-politika l-ġdida sempliċiment ħalliet liċ-ċittadini jirżħu barra.

Pubbliċità ġdida donnha kienet qiegħda toffri xi antidoti. L-istmerrija għal soċjetà ċivili densament organizzata u ċ-ċelebrazzjoni ta’ trasparenza ġdida kienu viżibbli fid-dikjarazzjonijiet elettorali tal-politiku Belġjan Guy Verhofstadt — il-Burgermanifesten (1991, 1992) tiegħu dehru sentejn wara l-artiklu ta’ Fukuyama. Fihom, il-propensità għall-intraprenditorija ngħaqdet ma’ ċelebrazzjoni tat-tfassil ta’ politika teknokratika, kontra l-“pilastri enormi li fuqhom is-soċjetà Belġjana bniet is-saqaf tagħha. Dawn kienu “skyscrapers għoljin li fihom ċittadin ordinarju jistaʼ jqattaʼ ħajtu kollha mingħajr qatt ma jkollu għalfejn joħroġ mill-kuntest filosofiku tiegħu… u jakkwista l-‘konvenjenzi’ soċjali tiegħu: skola, union, sptar, sigurtà soċjali, bank għat-tfaddil, assoċjazzjoni tad-djar, fond kulturali, vaganzi ssussidjati, appuntamenti, eċċ.

Fil-Ġermanja, is-soċjologu Ulrich Beck wera li hu kemm anatomista kif ukoll apoloġista tal-ordni l-ġdida. Fil-fehma tiegħu, “it-tieni” proċess ta’ individwalizzazzjoni li jħabbatha mar-Rinaxximent jew ir-Riforma Protestanta ddomina lis-soċjetajiet tal-Punent fl-aħħar tas-seklu. Meħlus mill-kategoriji l-antiki tal-istatus li kienu jorbtu individwi ma’ ċerti pilastri tal-partiti tagħhom — sew jekk Insara, soċjalisti jew liberali — l-individwu l-ġdid tiegħu jiċċaqlaq b’mod flessibbli bejn “l-għażliet tal-ħajja” u jesperjenza l-ekonomija bħala destin selvaġġ minflok artifiċju konxju uman. Ir-riżultat kien “privatiżmu politiku”, jew inkapaċità ġenerali biex jinbnew il-maġġoranzi meħtieġa għal azzjoni demokratika. Il-ħajja pubblika tagħna issa kienet dwar:

ħajjitna u l-ispazju tagħna stess, f’relazzjonijiet, bħala ġenituri, is-sess u l-imħabba; l-esperiment qatt mitmum tal-ikel tajjeb għas-saħħa, fejn tinkiseb relazzjoni ġdida u pjuttost personali man-natura u mal-ġisem tan-nies stess; il-forom attivi ta’ empatija espressi fi protesti kontra t-trasport tal-annimali jew f’impenn għall-benesseri ta’ nies bla dar, dawk li jfittxu l-ażil jew id-drogati; il-kunflitti żgħar jew kbar bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u fl-ekonomija… il-ftuħ istituzzjonali ta’ spazju soċjali tal-“kultura tal-wieħed”.

Fiex ammontaw dawn id-diversi analiżi u dawn li huma suppost l-alternattivi tagħhom? Sa tmiem id-disgħinijiet, il-filosfu Sloven Slavoj Žižek antoloġizza l-iktar kritiċi prominenti tar-reġim il-ġdid. Flok traxxendew l-orizzont tal-postpolitika, sostna, huma prattikaw inverżjoni bla riflessjoni: ħarba lejn “politika pura” mingħajr gruppi ta’ interess, personalitajiet korporattivi jew klassijiet. Iżda mingħajr dawn il-konfini, il-ħajja politika malajr issir bla limitu u indeterminata — eżempju, fil-fehma ta’ Žižek, tal-infinità “ħażina” ta’ Hegel.

