Manifest Kontra ż-Żmien

Kris Polidano

Għadni ma nistax nidrah 

’il wiċċi.

Mistagħġba u mitlufa

ngħaddi jdejja minn xagħri

Għadni ma nistax nidrah

’il wiċċi,

wiċċ li dejjem se jittradini.

Merabi Opermayer

Ħames mitt pass. Ħames mitt pass hemm mill-aħħar tarġa quddiem il-bieb tax-xogħol għall-bus stop li rrid nieqaf u nistenna fuqha. Saru l-ħamsa u nofs u ħamsa, u r-riħ ta’ Diċembru reġa’ tani naqra ħajja wara tmien sigħat inħares lejn skrin, inħarbex l-emails li jintemmu bil-kind regards u li jibdew bil-hope this email finds you well — dejjem b’exclamation mark biex il-persuna li tirċeviha tkun taf li jien waħda minn dawk l-orrajt. Inħares lejn it-tabella tal-bus stop darb’oħra biex inkun ċertissima li qiegħda fuq il-waqfa t-tajba. Mhux għax ma nafx jekk jienx ippustjata sew, imma tibda thewden wara li tkun ilek ftit xhur ma taqbad karozza tal-linja. Bħala persuna kwintessenzjalment Maltija, għandi preferenza għall-abbiltà li tagħtini l-karozza, jiġifieri, li nkun nista’ ngħaddi riħ mill-bypass mingħajr ma nieqaf, bi driegħi barra mit-tieqa, indoqq il-mużika livell biss inqas mill-punt meta t-tnabar ta’ widnejja jkunu appena ser jinfaqgħuli. 

Imma llum ta’ bilfors irrid naqbadha għax ilbieraħ kont għaddejja minn Strada Rjali, Santa Venera u splajsjajt il-mera ma’ trakk mimli żrar tat-tarmak. Ħbatt eżatt quddiem il-Ministeru tat-Trasport. Ħadd ma ħareġ biex jgħinni jew biex iċanfar lil tat-trakk li mblokka nofs it-triq u m’użax is-sinjali stipulati f’artiklu xiex u xiex u dak. Nista’ nsuqha, mind you, il-mera soda daqskemm kienet qabel l-inċident jekk mhux aktar għax waħħalha z-ziju bl-aħjar duct tape li l-ironmongers ta’ Malta jistgħu joffru. Imma wara li għaxar karozzi spiċċaw jgħajruni indannata u jpaqpqu, ma nazzardax insuq. L-avventuri tal-bypass jistgħu jistennew ftit. Illum irrid il-kumdità u l-lussu li xi ħadd iwassalni d-dar, u billi jien tifla brava u nħobb l-ambjent u ma rridx inġiegħel lill-mummy tiġi għalija (għandha d-dwiefer), nagħżel li x-chauffeur lura lejn Birkirkara llum ser ikun wieħed Filippin jew Indjan jew l-ispeċi aktar u aktar rari tax-xufiera — il-Malti qargħi.

Hawn jien, bir-riħa tal-uffiċċju fuqi, nistrieħ fuq l-arblu tal-bus stop. Qegħdin għaxra hawnhekk; erbgħa għaddejjin jgħawġu għonqhom iduru xi sit jew ieħor jew jibagħtu l-qlub lill-maħbub tal-mument fuq il-mobile, tlieta oħra jistennew b’dik il-ħarsa ċċassata li tiġik biss wara li tagħmel tlett ijiem xogħol infila, tnejn ikellmu lil xulxin u oħra taqra ktieb. L-aħħar waħda tispirani biex nagħmel l-istess, u noħroġ il-ktieb imbenġel li ilu fil-barżakka xahrejn. Naqra paragrafu. Inħares lejn il-mobile biex nara jekk baqgħalhiex biex tiġi tal-linja. Grupp nies, omm b’leggings roża xpakkati u tlett itfal, jaqsmu bl-addoċċ u kważi jintlaqtu minn BMW bajda misjuqa minn żewġ Sirjani. Il-kurrent tat-traffiku jkompli bil-pass erratiku li jibda minn Triq Sant’Anna, u jibda jerħi ftit lejn in-naħa ta’ Fleur De Lys. Nerġa’ naqbad il-ktieb. Mir-roundabout jiġi l-karru 100% electric. Il-bjuda tiegħu saret griża imma l-aħdar li żebgħulu xi sentejn ilu għadu jwaħħxek. Bil-mod il-mod, qisna tfal tal-iskola, niffurmaw linja. Wara ġurnata xogħol ħadd m’għandu aptit jikkompeti biex jitla’ l-ewwel, wisq inqas jekk ma baqax post fejn tpoġġi. Imma nitilgħu. Intaptap il-kard u nibqa’ għaddejja sal-aħħar ringiela u nankra lili nnifsi. 

