Persjani

Aaron Aquilina

Ilsien Selvaġġ ta’ Jasmine Bajada (Horizons, Malta 2023)

Mela darba waħda, meta kont bilqiegħda solu solu quddiem filliera akkademiċi mqegħdin qishom appostli wara mejda twila, staqsewni mistoqsija fuq John Keats. Kien l-eżami orali tal-aħħar biex inġib il-baċellerat. Issa, jien kont studjuż. Kont nistudja primarjament biex nuri lil dawk kollha li qaluli li se nispiċċa l-ħabs li ma kellhomx raġun (jew forsi biex nurihom li obdejthom, għax xorta spiċċajt inqatta’ ’qas naf kemm-il siegħa ġo ċella waħdi kuljum). Imma insomma.

Staqsewni fuq il-kapaċità negattiva ta’ Keats. X’għal’għajnhom li kont studjat id-disgħa u tletin poeta oħra li kellna fuq is-sillabu. Anzi — u jien għadni kważi ċert minn dal-fatt — żgur li, bil-maġija misterjuża-riħa-ta’-kotba tagħhom, tal-iskulari u l-eremiti, kienu jafu li lil John Keats kont qabbiżtu. U li kont qabbiżtu apposta.

Blake kien jaf inaqqax. Byron kien faqgħa, u kien jaf ibaqqan sew (irġiel jew nisa). Wordsworth iparla fit-tul imma għall-inqas kellu moħħ ta’ ġgant. Coleridge laqqagħni mal-albatru. Shelley kien tal-ġenn (f’kull sens tal-kelma). Kelli anki xi noti fuq Charles Lamb u Robert Southey mgħaffġin fil-but. Imma Keats? U ejja, ħallini. ’Qas ngħidlek x’melankolija kienet taqbadni kull meta kelli naħseb f’xi vażun Grieg jew fir-rużinjol għażiż tiegħu. Dwejjaq.

But when the melancholy fit shall fall
Sudden from heaven like a weeping cloud,
That fosters the droop-headed flowers all,
And hides the green hill in an April shroud;
Then glut thy sorrow on a morning rose,
Or on the rainbow of the salt sand-wave,

Or on the wealth of globed peonies

Eħe, mela meta kont inħossni mdejjaq li jien kwer jew li ma nafx x’ħa nagħmel b’ħajti, kelli mmur noqgħod nibki f’ħadan il-fjuri u nimsaħ id-dmugħ bil-petali. Mhux hekk.

Iva, qabbiżtu bi prinċipju. Imma fuqu staqsewni. U, bil-Malti: ħrajt taħti.

Bil-Malti, bil-Malti…Bil-Malti” tfisser: b’onestà, bla nejk, b’mod dirett u bla finezzi. B’mod ħamallu? Għax il-frażibil-Malti” kemm-il darba ssib isusu warajha xi kelmtejn baxxi. Forsi għalhekk komplejt nistudja l-Ingliż sakemm spiċċajt l-Ingilterra ngħallem l-Ingliż lill-Ingliżi? Jaqaw ħrabt mill-Malti bħalma kont qed naħrab mill-ħabs, fl-istess nifs-bla-nifs, biex nevita dak kollu li kien lest għalija fuq dil-gżira? Mel’għalhekk, tgħid, li jien stess ilbieraħ, issa li mingħalija ħlist u rmejt fosdqa wara fosdqa, passat tal-passat, kont qed ngħallem skwerra żgħażagħ fuq is-sbuħija kbira ta’ Keats innifsu?

Inqalleb paġna wara paġna tal-kitba tiegħu. Iqallibni hu. Ma nsib xejn li jdejjaqni, illum, u nkomplu nitqallbu flimkien.

Ħallini ara; jien ma niktibx bil-Malti. La naf u lanqas irrid. L-ewwel nett nibża’ li tbati l-professjoni tiegħi, għax jekk nagħti widen lill-Malti nitlef il-widna għall-Ingliż. Allura nsib skuża fl-ortografija: bilkemm naf fejn tiġi l-“għ, u l-“ie” tħawwadni. Insib skuża fl-istorja: ġaladarba sibt familti lil hinn minn xtutna — kollha kemm huma, dal-kittieba u l-ħassieba, ikellmuni bl-Ingliż (jew b’fommhom jew inkella b’ta’ ħaddieħor) — mela ħa nikteb jien ukoll bl-Ingliż, ħalli jifhmuni, ħalli ma nkunx waħdi. Ma lmaħtnix fil-lingwa tiegħi stess; lemħa tiegħi ħadd ma tani. Mela rħejtlu għal għonq it-triq.