Il-kritika kollha tal-postpolitika għarfet is-separazzjoni bejn “politika” u “policy”. Minn banda, il-politika speċifikat il-formazzjoni ta’ rieda kollettiva li tiddetermina x’se tagħmel is-soċjetà bil-materjali żejda tagħha. Il-policy, mill-banda l-oħra, iddependiet fuq l-eżekuzzjoni ta’ dik ir-rieda. Fis-snin tmenin u disgħin, meta l-politika tal-kriżi nbidlet b’mod kostanti fi kriżi tal-politika, dawn iż-żewġ mumenti għaddew minn ostilità reċiproka. Id-determinazzjoni tar-rieda kollettiva ġiet relegata għall-isfera tal-midja dipendenti fuq in-novità u mmexxija minn esperti tar-relazzjonijiet pubbliċi, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-policy ġiet mgħoddija lil teknokratiċi mhux eletti. Fit-twessigħ ta’ din is-separazzjoni kien hemm iż-żerriegħa ta’ tranżizzjoni mill-postpolitika għall-iperpolitika.

Viżibbilment, it-terren tal-postpolitika kien jikkondividi ħafna karatteristiċi ewlenin mal-iperpolitika li fl-aħħar waslet biex ħaditilha postha — id-dimobilizzazzjoni u d-dgħufija tas-soċjetà ċivili, it-tqaċċit mill-għeruq tal-partiti, iż-żieda fl-iżolament tal-istat mill-pressjoni popolari. Iżda n-​novità dejjem tippresupponi kuntrast — għax ma nżommux terminu iktar familjari?

Fis-snin ta’ wara l-kollass finanzjarju tal-2008, beda jinħall b’mod konsistenti ż-żmien is-silġ tal-politika li ġie wara l-kollass tal-Ħajt ta’ Berlin. Tul il-Punent kollu — minn Occupy Wall Street fl-Istati Uniti sa 15-M fi Spanja u l-protesti kontra l-awsterità fil-Gran Brittanja — bdew jitfaċċaw movimenti li għal darb’oħra qajmu l-ispettru tan-negozjar tal-interessi u l-kunflitt tal-klassi.

Kien hemm preċedenti, ovvjament, bħall-gvernijiet kontra l-globalizzazzjoni tal-mewġa roża tal-Amerika Latina fil-bidu tas-snin 2000. Din it-tip ta’ azzjoni ma seħħitx fl-oqsma formali tal-politika, u r-retorika tagħhom “la lemin u lanqas xellug” xi drabi kienet ipperċepita bħala permissività ta’ attitudni antipolitika. Iżda dawn, madankollu, immarkaw it-tmiem tal-era tal-kunsens teknokratiku li kien ġie ssiġillat għall-ewwel darba mill-ordni ta’ wara l-1989. Dawn il-movimenti kienu segwiti minn żieda ġenerali fil-forzi nominalment populisti kemm fuq ix-xellug kif ukoll fuq il-lemin. Madwar id-dinja, kampanji politiċi li ddikjaraw li jitkellmu għall-poplu rebħu l-maġġoranzi, attakkaw il-qrati u tefgħu l-ħabs lill-avversarji. Hawnhekk, il-populiżmu spikka kemm bħala l-awtur tar-reati kif ukoll is-sintomu, l-espressjoni ta’ dimonju antik, ineradikabbli li jittormenta d-demokraziji globali.

F’din l-“isplużjoni populista” bdew jipproliferaw ukoll alternattivi organizzattivi għall-partit tal-massa l-antik. Movimenti, NGOs, korporazzjonijiet u kumpaniji tal-istħarriġ b’ismijiet bħal Extinction Rebellion u l-Brexit Party offrew mudelli aktar flessibbli mill-partiti tal-massa ta’ qabel, li issa huma pperċepiti bħala wisq merħijin, kemm għall-politiċi kif ukoll għaċ-ċittadini. In-nies li darba kienu jkunu membri tal-partit issa setgħu jagħżlu li ma jidħlux f’assoċjazzjonijiet fit-tul u involontarji, u fl-istess ħin, il-politiċi jsibu inqas reżistenza fil-kungressi tal-partiti. Il-kontinwità mal-era postpolitika preċedenti kienet ċara. Il-partiti komplew jiżvinaw mill-membri anki jekk l-attività ta’ protesta kienet qed tiżdied.