Għaraq, l-irwejjaħ ta’ passiġġieri ta’ rotot oħrajn u l-qassata li għaddej jiekol wieħed ta’ għoxrin sena li ddeċieda jpoġġi fis-seat tax-xjuħ li xorta waslet s’hawn. Nibdew mexjin.

Il-waqfa li jmiss hija: Bombi. Il-waqfa favorita tan-nies li qed jaqsmu mix-xaqliba tan-Nofsinhar għat-Tramuntana. Minn din il-waqfa tibda l-għaġla tan-nies biex jitilgħu. M’għandhomx il-lussu li jagħżlu ma’ liem arblu ser imiddu jdejhom, dak il-privileġġ tan-nies ta’ qabel il-funtana tal-iljun il-Furjana. Il-bqija jridu jrossu u jiġġieldu biex jitilgħu. Malli jinfetaħ il-bieb nilbes il-headphones u sebgħi l-kbir jiżżerżaq lejn album li kont nisma’ meta kelli ħmistax-il sena; mużika tat-tnewwiħ u vagament folk b’wieħed imdaqqan liebes ħwejjeġ ikkurati apposta għax-xbieha tal-album biex jidher ħaġa waħda mal-elementi minkejja li proprjament missieru miljunarju. Ta’ ħmistax-il sena kont nistenna fuq il-bus stop għal tliet sigħat kuljum; fix-xita u, primarjament, fix-xemx tisreġ tant li l-pil iswed kienet iġġibhuli bjond. Dejjem bil-kuluri tal-frott tas-sajf minn Mejju ’l quddiem; qalziet kulur il-qxur tat-tin, top taċ-ċingi l-għeneb tal-Ġellewża u buz iswed. Kelli ossessjoni sħiħa fuq id-Diet Coke dak iż-żmien

Ix-xarabank taqla’ mill-waqfa u ssib ruħha bejn żewġ lanes tat-traffiku, u x-xufier jibqa’ għaddej hekk sa ma jasal Sa Maison. Malajr qabadhom id-drawwiet Maltin, m’hawnx għalih! Grupp ieħor ta’ nies jitla’ minn fuq l-istejġ u jsibu posthom puliti puliti bejn abt persuna u oħra. It-tfal joqogħdu bejn il-koxox. Inċaqlaq il-basket minn mal-art biex toqgħod ħdejja waħda xiħa. Tal-qassata ma qamilhiex. Vera ta li jgħidu li dawn iż-żgħar m’għandhomx manjieri, jien inkluża. Il-manjieri x’ser jagħtuk fuq tal-linja ħlief tbissima (jekk tiġi) ta’ sekonda, sagħtejn dagħa u gundalli vjola-ħodor-blu għax il-kuntratturi m’għandhomx idea kif isewwu t-toqob fit-triq? Il-manjieri nħalluhom fil-passat, l-aħjar li nidgħu lkoll flimkien, kbar u żgħar, bjondi u mhux, ħoxnin u mhux. L-ugwaljanza hekk titlob — li d-dagħa jsir it-trumbetta trijonfali tal-poplu Malti jekk xejn aktar m’għadu jgħaqqadna flimkien.

Malajr kemm tista’, ix-xiħa (dil-kelma t-tajba? Jew sfidata fiż-żmien?) tkebbeb il-basket tal-qoton li għandha, idejha b’ġilda vini għanqbuta jħaffu biex jippustjaw kollox qabel ix-xarabank terġa’ titħarrek. Liebsa ċurkett tad-deheb f’idha tax-xellug. Difrejha lewn il-perla, xagħarha qasir ippettnat lura, pulit, griż li jagħti ħjiel ta’ nokkli li xi darba kienu suwed. Taqbadni nħares lejha u ndur lejn it-tieqa tal-lemin, nagħmilha tabirruħi li qed inħares lejn żewġ nisa għaddejjin bil-yoga pants jgħidu fuq “dak” u “min?” u “xiex?” max-xatt Tal-Pietà. In-nisa ninsiehom u għajnejja jisfukaw u jaqbdu r-riflessjoni tiegħi tiċċaqlaq — ġgant b’xagħar skutella b’basket aħmar lewn l-istop signs bil-karozzi jgħaddu minnu.