Ċjoè, ma kontx tgħallimt li hemm kienu, jew kif nista’ nsibhom lil dal-ftit ’l hawn u ’l hinn, dawn l-imgerfxin imferrxin. Għax ovvjament, bejn fosdqa u oħra, indunajt x’kont qed nitlef. Bdejt inħobb il-Malti bħal wieħed li reġa’ beda jħobb l-eks tiegħu: kemm kien raġel sew; xorta ħallejtu, miskin; issa tard wisq. Avolja kuntent bl-istat anglofonu tiegħi, illum il-ġurnata xorta nsib ruħi naħseb, xi kultant, fuq il-“li kieku” (imma Robert Frost, b’“The Road Not Taken”, ifakkarni b’ton ta’ ċertu għira li kien hu li laqqagħni mal-kunċett tal-“li kieku”, u ħadd iktar).

Nissendika fuq il-Malti, kultant. Kollega jsemmili ktieb tajjeb bil-Malti, u naqrah (imma l-ewwel irrid inlesti dal-ktieb ġdid ta’ Pynchon). Ħabib jibgħatli r-rumanz li għadu kif kiteb (u nbati, għax il-livell tal-qari tal-Malti tiegħi għadu fejn ħallejtu, fis-sixth form; insib ruħi nfittex il-wens, inkiss inkiss, f’Hardy jew f’Wilde). Waħda li sirt naf, tibgħatli l-poeżiji (u jien nibagħtilha tiegħi, hi bil-Malti, jien bl-Ingliż, u l-kuntatt bejn il-lingwi tagħna amikevoli, għatxana, bit-taptip fuq l-ispalel, daqslikieku qed jiltaqgħu għall-ewwel darba s-Serkin, daqslikieku qatt ma kien hemm xejn bejniethom, qatt storja tal-minsi Mandraġġ bil-“ħitan tal-isqaq” tiegħu jissieltu mal-ġonna arjużi ta’ Sir Alexander Ball, fejn kien jitpaxxa b’kull fjura ma ngħidlekx). Kif qed tara, minħabba t-trawwim tiegħi, ma nafx naqra l-letteratura bil-Malti mingħajr rikors għal dik anglofona (u din ir-restrizzjoni, minħabba l-istorja ta’ pajjiżna, forsi f’postha u f’waqtha. Forsi).

Il-Malti ma tantx iħallini bi kwieti. Noħroġ mill-kamra tal-letturi u nċempel ’l ommi biex ngħidilha li llum ħa niekol għandha; u ara biss taqbiżli kelma bl-Ingliż għax jibda t-tingiż. Mela nsejtu l-Malti? Minn mindu ’l hawn? Kemm sirt qżież! Imma dan kollu bi tbissima tgħidhuli. Tinkini biex tfakkarni fejnhom għeruqi (hawnhekk! Int Malti ta’ Malta!), ma jmurx ninsa li jien fjura, niġbor għeruqi fil-ħorża, u nitilqilha niġri ’l hemm bħalma għamilt kemm-il darba diġà. U infatti, naħseb għalhekk ma rridx nikteb bil-Malti, naħseb bla ma naf ħbatt sebgħi ż-żgħir ta’ saqajja (kemm tweġġa’, hux?) mar-raġuni prinċipali: ma niktibx bil-Malti għax inkella taqrani ommi, għax inkella tifhimni. Ir-raġunijiet psikoanalitiċi huma ħafna — Freud jintefa’ qisu l-paxà, ħerqan fuq is-sufan, imma m’għandix ċans inkellmu llum.

Semmejt dik il-ħabiba li tibgħatli l-poeżiji, sekonda ilu: Jasmine Bajada, poeta żagħżugħa Għawdxija li diġà ppubblikat xogħol akkademiku u poeżiji apparti dawk f’ilsien selvaġġ. Ma kont naf kważi xejn dwarha: għal żmien twil kienet għalija isem bla wiċċ, għax kienet ippubblikat xogħolha f’ġurnal akkademiku li kont immexxi fil-passat. Imbagħad bdejna naqsmu l-poeżiji (xi tliet jew erba’ snin wara) u, malli qrajthom, peress li għoġbuni sew, kelli għall-inqas insir nafha ftit: sibtha bniedma tħobb il-bankijiet taħt is-saġar u li tilqa’ lil dak li jkun bi tbissima fiduċjuża.

taħt il-fanal ta’ Delimara

lejl ieħor bla sabar għall-istilel:
infirxu bħal flotta fuq il-fanal,
jistennewh jerġa’ jixgħel bħal darba.
Settembru jitlajja ftit, jinħeba
bejn il-ġebel tal-ħajt tas-sejjieħ.
għadu ma wasalx ħin it-tagħsir;
id-dwieli kwieti bħall-kwiekeb
binhar, bla ħsieb tal-ħlewwa li
għad iridu jroddu mal-ħsad.
iqum ir-riħ; ifittex persjana
miftuħa u ma jsibhiex. sielma,
id-dar, it-trabijiet rieqda; ir-riħa
t’għeluq li ħalla l-aħħar gwardjan
imsakkra bejn l-erba’ ħitan.
l-għeneb jitmattar, jibda jaħseb
biex iqum; u qabel jibda l-jum,
jinżel rużinjol taħt il-fanal
ikebbes is-skiet ta’ Delimar’ — 
u l-kwiekeb iqawwu t-tama,

jistennewh jerġa’ jixgħel bħal darba.