U b’hekk għandna l-kombinazzjoni kurjuża tal-qadim u l-ġdid li tippreżenta l-iperpolitika: temmet is-separazzjoni bejn il-pubbliku u l-privat li kienet ilha ssaltan mis-snin postpolitiċi tad-disgħinijiet, iżda għamlet dan b’termini mhux familjari għalina mis-seklu għoxrin. Movimenti politiċi tas-seklu għoxrin diġà kkwalifikaw bħala “superpolitiċizzati” (il-faxxiżmu) jew “ultrapolitiċizzati” (il-militariżmu), li jissimbolizza l-kollass bejn il-pubbliku u l-privat li kien ġie istitwit fis-seklu dsatax borgiż u li kien donnu għadda maż-żmien it-totalitarjaniżmu. Għall-ġenituri ta’ Eribon, wara kollox, ma kienx hemm distinzjoni ċara bejn il-qasam individwali u dak kollettiv; il-Partit Komunista fforma d-dinja tagħhom, u d-dinja ffurmat il-Partit Komunista.

Il-ħajja politika ma reġgħetx lura għal dan ir-reġistru, minkejja viżjonijiet xi kultant grotteski ta’ reċidiviżmu faxxista jew tax-xellug estrem. Minflok, il-burdata tal-politika kontemporanja hija waħda ta’ eċitament diffuż bla waqfien. Emozzjonalment, hija relatata mal-kriżi ta’ attenzjoni karatteristika taż-żmien tal-internet u l-ismartphone. “Iper”, mill-banda l-oħra, tindika kemm stat ta’ rimpjazzament kif ukoll ta’ intensifikazzjoni: it-titwil ta’ vokali li diġà ġiet imleħħna iżda li għadha ma tfissirx kelma ġdida. Dan mhux sempliċiment l-irbit ta’ sens ta’ kontinwità mal-perjodu preċedenti tal-postpolitika, li l-ewwel qasam il-politika mill-policy, u li d-diviżjoni tagħhom l-iperpolitika twessa’ aktar milli tagħlaq.

Mill-2020 ’il quddiem, miljuni mmarċjaw kontra l-vjolenza tal-pulizija, il-policy tal-COVID jew in-nuqqas ta’ azzjoni klimatika, u għamlu talbiet imqanqlin fuq il-gvernijiet tagħhom. F’termini ta’ parteċipazzjoni, dawn il-movimenti ġodda jistgħu jgħoddu bħala impressjonanti, u ħafna minnhom għamlu bidliet bla preċedent fl-opinjoni pubblika. L-attitudnijiet razzjali, pereżempju, ġew illiberalizzati b’mod kostanti matul l-aħħar għaxar snin, waqt li l-azzjoni dwar il-klima tidher fuq bosta aġendi governattivi. Ir-ritorn għall-“klassi” sar viżibbli wkoll f’fenomeni bħar-rumanzi ta’ Edouard Louis, il-protégé ta’ Eribon, il-popolarità ta’ volumi dwar l-ekonomiċi ta’ Thomas Piketty jew l-entużjażmu tal-Punent għall-film Korean Parasite, għalkemm f’reġistru individwalistiku prinċipalment iċċentrat fuq rikonoxximent kulturali żbaljat.