Ix-xagħar ħaġa ġdida; deċiżjoni impulsiva li ħadt xahar u nofs ilu meta s-sajf kien għad ma kellu l-ebda pjani biex jintemm u persunti kienet mejta għal dik il-grigalata fenomenali li twitti t-triq għax-xitwa fil-bidu ta’ Ottubru. Qtajtu biex nimponi l-bidla. Jekk in-natura kellha aptit tkun għażżiena u tħalli l-affarijiet skorċa, ir-riedni jien ser noħodhom. Dis-sena l-grigalata ġiet f’nofs Novembru ma’ għeluq snin il-mamà. Qtajtu ġimgħa qabel, u issa kull meta nħares lejn tip ta’ materjal li jirrifletti, nitwaħħax bit-tifel imqareb b’ħaddejh imbaċċin li jiċċassa lura lejja bi mnieħer in-Nanna Xandra u l-pullover tas-suf li xtrajt sentejn ilu minn ħanut imdeffes f’għar f’Mount Ida, il-Greċja. Jgħidu li hemm twieled l-alla Żews qabel ma ħbewh minn missieru li kellu l-kilba li jibilgħu. Jien twelidt Santa Venera waqt li missieri kien qed jibla’ skutella frott bil-yogurt li proprjament kienet għall-mamà.

Insomma.

Indur biex nieqaf inħares lejn il-figura skutelluża, u appena ndawwar rasi lesta biex niċċassa lejn l-art jinfetħu bibien il-bus. Jidħlu ċorma studenti ta’ sittax-il sena, friski mill-aħħar diskursata f’xi kafetterija qrib il-Junior College. Ir-riħa t’għaraq żagħżugħa tinfirex mal-bqija tal-bastiment u nħoss idi toqrob lejn moħħi, minn fejn tieqaf il-linja tal-basla ta’ xagħri sal-punt fejn ħuġbejja jinferqu fi tnejn, imbagħad lejn l-estremitajiet ta’ xufftejja fejn ta’ kull xahar kienet titlagħli ponta daqs tlett irjus ta’ sulfarina. Min jaf kemm għamilt snin inċaflas il-concealer magħhom bħal dik t’hemm, bil-hoodie, b’għajnejn żoroq bilkemm jidhru taħt l-eyeliner iswed li ħażżet madwarhom. Forsi hi, xi darba wkoll tiddeċiedi taqta’ xagħarha f’salt biex taqta’ mir-rutina li sabet ruħha fiha: tispiċċa mix-xogħol kuljum fil-ħamsa u nofs. Titgħallem li l-concealer għalxejn tagħmlu jekk il-ponot qed ifaqqsulek fuq wiċċek. U li l-miljun video li jgħidulek biex iċċappas ma’ wiċċek ħxejjex u kokotina mħalltin maż-żejt taż-żebbuġa mhumiex se jgħinuk; u li l-facials li tmur tagħmel għand il-beautician tar-raħal — li wara li ddellkek bl-estratti naturali mill-foresti ’l bogħod ’il bogħod tirrakkomandalek stoċċ verżjoni safranija ta’ ġildtek — huma għalxejn.

Lil ġismek għalxejn tipprova tgħidlu biex ma jikbirx; dak li jrid jagħmel. Il-ġenetika diġà qiegħda hemm f’postha, lesta biex tgħidlek li sormok ser jikbirlek u ser jieqaf jidħollok ġol-qalziet li għext fih għal sajf sħiħ; li r-riħa ta’ ġismek ser titlef dik l-aħħar qatra riħa newtrali — ħjiel tat-terra li jobżqu minn kull pora bis-saħħa t-tfal, u li nibqgħu nkarkru biha sa ma l-ewwel xagħra tiżbroffa minn taħt abtna. Ma tibqax għall-gost ta’ kulħadd, ħallik mill-kumplimenti awtomatiċi li joħorġu minn ħalq il-ħbieb tal-ma u l-pa. Issir il-gost tal-ftit, u int, pressappoco fl-istess ħin, tibda xxammem u tiddiżgusta ruħek bl-irwejjaħ ta’ ħaddieħor. Tibda tokrob għal riċetti ġodda ta’ għaraq, u tagħmel l-almu tiegħek biex tostor tiegħek stess billi tesperimenta bil-kannella, iċ-ċitru u l-fwejjaħ ħelwin li dejjem ikunu fuq l-aħħar xkaffa fil-ħwienet. U tibqa’ tkarkar hekk għal xi għaxar snin sakemm ir-riħa tibda tmajna. Imbagħad f’salt titlaq. U f’salt tiġi oħra. U l-partiċelli ta’ ġildtek jiddeċiedu li jinfirdu u tibda toħorġilhom fwieħa ta’ ħobż antik. Dan sakemm ir-riħa tiegħek tosfor u titħalla fuq dawk l-erba’ nitfiet ħwejjeġ li qalgħulek mill-gwardarobba u dendlu f’tagħhom. Idea! Forsi l-funtana taż-żgħożija mhix xi ħaġa li tixrobha, imma li tfesfisha wara widnejk, m’għonqok u mal-polz. Eau de Parfum de La Jeunesse