Hemm hi, il-poeżija kif nifhimha jien: lingwa li tħawdek, lingwa li ma tħallikx imwaħħal, imħawwel. L-antropomorfiżmu tal-lejl, l-istilel u x-xahar mhuma xejn speċjali (isma’ lil Keats jitkellem fuq “drear-nighted December”, jew il-famuża “tender is the night” minn “Ode to a Nightingale”). B’mod ħafna iktar b’saħħtu, imma, tolqotni l-inverżjoni: fejn is-soltu l-baħar jirrifletti s-sema, hawn għandna s-sema jirrifletti l-baħar. Hawnhekk, l-istilel inġabru “flotta” fuq il-mewġ tal-lejl madwar il-fanal (dak li kien mibni mill-Ingliżi u li kien jankra — b’mod metaforiku u paradossali — lill-baħħara u s-sajjieda). Hekk ukoll ninġabru aħna l-qarrejja: il-fanal, se jixgħel? L-istennija tkompli bla ma ttemm, u t-tielet vers isib ruħu ripetut, kelma b’kelma, fl-aħħar wieħed.

Mhux se nespandi fuq kull element li jinsab f’dil-poeżija: il-ħajja animista li tingħata lil dak kollu li hu naturali; il-mużikalità ritmika li tinsab matul ix-xogħol, bħal f’“iridu jroddu” jew inkella “fanal | Delimar’’, jew fl-aħħar rima batuta (magħrufa bħala rima “femminili”…) ta’ “tama | darba”; il-kwalità liminali kemm tal-ħin kif ukoll tal-post, bejn “lejl” u “nhar”, bejn l-art tad-“dwieli” u t-“trabijiet” u s-sema tar-“rużinjol” u l-“kwiekeb, bejn “l-erba’ ħitan” u l-baħar infinit li jimraħ lil hinn mill-fanal. U l-fatt li dawn it-tensjonijiet ta’ żmien u spazju jinżammu mwaħħdin — bla ebda pawża li taqsamha fi strofi, ’il dil-poeżija — jagħti ċertu unità “orbikulari — [bħal] xi sfera, jew bħal qatra tan-nida, fi kliem Wordsworth. Allura kemm tinsab f’postha l-“persjana, f’dil-poeżija, li, għalkemm magħluqa, tibqa’ — frott it-tradizzjoni Maltija — dejjem miftuħa, dejjem liminali? Il-persjana dak is-sigriet mistur li jiżloq bla ma tridu minn taħt l-ilsien.

Iktar minn dawn l-elementi u t-temi — għax daż-żwieġ intenzjonali ta’ forma u sinifikat jinsab matul il-ġabra kollha — jinteressani l-ħsieb li jorganizza l-esperjenza fi vrus. F’dil-poeżija ma tinstabx il-persona, il-“jien” (jew, biex inkun ħarira iktar preċiż, iva tinstab, fl-istilel u r-riħ u l-għeneb stess, imma qatt m’għandha vuċi diretta). Però f’ħafna mix-xogħol ta’ Bajada hemm qiegħda dil-“jien” (ngħodd hawnhekk anki l-“aħna, il-jien-plural, u anki l-vuċi tal-jien ġejja minn xi siġra, annimal, jew il-mhux-uman: il-“jien”, fuq kollox, dejjem polifonija sħiħa). Il-“jien” titkellem fi 58 mis-66 poeżija tal-ġabra ta’ Bajada.

fjurdulis selvaġġ

isewwidli qalbi
l-kliem tagħna,
kultant
ninkedd
meta niftakar
fil-kliem salvaġġ
li ma xtaqtx ngħidlek
għax xħin smajtni
stħajjiltek tinqata’
bħal warda — 
sfajt bla ħajja għax
ħtaftek bi żball
u ma kontx naf kif
inħawlek lura…
[…]
forsi
xortina Ovidjana
u għad insiru
fjurdulis — 
kieku nkellmek
bi lsien selvaġġ;
b’ittri riħa-kulur
niftaħ ir-rebbiegħa

b’ismek

Din hi l-ewwel poeżija t’ilsien selvaġġ (u l-ewwel poeżija li qatt qrajt ta’ Bajada, meta kienet hemżitli xi kitba minn tagħha f’ittra elettronika, għalkemm minn dak iż-żmien ’l hawn saru xi reviżjonijiet żgħar). Issa l-“jienmill-ewwel tintlemaħ, bħalma jintlemħu wkoll l-elementi tematiċi ċentrali li jiddu matul il-bqija tal-poeżiji: ir-relazzjoni tal-bniedem mal-lingwa; ir-relazzjoni tal-bniedem man-natura; ir-relazzjoni tal-bniedem mal-lingwa bħala natura. Hemm ukoll ir-relazzjoni tal-bniedem mal-proxxmu (ħafna drabi bħala “int”, flok “hu” jew “hi”, u d-distakk ikompli jisparixxi bl-“aħna”). U, fuq kollox, il-“jien” li tesprimi dan kollu (li ovvjament mhuwiex Bajada nnifisha): u li tesprimi dan kollu b’sens ta’ stagħġib. Huwa dan l-istess sens ta’ stagħġib li jġibli ’l Keats quddiem għajnejja (jew widnejja).