Fuq il-front tal-policy, madankollu, il-bilanċ ta’ dawn il-forom politiċi wera li kien effimeru għall-aħħar. Kwistjonijiet ta’ razza, klima, inugwaljanza soċjoekonomika, vjolenza tal-pulizija u policies tas-saħħa għadhom mhux rimedjati biżżejjed. Ħlief għal xi attivisti mħarrġa, il-parteċipanti fil-protesti tal-BLM tal-2020 malajr marru lura għax-xogħol bi ftit ħjiel tal-parteċipazzjoni tagħhom, ħlief għall-kaxxi suwed li kienu jżejnu l-profili tal-Instagram tagħhom. B’differenza mill-March on Washington tal-1963 — fejn dimostranti kienu jilbsu ġkieket bil-buttuni tal-union tagħhom u b’tikketti ċiviċi — ħafna mid-dimostranti ta’ George Floyd ma kellhom ebda affiljazzjoni, listi ta’ sħubija jew qafas istituzzjonali inkomuni minn qabel, bi ftit NGOs biss — iffinanzjati b’mod imċajpar — bħala stewards. Forsi huwa għalhekk li, minkejja li kienu fil-mira tal-akbar protesti fl-istorja Amerikana, it-tnaqqis kollu fil-baġit tad-dipartiment tal-pulizija fl-aħħar tal-2020 prattikament treġġa’ lura ftit wara. (Issa kienu skjerati biex speċi jrażżnu mewġa ta’ kriminalità wara l-COVID.)

Effetti fantażma bħal dawn mhumiex limitati għax-xellug. Fuq il-lemin ukoll, il-“movimentimit-Tea Party sat-Trumpiżmu sa QAnon jissaħħu, jipproliferaw u jitferrxu b’ħeffa tal-biża. Aktar milli riżultati konkreti jew relazzjonijiet soċjali ġodda, din it-tendenza politika donnha timmarka l-influwenza tagħha bil-kapaċità tagħha li tirriproduċi l-forma frenetika tal-azzjoni tagħha, ħaġa li għamlet b’suċċess speċjali f’organizzazzjonijiet mhux għall-profitt, fil-midja u fi sfera pubblika dejjem aktar diġitali — biex ma nsemmux, f’moħħ dawk li jikkunsmaw dawn il-prodotti kulturali. L-iperpolitika tiġi u tmur, bħal bomba newtronika li theżżeż lin-nies iżda tħalli l-infrastruttura kollha intatta — sinonimu skomdu aktar milli antonimu għall-postpolitika.

Ninsabu f’territorju ġdid u qarrieqi, kif jindikaw ir-ritratti l-aktar riċenti ta’ Tillmans: wirjiet ta’ protesta, bħar-ritratt mill-qrib iżda biered ta’ jdejn attivist tal-BLM, jew xeni tan-natura arjużi. Fi stampi oħra, huwa jiffoka fuq il-pożi tal-ġisem tal-millennjali impenjati fir-rutini ta’ kuljum, u jevoka sens tal-isfera pubblika li ma tintgħarafx mill-intimità privata. Il-privat u l-pubbliku reġgħu nbidlu, iżda r-riżultat mhux se jagħrfuh il-ġenituri ta’ Eribon.

F’Mejju tal-2020, l-istazzjon tar-radju France Inter ikkummissjona serje ta’ kittieba prominenti biex jirriflettu fuq il-konsegwenzi tal-pandemija. Il-ġist tal-biċċa l-kbira tagħhom kien wieħed ta’ tranżizzjoni mimlija tama: il-COVID kien se jimmarka tragward ċivilizzazzjonali, li jħalli d-dinja rifigurata b’mod li ma jintesiex. Iżda wieħed mill-ewwel mistednin tal-programm, Michel Houellebecq, ma qabilx, u vjolentament. “Wara dawn il-lockdowns mhux se nqumu għal dinja ġdida, sostna, “se tkun l-istess waħda, biss ftit agħar. Għalih, il-COVID kien “virus banali, relatat b’mod xejn glamoruż ma’ xi mard oskur tal-influwenza, b’kundizzjonijiet ta’ sopravivenza li ma tantx jinftiehmu, b’karatteristiċi mhux ċari — xi kultant ħfief, kultant fatali, lanqas biss trażmissibbli sesswalment: fil-qosor, virus mingħajr kwalitajiet.