Nagħtas. Naħseb xammejt wisq għal-lejla.

Qed tqattar ix-xita u l-ħmura tal-brejkijiet qed tixgħel kull tieqa fi Triq Mannarinu, qisha xena f’xi film noir nofs kedda. Naqbad l-umbrella minn qiegħ il-basket. Illum ser nieqaf fuq il-waqfa ta’ qabel il-pont. Il-messaġġi tal-ma dwar jekk wasaltx jew le ser inħallihom boċċi ħomor. Ġietni s-siegħa fejn ix-xenqa biex ħadd ma jkun jaf fejn jien u x’jien nagħmel issir il-punt ewlieni tal-eżistenza tiegħi. Nagħfas il-buttuna biex nieqaf, neħel bejn żewġ nisa abbundanti Alla jberikhom f’nofs tal-linja u niżgiċċa. U nibda nimxi.

Dan it-tidwir sintomu tax-xitwa għalija, il-punt fejn xi ħaġa tinqeleb f’moħħi u tikkonverti ruħha f’manija sħiħa biex il-passiġġati ta’ siegħa għal għarrieda filgħaxija jsiru pellegrinaġġi żugrageski fit-toroq tal-irħula l-aktar traffikużi li għandna fil-gżira. Ħallini min-natura. Wisq għandi faxxinu bil-ħemda tal-irħula fix-xitwa li taqa’ minħabba l-biża’ kulturali li għandhom il-Maltin mix-xita. Mhux għax m’għandhomx raġun li jibżgħu. Din il-gżira tqegħedna lesti għall-qatla bix-xita. Famuża għax-xemx, il-qilla torrenzjali tax-xita tagħna toqtol u tkisser, speċjalment fl-irħula ħdejn il-baħar jew fil-widien, bħal Birkirkara:

1951. Ugo Galea, raġel ta’ 51 sena jmut wara li jinġarr mill-kurrenti tax-xita qliel u l-ilma tal-għargħar fil-wied ta’ Birkirkara. Din rajtha fuq video tal-Malta Audio Visual Memories.

1979. Għadd ta’ persuni jinġarru mill-kurrent tal-ilma minn Ħal Balzan għall-wied ta’ Birkirkara. Tliet snin wara reġa’ kien hemm straġi, imma din speċifikament memorja vaga ta’ ommi minn tfulitha. Ma tiftakarx jekk mietx xi ħadd, imma tiftakar li t-tali persuni kienu ssakkru f’karozza, irnexxielhom joħorġu minnha, u minnufih tkaxkru minn Ħal Balzan (fejn illum hemm Talaham).

2004. Karozzi jitkaxkru minn quddiem Damjan sal-iskola tal-Little Angels f’Naxxar Road. Din memorja distinta tiegħi jien u nħares mit-tieqa tal-aluminju tan-nanniet f’Naxxar Road, żewġ bibien ’l isfel mill-Palmyra. Kelli xagħri qagħqa u kont liebsa leotard tal-ballet baby pink.

2018. Raġel imut wara li siġra taqa’ fuq karozza fl-Imrieħel.

U ħafna oħrajn. F’dil-gżira, l-irħula li qegħdin fil-widien huma l-aktar suxxettibbli għar-riperkussjonijiet tal-vjolenza naturali. U minħabba f’hekk, bdejt passatemp xitwi li sar rutina ta’ kull sena li jħallini ndur it-toroq tagħna mingħajr il-bżonn li ndandan xalla li tgħattili ħalqi u mnieħri.