Nixtieq nibqa’ sekonda oħra ma’ dil-poeżija qabel inkompli ngedwed fuq Keats. Ninnota l-kelma “selvaġġ”, u li nsibha miktuba bħala “salvaġġ” fis-sitt vers. Issa, “selvaġġ” u “salvaġġ” huma probabbilment biss varjanti tal-istess kelma, imma Bajada tislet semantika mid-djalett: “selvaġġ” bħala natura mhux mimsusa mill-bniedem, xi mkien lil hinn miċ-ċivilizzazzjoni; “salvaġġ” bħala kattiverja, għalabibiżmu, xi ħadd jitkellem “bil-Malti. It-tnejn ifissru, essenzjalment, “bla umanità”, imma Bajada fl-istess ħin tofroq u twaħħad dawn it-tifsiriet u tislithom mir-reqqa tal-poeta għall-kelma. U dan sewwa u xieraq, fuq kollox, “fjurdulis selvaġġ” hija poeżija dwar it-tibdil essenzjali tal-lingwa. Fejn ir-“riħatal-ittri ssir “kulur” u viċiversa, fejn il-lingwa tinbidel f’siġar u staġuni, fejn in-nies isiru fjuri, u l-metamorfosi Ovidjana trawwem mhux biss in-niket ta’ Arethusa, Philomela jew Dafne — “[J]ixtieq demmi mxerred”, tgħajjat Dafne, imbeżżgħa, tiġri b’kemm għandha saħħa minn Apollun (“Dafne (siġrifikazzjoni)”) — imma wkoll it-tama għas-silenzju, għal-le-lingwa, fejn l-ilsien, flok “salvaġġ”, isir “selvaġġ”.

Bajada spiss tirrikorri għall-mitoloġija. Insibuha f’din l-ewwel poeżija, kif ukoll fil-poeżiji-pari “deflorazzjoni (Persefone)” u “Persefone (riflorazzjoni)”, u wkoll “Dafne (siġrifikazzjoni)” u “siġra tar-rand (Dafne)”. Il-mitoloġija tisponta wkoll ’l hemm u ’l hawn f’oħrajn, bħal f’“Settembru”, jew fi tmiem “tifkiriet tal-Qbajjar, fejn il-persona tixtieq “li [s]sir amfibja” (u fuq dan is-sentiment ħa nerġa’ nikkummenta iżjed ’il quddiem).

Ovvjament, tafu x’ħa ngħid: qed niftakar f’Keats, għax hu wkoll jerġa’ lura darba darbtejn għad-dinja Griega Klassika li għalih m’għandha l-ebda sens ta’ “passat”: il-vażun Grieg, anzi, jurih l-eternità (“Ode to a Grecian Urn”). Veru, l-eternità ġġorr magħha l-għeja ta’ żmien żemżem, u tfakkarna mhux ftit fil-mewt (“On Seeing the Elgin Marbles”), imma daż-żmien twil u tqil iwassalna, dejjem, għal skoperti ġodda tal-preżent u ta’ li ġej. Kif induna Keats innifsu meta qara t-traduzzjoni minn George Chapman ta’ Omeru: fil-qadim hemm il-ġdid, u f’dak li ilna nafu nsibu dak li ma nafux.

Then felt I like some watcher of the skies
When a new planet swims into his ken;
Or like stout Cortez when with eagle eyes

He star’d at the Pacific

X’sens ta’ esplorazzjoni, xewqa, stagħġib! Għalhekk sar jogħġobni Keats. Għax għalkemm il-“jien” tiegħu dejjem tħuf f’xogħlu, din il-“jien” ma tiffanfrax. Ma tiżżattatx. Ma tifhimx, u lanqas tispjega. Din il-“jien” issibha tistagħġeb quddiem l-iskultura, l-istorja, il-memorja, it-traduzzjoni, it-tradizzjoni. Xejn iktar ħlief ħoss ta’ stagħġib. Dan mhux biss stagħġib kolt, elevat. Issib ukoll stagħġib quddiem in-normali, il-komuni, it-ta’ kuljum. Isma’ lil Keats ikellem lil qattusa xiħa b’ammirazzjoni kbira. “How many mice and rats hast in thy days | Destroy’d? — How many tit bits stolen?” (“Sonnet to a Cat”). U Bajada tingħaqad miegħu: tiskanta quddiem “din l-imbierka” qattusa li “tgorr | imħabbitha”, qattusa li “tifhimhom il-kliem ta’ | subgħajk minsuġa f’pilha” (“bonġu”). L-istagħġib ħelu, ħaj, sempliċi. Hekk insibuh itenni Keats, hawnhekk fi traduzzjoni ta’ Charles Dalli:

Ħalli ddur lill-Ħajra mtajra
Minn ġol-ħsieb mifrux quddiemha:
Berrħu l-bieb ta’ gaġġet moħħok,
Hi tiżgiċċa w għas-sħab togħla,

Ħelwa Ħajra! ejj’, eħlisha;

Hawnhekk u b’dal-mod narahom jiltaqgħu jien, Keats u Bajada. Ma jiltaqgħux biss fis-sens eko-divin-kważi-teoloġiku tar-Romantiċi, fuq l-adorazzjoni biformattiva tan-natura (il-“jien” li tifforma n-natura, u n-natura li tiffurmani), jew l-ammirazzjoni tal-arti, tal-memorja, tal-ħsieb, u tad-dettalji ż-żgħar li fihom jinsab is-sebħ etern. Fuq dawn il-linji, wara kollox, wieħed jista’ anki jaqra l-poeżija ta’ Bajada mil-lenti ta’ xi wħud bħal Helen Maria Williams, Anna Seward, jew John Clare. Imma Keats u Bajada jiltaqgħu wkoll, b’mod partikolari, f’dan l-aspett ta’ stagħġib umli quddiem mhux biss in-natura imma t-tradizzjoni li ġiet qabilhom, l-istorja mhux li jiktbu huma imma li kitbet lilhom. Forsi għalhekk, f’“tifkira lill-Qbajjar, il-persona tħajrek “tħaffer biex b’idejk | tofroq il-ħin profond tad-dinja. Fuq ix-xtajta tal-Qbajjar (u kemm qed nieħu gost li issa għandna lil Għawdex għarwien quddiemna, Għawdex mhux imlibbes daqslikieku Malta), il-persona qed tiftakar fir-ramel li fuqu kienet tibni l-“kastelli” biex imbagħad “[i]waqqagħhom il-baħar, u li issa m’għadux hemm. Tgħid kien xi “memorja falza”, xi “ħolma” tat-tfulija, “xi ’ngann tan-nostalġija”? Le, ir-ramel hemm kien, imma l-mewġ u l-konkrit farfru u naddfu kollox, anki l-memorja “mistura fir-ramel, | teżor”. Il-passat li suppost etern, jekk mhux “intilef”, taf issibu jgħaddi “minn bejn is-swaba’ | […] sfaxxat fix-xejn.

Bħal Keats qabilha, xogħol Bajada jesprimi x-xewqa li nħaffru fil-passat biex naqilgħu t-teżori li mhux talli jtejbu l-preżent imma jagħtuh il-vera sinifikat. Mingħajr il-passat — anke jekk il-passat tagħna huwa biss ramel, jgħaddi minn bejn subgħajna; anki jekk il-passat tagħna barrani, minsi, selvaġġ — issib biss ir-ras vojta tal-klessidra, mixquqa taħt ix-xemx tal-Qbajjar. Infatti, għalkemm ħafna mill-poeżiji ta’ Bajada, kif diġà rajna, jikkonċentraw b’mod ovvju fuq dak li hu lokali, il-qarrej isib ftuħ minn fejn tgħaddi l-arja xorta waħda, għax il-passat selvaġġ m’għandux riħa t’għeluq: insibu lil Van Gogh, Verdi, Monet, T.S. Eliot, Frank O’Hara, jew Wallace Stevens jiġru f’Montefioralle jew Pariġi, u fuq spallithom tilmaħ ftit petali li nsew ifarfru wara li ħarġu minn San Anton biex jaqbdu l-kowċ.

Il-poeżija ta’ Bajada hi stess persjana: għalkemm magħluqa bil-Malti, mistura fil-gżejjer Maltin, tibqa’ miftuħa, arjuża, ħielsa. Il-kelma tidħol u toħroġ maż-żiffa.

Issa qed nifhem il-għaliex f’ilsien selvaġġ hemm epigrafu meħud minn Keats. Tal-mistħija, ngħid id-dritt, li lanqas indunajt bih qabel bdejt inqalleb sew f’dal-ktieb. Imma kont ilmaħtu lil Keats xi daqqiet oħra — fil-poeżija “fil-ġnien ta’ Bardini”, imsemmi b’ismu, jew inkella b’idejh fil-but jistenna li jidħol mill-bieb li fetħet għall-barranin il-poeżija “ħawħa”. Diġà rajnieh ukoll, ovvjament, mar-rużinjol tiegħu f’Delimara. U wara kollox, kif spjegajt qabel, ħassejtu f’din il-ġabra, kullimkien.