Houellebecq ilu jispikka bħala l-aktar rumanzier emblematiku taż-żmien postpolitiku. Id-debutt tiegħu, Extension du domain de la lutte (1994), ikopri n-niħiliżmu ta’ ġenerazzjoni li la kienet taf il-politika u lanqas l-istorja u sempliċiment fittxet gratifikazzjoni instantanja. Les Particules élémentaires (1998) jirrakkonta l-postpolitika edonistika tad-disgħinijiet, arrikkita mill-aħħar kapolavuri tal-inġinerija ġenetika u l-vetturi spazjali. Lanzarote (2000) jaqbad mill-ġdid it-turistifikazzjoni tad-dinja rreġistrata fl-ewwel rumanz tiegħu.

Kif irrimarka l-kritiku Amerikan Christopher Caldwell fl-2020, żmien il-postpolitika kien jeħtieġ “iż-żarmar tal-ġerarkiji, l-istituzzjonijiet u l-kulturi. Għalkemm ippreżentat bħala imperattiv ekonomiku, dan iġġenera problema għall-kittieba tal-finzjoni, peress li “l-istess ġerarkiji, istituzzjonijiet, u kultura dejjem kienu s-suġġett tar-rumanzi, u l-postpolitika “ma trawwimx dawn bil-mod kif għamlet fi żmien il-familji kbar u leali, l-intrapriżi kummerċjali mgħaqqdin flimkien u l-komunitajiet li ilhom stabbiliti. Fil-fehma taʼ Caldwell, Houellebecq “iffaċċja din il-qagħda b’integrità artistika, fejn irrifjuta li jiffantasizza li l-individwi fi żmienna jistgħu b’xi mod jerġgħu jiddaħħlu f’nisġiet ta’ tifsir ‘rumanzeski’ bħal dawn.

Saż-żmien ta’ Plateforme (2001), madankollu, il-party diġà spiċċa, u beda jinħass sens ta’ paranojja li ma tistax taħrab minnu — it-terroristi Iżlamiċi qed jiddisturbaw il-villeġġatura li l-viżjonarji tal-Punent bnew għalihom infushom, u ġġeneraw stat ta’ sorveljanza. F’Sousmission (2015), it-theddida marġinali tinbidel f’attakk mill-aktar dirett, meta l-Iżlamisti jidħlu fil-kabina tal-Istat u jwaqqfu kalifat fuq is-Seine. Issa, il-ħolma tal-postpolitika verament spiċċat, iżda l-alternattiva li Houellebecq jimmaġina hija tip ta’ tradizzjonaliżmu rigressiv mingħajr ebda appell elettorali, li jista’ jaħdem biss permezz ta’ rikatt u ġegħil. F’Serotonin (2019), iqum suċċessur li jikkompeti mal-postpolitika: l-okkupazzjoni diżorganizzata u fil-qosor ta’ pontijiet u awtostradi, bil-bdiewa jimblukkaw toroq prinċipali u jisparaw fuq il-pulizija Franċiża. Houellebecq issa donnu kien qiegħed ibassar il-protesti tal-Gilets jaunes, li qamu għall-ewwel darba ftit xhur biss qabel il-pubblikazzjoni tar-rumanz, meta l-President Emmanuel Macron ħabbar taxxa fuq il-petrol.

Madankollu, ir-rumanzier qed jitlef il-ħakma tiegħu. Fl-aktar rumanz riċenti tiegħu, Anéantir (2022), l-istorja għall-ewwel tidher li hija eminentement kontemporanja. Ir-rakkont ta’ Houellebecq iseħħ fis-sena 2026, u l-protagonist Paul Raison huwa konsulent tal-ħabib tiegħu Bruno Juge, il-Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi ta’ Franza. Għaddejjin l-elezzjonijiet presidenzjali, u Juge qed jippjana li jikkontesta bl-għajta li jimmodernizza wara li renda ekonomija b’andament raġjonevoli fil-ħames snin ta’ qabel. Fuq l-internet jitfaċċaw filmati ta’ qtugħ ir-ras tal-ministru, li jfakkruk fil-filmati tal-ISIS, maħduma b’tant inġenwinità li l-ispeċjalisti tad-dipartiment isibuha bi tqila biex jiskopru min ipproduċa l-clips. Serje ta’ attakki ċibernetiċi misterjużi twaqqaf it-traffiku f’diversi portijiet internazzjonali.