Il-ħsejjes tat-toroq wara t-tmienja ta’ filgħaxija l-għaxqa tiegħi; ma tismax għajr it-tisbit tal-bibien ta’ barra, xi tajers jitkaxkru mat-tarmak miksi bix-xita tal-aħħar taqtira u għajjat bilkemm tifhmu wara l-ħitan tas-salotti terrani. Għalissa, dawn it-tliet elementi soniċi għadhom fis-sottokurrent tad-diska kontinwa tat-toroq fiċ-ċentru ta’ Malta f’Diċembru. Dejjem familjari, dejjem ikkumplimentati bis-Santa Klawsi koroh iwaħħxuk u d-dawl tal-istilel li allaħares rawhom is-Slaten Maġi huma u sejrin lejn Betlem, għax kienu jiżvijaw żgur.

Indur kantuniera u nħares lejn bieb abjad b’antiporta bi njam skur. L-arloġġ tal-Lira li nilmaħ wara l-antiporta jgħidli li s-sebgħa. Bomba. Mela ħa nduru lejn l-Infetti. Nitilgħu t-telgħa tal-forn, u nduru għall-ground. Taħtu hemm ċimiterju ta’ nies li mietu bil-pesta tal-1813. Fuqu hemm għaxart itfal lebsin l-aħmar u l-isfar, jiġru min-naħa għall-oħra għall-ballun. Wieħed jiżloq fix-xita u jinfaqa’ jibki u jiġri lejn ommu jixher u jipponta lejn tifel ieħor. Mur għidlu li hawnhekk indifnu mijiet ta’ nies u tfal daqsu. Imma t-tfal iħobbu jgħaġġbuha, l-attenzjoni ġulepp ħelu wisq biex tirreżistih meta tkun żgħir, imma li jispiċċa jmarrdek meta tieħu wisq minnu. L-għajjat għall-mamà qisu l-eżerċizzju li trid tagħmel tletin minuta kuljum sakemm tagħlaq tmien snin. Imbagħad wara, storj’oħra.

Meta tikber tibda tiddelitta fit-tattiċi kumplikati biex taħbi lilek innifsek. (Għall-inqas, issa, lejn l-aħħar tal-għoxrinijiet tiegħi hekk sirt nagħmel.) U b’hekk, tibda taqsam it-toroq biex in-nies li kont taħdem magħhom sentejn ilu, għalkemm tgħożżhom bil-kbir, tevita li ssaqsihom il-mistoqsijiet u tieqaf tmur fil-barijiet li kont tokkupa fl-għoxrinijiet tiegħek. Tibda tesperimenta bl-ilbies, u taqta’ xagħrek, u r-rotta lejn id-dar issir għażla li tibda tiddependi fuq jekk għandekx aptit tħabbat rasek mal-memorja f’ġurnata partikolari. Bħalissa jien il-persuna li ħarset lejn ir-riflessjoni tagħha fuq xarabank u li għadha ma dratx mingħajr in-nokkli li kellha sa qaddha, li tgħożż il-mixi waħedha fit-toroq imbattlin meta tista’, li m’għadhiex meqjusa bħala l-ħabiba ta’ dawk u li l-ossessjoni partikolari tagħha bħalissa hija fuq l-ismijiet tal-postijiet.

Din il-mara ma tistax tmur lura għall-verżjoni li kellha xagħarha vjola, difrejha ħomor u li kienet tiffansja l-kotba bi kliem kbir u ħsibijiet impenetrabbli. Jew għall-oħra b’xagħarha bjond u żewġ sizes akbar. Jew għal dik ta’ ħmistax-il sena li ħajjitha kienet il-mużika folk u li l-alla tagħha kien raġel fl-eqqel tal-fissazzjoni globali fuq Portland l-Amerka. U din il-persuna mejta biex taqbad lil dik ta’ maġenbha u tgħidilha li hi taf biss din il-verżjoni tagħha ta’ bħalissa, li tista’ tmissha b’idejha. Din il-ħaġa animata trid tgħidilkom li m’għandkomx dritt tkunu tafu x’kienet. U li kulma għandkom tkunu tafu hu li llum marret fuq karozza tal-linja wara x-xogħol, waqfet ġor-raħal fejn trabbiet u ma marritx id-dar .

L-epigrafu ta’ Merabi Opermayer huwa meħud minn “Does the fact that I fall for men make me a woman?” fi Productive Archiving: Artistic Strategies, Future Memories and Fluid Identities, Ernst Van Alpen ed., pubblikazzjoni Valiz 2023. Il-video dwar il-maltempata tal-1951 qiegħed fuq is-sit ta’ Malta Audio Visual Memories.

Dekorazzjoni art-nouveau