L-epigrafu meħud mis-sunett “On the Grasshopper and Cricket”, li kiteb frott ta’ kompetizzjoni amikevoli li beda ma’ Leigh Hunt, kittieb u kritiku li waqqaf The Examiner u li Keats kien jammira sew. Għalkemm ftit jafu bih, Leigh Hunt kien bniedem importantissimu: kien hu li fetaħ il-persjani għall-pubbliku biex jitgħarrfu b’xi kittieba prinċipali Romantiċi u Vittorjani. Keats kiteb diversi poeżiji fuqu, avolja xi ħadd bħal Blake xejn ma kien jiffansjahom lil Hunt u ’l sħabu. Fl-Examiner, Hunt azzarda jitkellem kontra l-Prinċep George li kien qed iżomm sħun it-tron ta’ missieru, ir-Re George III, li issa kien spissja sew. F’dil-kritika Hunt ma kienx waħdu — niftakru, naħseb, dawk is-sunetti famużi ta’ Shelley: “England in 1819” u “Ozymandias”, it-tnejn li huma kritika tal-monarkija ta’ George III, u dan is-sentiment qawwi kien ilu jitrawwem, sa minn Milton, Cromwell, u ta’ qabilhom. Insomma, il-Prinċep ma kien xejn aħjar minn missieru, u Hunt bela’ sentejn ħabs f’Surrey ta’ li kiteb. Dejjem riskju tikkritika ’l dawk fil-poter, hux?

Infatti Keats — persuna radikali li qatt ma kellha ċ-ċans tixjieħ u ssir konservattiva tboss bħal, ngħidu aħna, Wordsworth u Southey — kiteb sunett iddedikat lil Hunt tmien xhur sħaħ qabel biss iltaqa’ miegħu f’Ottubru tal-1816, u li biha “ntajru l-idea li Keats ma kellu l-ebda interess fil-politika, kif josserva Stephen Regan. X’jgħid Keats fuq dan kollu, x’jgħidilhom lil dawk fil-poter li kien mingħalihom rebħu għax lil Hunt tefgħuh il-ħabs?

Minion of grandeur! think you he did wait?
Think you he nought but prison walls did see,
Till, so unwilling, thou unturn’dst the key?

Ah, no! far happier, nobler was his fate!

Għax hemm fil-ħabs, avolja msakkar, Leigh Hunt sab il-ħelsien kemm fil-vrus epiċi ta’ Spenser u Milton kif ukoll fl-immaġinazzjoni tiegħu. Seta’ jtir ’il barra mill-gaġġa li sab ruħu fiha minħabba l-poeżija li biha żamm mistura l-ħajja u, iktar u iktar, l-immortalità. Il-ħadid ta’ ċella, fuq kollox, huma biss persjana vertikali.

Insejt inkompliha l-istorja dwar il-mistoqsija fuq il-kapaċità negattiva ta’ Keats waqt l-eżami orali, u dwar il-biża’ profond li jekk ma nġibx il-first class b’xi mod ħa nispiċċa l-ħabs ma’ Hunt. Avolja jien kont se nispiċċa hemm għal raġunijiet ħafna inqas nobbli, nassigurak.

Weġibt xi ħaġa waqt l-eżami. B’ħafna tlaqliq u emmijiet. Kemm nixtieq ngħid li f’dak il-mument sabitni l-ispirazzjoni u li ħarġet tkanta minn bejn xufftejja… Imma le, weġibt ħażin. L-akkademiċi qarrsu naqra wiċċhom u mexxew. Mort tajjeb, imma t-tregħid baqa’ fuqi: il-kapaċità negattiva bdiet minn dak iż-żmien iżżurni donnha xi fatat f’nofsillejl. Kif wasalt id-dar niftakar li l-ewwel ħaġa li għamilt kienet li ftaħt in-noti u fittixt bilġri d-definizzjoni. Sibtha, avolja ma niftakarnix niktibha. Bdejt il-proċess tal-maħfra-ma-nerġax-nagħmel-dnubiet-iżjed, u wegħedt lili nnifsi li ħa nibqa’ niftakar, għal dejjem ta’ dejjem, x’inhi dil-kapaċità negattiva. Imma ħaġa tal-iskantament: insejt xi tfisser ftit minuti wara. Erġajt fittixtha, erġajt sibtha, erġajt insejtha. U hekk baqa’ jiġrili, għal dejjem ta’ dejjem, sal-lum, anki jien u nikteb dan l-esej-reċensjoni, fittixtha xi darbtejn. Naf, ma nafx, naf. Lanqas ngħidlek kemm-il darba ġejt mistoqsi fuqha minn xi student jew studenta u jkolli, bħal politikant, inwieġeb bla ma nwieġeb.

Ħa niktibha hawnhekk forsi nikser iċ-ċirku vizzjuż. Fi kliem Keats, il-kapaċità negattiva hi li tkun “kapaċi toqgħod fl-inċertezzi, Misteri, dubji, bla ebda ġiri antipatku wara l-fatti u r-raġuni. Dan kunċett antik, simili għat-trankwillità, jew ataraxia. Ix-Xettiku Sextus Empiricus u dawk kollha li ġew warajh jissuġġerixxu li din tiġi mill-bilanċ, mill-equipollence (jew għall-inqas hekk isostnu t-tradutturi li għandha tinqaleb il-kelma ἰσοσθένεια). Dan kollu jingħata ħafna iktar kulur u kumplessità minn Husserl bil-kunċett tal-epoché. Keats jgħid, allura, li l-aqwa karatteristika tal-kittieb — u skontu, l-aqwa eżempju ta’ dan huwa Shakespeare — hi l-kapaċità li jkunu jafu li ma jafux, u li jibqgħu f’din il-“ma nafx”, f’din il-boqqaġni, bla ebda attentat għall-għerf u t-teleoloġija. Kif għedt qabel: il-“jien” ta’ Keats la tifhem u lanqas tispjega.