F’dan il-punt, ir-rumanz jaqleb, hekk kif Paul jitlaq minn Pariġi biex iżur lil missieru, li qed jinżamm ħaj bil-magni wara li tatu puplesija. Ir-ritorn lura d-dar jinvolvi lil oħtu Cécile — populista, Kattolika ferventi u żżomm ma’ Le Pen — li issa hija miżżewġa lil nutar bla xogħol. Bl-istess mod ningħataw idea ta’ omm Paul, Suzanne, konservazzjonista, u ta’ ħuh, Aurélien, arkivist fil-Ministeru tal-Kultura li qiegħed fi żwieġ infeliċi. Ir-rumanz jispiċċa bl-inżul personali ta’ Paul stess fil-purgatorju wara dijanjosi ta’ kanċer.

Għall-qarrej abitwali Houellebecqjan, l-elementi kostituttivi ta’ Anéantir se jinħassu simboliċi taż-żmien postpolitiku li r-rappreżentazzjoni tiegħu kienet għamlitu prominenti. Iżda xi ħaġa ma tinħassx sew. Ir-rumanz jinqara bħallikieku nkiteb b’mod kompulsiv u bl-għaġla, u t-ton huwa ġentili ħdejn is-soltu. X’ġara? Mingħajr ma nduru mal-lewża: is-suġġett ċentrali tar-rumanzi oriġinali ta’ Houellebecq — is-soċjetajiet niħilistiċi tad-disgħinijiet u s-snin 2000, bil-postpolitika u poststorja korrelattivi tagħhom — saru ta’ min joqgħod ferm inqas fuqhom fis-snin 2020. Bħala rifless xejn raffinat kapitalista, il-policies neoliberali bla dubju se jżommu l-attrazzjoni tagħhom. Iżda ma tantx għadhom irebbħu elezzjonijiet, u issa reġgħu lura fuq bosta aġendi ta’ policy miżuri merkantilistiċi. Il-kultura politika tad-disgħinijiet inbidlet ukoll. X’taqbad tagħmel meta l-“imprendituri tagħhom infushom” tad-disgħinijiet isiru l-“Kattoliċi zombie” tal-lum? Il-pittur il-kbir tal-postpolitika tilef il-mudell tiegħu; fil-konfużjoni li tirriżulta, il-qalba naturali hija lejn il-klixè eżistenzjalista: il-mewt, il-fidi, Ġakobb jitqabad mal-anġlu, l-imħabba eterna u l-bqija.

Il-problema tidher bħala waħda sintomatika tal-atmosfera l-ġdida li daħħlu fis-seħħ is-snin għoxrin. Il-viżjoni skoraġġanti bla waqfien tal-ħajja Franċiża fl-aqwa rumanzi ta’ Houellebecq, li rabtu flimkien id-dimensjonijiet personali u soċjali tad-disprament, dehret tirratifika b’mod impliċitu kważi kull moviment kontra l-establishment (għalkemm il-Gilets jaunes qatt ma jappoġġjahom espliċitament, jidher li kellhom suġġett tal-kritika inkomuni). Il-karattri f’Anéantir, madankollu, ma jidhrux bħala l-vittmi rassenjati tar-ristrutturar neoliberali. Pjuttost naraw irġiel u nisa barra mill-istorja, iħabbtu wiċċhom ma’ univers mingħajr alla bħal Insara mingħajr knisja: il-Kattoliċiżmu tal-oħt, pereżempju, huwa purament performattiv, maqtugħ minn kull infrastruttura denominazzjonali konkreta. Ir-rumanz jista’ jirreferi għal kważi kull orjentazzjoni politika kontemporanja — minn identitarji tal-lemin għal anarkoprimittivisti sa ekoloġisti radikali — iżda kollha jidhru biss bħala aġenti bla ma jafu f’“kollass ġgantesk”, diżastru naturalizzat, ippersonifikat mill-istat ta’ koma ta’ missier Paul.

