Jannar 2024

Jgħidu li l-ħin jeżisti biex ma jseħħx kollox f’daqqa. Bil-Malti għandna l-idea ta’ ħin u l-idea ta’ żmien bħala fenomeni distinti. Il-ħin qisu dak li jgħaddik minn mument għall-ieħor. Il-ħin tħossu għaddej. Iż-żmien, però, tinduna bih wara; tħares lura u tintebaħ li għaddew is-snin, li ġa ilek f’din id-dinja għoxrin, tletin, tmenin sena. Tħaffer fl-art u tintebaħ li ġa għaddew minn fuq id-dinja eluf ta’ snin, miljuni. F’“Manifest Kontra ż-Żmien, Kris Polidano, f’dik in-nofs siegħa interminabbli ta’ vjaġġ b’tal-linja, tkejjel kull mument; kull minuta tagħfas fuqha bil-ħsejjes, l-irwejjaħ u l-memorji tagħha. L-eċċezzjoni trivjali ta’ ħsara fil-karozza ġġegħelha taqsam il-ħin tagħha fil-gelgul taż-żmien mal-folla għajjiena wara x-xogħol. L-opportunità li tiċċassa ’l barra mit-tieqa tagħtiha ċ-ċans li l-ħin tarah jissarraf fi żmien. “Lil ġismek għalxejn tipprova tgħidlu biex ma jikbirx; dak li jrid jagħmel. Il-ġenetika diġà qiegħda hemm f’postha, lesta biex tgħidlek li sormok ser jikbirlek u ser jieqaf jidħollok ġol-qalziet li għext fih għal sajf sħiħ; li r-riħa ta’ ġismek ser titlef dik l-aħħar qatra riħa newtrali — ħjiel tat-terra li jobżqu minn kull pora bis-saħħa t-tfal, u li nibqgħu nkarkru biha sa ma l-ewwel xagħra tiżbroffa minn taħt abtna. Warren Bartolo, fl-entrata tad-djarju tiegħu “Il-mixja lura d-dar kienet twila sigarett wieħed”, jaqsam il-ħin tiegħu bejn sigħat waħdu mal-kotba u sigħat ma’ sħabu, ma’ rġiel li jiltaqa’ magħhom, u mal-bqija tal-belt. “Immur nipprotesta għall-Palestina ma’ S. Tibda Republique u tispiċċa Nation. Hemm min qiegħed bilwieqfa fuq it-tinda tal-bus stop itajjar duħħan bil-kuluri tal-bandiera tal-Palestina… Filgħaxija mmorru d-dar ta’ E u nieklu dumplings bil-ħaxix u bil-kimchi (li ma jogħġobnix), pommes noisettes u npejpu ftit. Imbagħad noqgħod nara lil B, E u S jilagħbu Fortnite (ippruvajt nilgħab ftit ukoll). Susan Sontag kienet żiedet tgħid li l-ispazju jeżisti biex mhux kollox jiġri lilek. Il-ħin tħossu int, iżda qed jiġri lil kulħadd, anki lil dawk li bilkemm nafu xejn dwarhom. “Mhux li tant nixtieq nies f’kitbieti, tikteb Loranne Vella fit-tielet entrata tad-djarju tagħha. “Jew aħjar, nixtieqhom — jekk ikunu hemm — jibqgħu anonimi, nixtieqhom imċajprin, bil-fattizzi mżellġin, it-tip li jħalluk fl-għama dwar x’hemm fil-fond ta’ qalbhom, jidher biċ-ċar li qed jaħsbu ħafna aktar milli qed juruk. Hemm ukoll dawk is-saffi li huma eqdem minn kull ħjiel li ħalla warajh il-bniedem, kif jurina Omar N’Shea fir-raba’ parti ta’ Bur Mgħeż. Is-saffi ta’ sena fuq sena li jsiru d-dinja ta’ madwarna u, taħt saqajna, l-art li nimxu fuqha .

Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:

Abbona fin-newsletter biex tkun infurmat kull meta nippubblikaw xi ħaġa ġdida.

Dekorazzjoni art-nouveau