Forsi din il-kapaċità negattiva ta’ Keats taf tagħtini xi forma ta’ risposta għall-mistoqsija li dejjem insib ruħi nistaqsi: il-baħar ukoll ħabs? Il-fatt li Malta mdawra bl-ilma: ċella jew ħelsien? Għalkemm postijiet bħall-Awstralja jew ir-Renju Unit huma wkoll imdawrin bl-ibħra u l-oċeani, naħseb kollha kemm aħna nifhmu li post bħal Malta każ kemxejn speċjali. U kemm hi kbira Malta? Għax it-topografija tal-ġebel u l-baħar tifforma wkoll it-topografija kunċettwali-personali tagħna. Il-leġiżlazzjonijiet differenti li jaqsmu l-baħar ta’ madwarna — tal-baħar territorjali, taż-żona kontigwa, taż-żona esklużiva tas-sajd — kollha jqisuna b’kejl differenti. Fuq l-art dil-problema ma ssibx sodezza (niftakru ftit fil-ġuriżdizzjonijiet diversi u mħawdin tal-gvern, tal-knisja, tal-privat), u allura ovvja li nsibu ruħna nixtarru, bla qatt ċertezza, l-oriġini u l-identità tagħna, il-Maltiżmu tagħna mċaflas minn litanija ta’ karatteristiċi li huma fl-istess ħin riġidi daqs iż-żonqor u flessibbli daqs il-mewġ.

Isma’ x’qal Coleridge wara l-esperjenza qasira tiegħu hawn Malta: “Interessanti li wieħed jitla’ Sqallija minn Malta — mill-ogħla speċi ta’ razza inferjuri, is-Saraċeni, għall-iktar klassi degredata ta’ razza superjuri, l-Ewropej. (Basta edukat, Coleridge!). U ssefsef f’widnejna l-mistoqsija ta’ Jules Verne: “Il-gżira ta’ Malta, sitwata xi tnejn u sittin mil minn Sqallija, hi tal-Ewropa jew inkella tal-Afrika, li minnha distakka b’xi mija u sittin mil? Din hija mistoqsija li ppassjonat ħafna ġeografisti; imma, hu x’inhu l-każ, […] Malta issa tal-Ingilterra — u ssib mhux ftit diffikultà biex taħrab minnha. […]. Iva, hemm l-Ingliżi f’Malta […] [imma] l-Maltin Afrikani.

Min aħna? X’naħbtu? F’dal-gżejjer, x’inhu endemiku: il-Malti, jew l-ilsien selvaġġ? Dawn huma l-mistoqsijiet li jitilgħu l-art fil-poeżija ta’ Bajada, mal-alka mħawda.

Keats jgħidli nibqa’ tiela’ u nieżel daqslikieku xi dgħajsa żgħira f’nofs il-baħar, b’kapaċità inċerta. Javżani b’sunett ieħor li l-aħjar ħaġa li tista’ tagħmel meta l-baħar (ċjoè, il-moħħ) jitqalleb bil-Misteri tas-sema hu li tpoġġi u tħossok żgħir, tħossok xejn, u b’hekk issib, b’mużika donnha ta’ kor mitoloġiku, is-sbuħija tal-istagħġib: il-kapaċità negattiva.

Bajada tgħidli li l-baħar la ċella u lanqas ħelsien, imma tip ta’ persjana oħra: jagħlaq daqskemm jiftaħ. F’Bajada, il-baħar jgħolli rasu kemm-il darba, jitla’ l-art, iġegħelna nħossu “fuq wiċċna l-kristalli | melħ u ramel li ħalliet | iż-żiffa. Il-baħar ibeżżagħna meta “muġugħ, | jitqalleb u jogħla mal-blat | ifittex widintu fuq l-art, dejjem, dejjem “jixxabbat mal-blat. Jista’ jkun, iva, li l-baħar barrani jbeżżagħna, għax fuq kollox mhux dejjem “il-baħar bnazzi żejt”, u dak li aħna “nibnu max-xtajta […] | nibżgħu li l-mewġa li jmiss | ħa ġġarraf dak li bnejna”. Fis-selvaġġ, fil-wesgħat tal-baħar, jaf nintilfu, insibu ruħna riflessi fil-vakwità vasta tas-sema.

Imma Bajada tfakkarni wkoll li aħna ġejjin mill-baħar, kif trawwimna fih, u dan mhux biss bijoloġikament imma wkoll f’sensi lingwistiċi, kulturali, storiċi, psikoloġiċi. Jekk nagħrfu dan, jirnexxilna nkunu iktar awtentiċi. Meta aħna nsibu “l-kuraġġ naqb[żu]” (“tifkiriet tal-Qbajjar”) f’dan il-passat li jagħtina s-sinifikat, hu kemm hu barrani u selvaġġ, isma’ x’jiġri (enfasi tiegħi):

sakemm nifsi
aktar ma jtinix,
nagħti salt ’il fuq,
nofroq b’rasi
wiċċ il-baħar,
u naqdef lura
lejn l-art;

mill-ġdid umana.