Bħala rumanzier, Houellebecq bassar b’mod kapaċi tnejn mit-tliet suċċessuri potenzjali tal-postpolitika: il-psewdotradizzjonaliżmu tal-lemin u r-rewwixta populista, il-politika tal-antipolitika. Madankollu naqas milli jbassar dak li forsi sar l-aktar forma ta’ suċċessur prevalenti. L-iperpolitika twiegħed li ssaħħar mill-ġdid il-ħajja pubblika għas-suġġetti li Houellebecq jemmen li effettivament neħħew lilhom infushom mill-isfera pubblika. Fit-taħlit tagħha tal-espressjoni personali privatizzata mal-entużjażmu politiku, skopriet żbokk għax-xenqa għat-teliċità — it-tfittxija għal skop pubbliku tant karatteristiku tas-seklu għoxrin, li fih il-bnedmin bnew mill-ġdid id-dinja sabiex jerġgħu jibnu lilhom infushom — li d-disgħinijiet kienu ttraskuraw. Li l-forma li ħadet din it-tfittxija ma tkunx rikonoxxibbli għal vjaġġatur taż-żmien minn żmien il-politika tal-massa żżid biss mal-elużività tagħha għall-artisti u l-kritiċi tal-ġenerazzjoni ta’ Houellebecq.

Fil-bidu tal-2022, Houellebecq ħabbar li Anéantir kellu jkun l-aħħar rumanz tiegħu. L-għeluq tal-era postpolitika ħabat mat-tlestija ta’ korp ta’ xogħlijiet. Dan ippermetta ħarsa retrospettiva rari lejn l-era li tagħha l-kotba ta’ Houellebecq kienu inkarnazzjoni dejjiema: l-era tal-postpolitika li kienet mifruxa bejn it-tmeninijiet u d-disgħinijiet, li issa qed tisparixxi bil-mod. Bl-għejbien tagħha, kemm Tillmans kif ukoll Houellebecq raw l-art iċċedi minn taħt saqajhom, u twaddbu magħna, mal-bqija, f’dinja bla ħniena kemm għan-nostalġiċi u kemm għall-futuristi .

Bil-Ġermaniż, il-kunċett ta’ iperpolitika jiġi wkoll bi dritt speċifiku ta’ paternità. Fl-1994, il-filosfu Ġermaniż Peter Sloterdijk ippubblika interpretazzjoni bikrija ta’ fenomenu li sejjaħ Hyperpolitik. L-interpretazzjoni tiegħu kienet ibbażata fuq filosofija usa’ tal-istorja. Il-ktieb ta’ Sloterdijk fassal teorija tal-istorja fi tliet stadji li taħdem b’metafori marittimi. Il-perijodizzazzjoni tiegħu tinkludi medda tant wiesgħa li tistordik taċ-ċiviltà umana mill-antikità sal-bidu tad-disgħinijiet, meta ġie ppubblikat Im selben Boot — Versuch über die Hyperpolitik. L-iperpolitika, għal Sloterdijk, għalhekk tgħodd bħala “l-ewwel politika tal-aħħar bnedmin” — “aspett tat-Tmiem tal-Istorja”. Hawn għandna affinità mal-“postpostpolitika” li qed infittxu hawnhekk, iżda, ukoll, li tikkoinċidi mal-politika tal-massa deskritta fil-bidu ta’ dan l-esej, li setgħet tikkwalifika biss bħala “totalitarja” għal Sloterdijk. It-tikketta tiegħu tista’ tkun utli, iżda biss b’mod limitat. Għaldaqstant, irridu nfittxu għodod aħjar xi mkien ieħor.

Dekorazzjoni art-nouveau