Nirritornaw, imma naslu lura ġodda: ngħumu ma’ Ovidju. Din hi l-ispeċi ta’ anfibju li ssib fil-poeżija ta’ Bajada: l-ispeċi li ġġedded is-sodezza tal-preżent, tal-lingwa u l-identità Maltija, u tal-bniedem, billi l-ewwel togħdos fil-passat, f’kulturi u lingwi li wellduna, fin-natura-qabla, fejn aħna m’għadniex aħna, fejn aħna umani kemm ġodda u kemm mill-ġdid, fejn nafu biss inkunu b’mod negattiv fis-sens Keatsjan, bħalma naraw fil-poeżiji “ritratt (ħuta)”, “interludju (ħlejqa tal-baħar)” u “kien il-baħar. Fil-poeżija ta’ Bajada nsib twissija kontra l-insularità totalitarja li toħnoqna bl-għarfien assolut, u nsib sejħa kwieta (bla qatt ma tuża l-ittri kapitali) sabiex inħallu l-barrani, dak li ma nafux u dak li ma jħalliniex nafuh, jibdilna kuljum mill-ġdid. Hekk naraw f’“sajda għall-kliem”:

is-sbuħija selvaġġa [tal-baħar]
qabditni mingħajr
il-weġgħa tas-sunnara
fil-garġi, u bl-alka
mgħaqqda mal-gerżuma
ħallejtha tlissen kliemha

bi kliemi — 

Togħġobni li, fil-letteratura tagħna, insib it-“togħma tal-baħar”, tal-baħħar li jmur ’il barra u jiġi mill-barra (“id-Dwejra”). Nistħajjel li għalhekk, f’ilsien selvaġġ, f’dil-ġabra anfibjana, insibu kemm il-granċ “redikolu mwerreċ | u stramb” (“granċ”) — ħlejqa barranija, internazzjonali, b’varjanti madwar id-dinja — kif ukoll il-qabru, dak li hu endemiku, insulari, “f’qoxortu, kwiet f’dinjietu”… imma anki hu “[ji]ttawwal ftit, kurjuż” (“qabru”). Poeżiji granċ-qabru, baħar-art, rużinjol-merill, antik-modern, kapaċi-negattiv; poeżiji “qishom awwisti żgħar, | qishom iħirsa li jsibu l-kenn | fit-toqob ta’ ġol-blat” li “la int u lanqas jien | ma nafu x’jissejħu” (“Fra Ben, filgħodu”). Keats ukoll isib ruħu mitluf fl-immaġinazzjoni u l-poeżija wara li jingħata xi tip ta’ arzella, bħalma naqraw f’“On Receiving a Curious Shell”.

Il-poeżija ta’ Bajada, ovvjament, mhix perfetta. Xi kultant hemm ċertu tul bla bżonn, speċjalment meta poeżija diġà sħiħa tingħata iktar sinifikat milli hemm bżonn, ġeneralment bl-introduzzjoni ta’ elementi ta’ mħabba interpersonali li jispuntaw fl-aħħar strofa jew tnejn. Din toħloq ċertu sens li Bajada ma temminx fis-saħħa tal-poeżija tagħha stess, u donnha żżid iktar tentakli biex b’xi mod jew ieħor jitnassar il-qarrej. Iva, hemm l-element ta’ bilanċ: il-persona tħobb il-mhux-uman kif ukoll l-uman bid-difetti kollha tiegħu. Imma hemm modi aħjar, naħseb jien, kif din l-imħabba ġeneralizzata tista’ tinħareġ.

Ukoll insib li l-ġabra pjuttost monotematika, ossessjonata bl-istess problematiċi. Veru li dil-konsistenza toħloq leħen partikolari u ton konsistenti, imma fl-istess ħin dil-konsistenza sservi bħala xkiel għall-kunċett kruċjali ta’ Bajada: l-għarfien ta’ identità varjata, identità endemika-selvaġġa, identità li tifforma, tinħall, u tittrasforma mal-mewġ. Xtaqt li kieku nisma’ ħafna iktar poeti f’ilsien selvaġġ, forsi ilsna oħra li lil Keats jagħtuh kemxejn bil-minkeb u joħolqu ekosistema u evoluzzjoni iktar varjata.

Imma xorta waħda, xogħol Bajada (u l-potenzjal tiegħu) jogħġobni, u ħafna wkoll. Apparti dawk l-elementi li tkellimt fuqhom hawnhekk diġà, ħa ndaħħal malajr żewġ poeti li semmejt qabel. L-ewwel hemm Robert Frost, li kien qed jagħraf il-poter tas-sunetti waqt li fl-istess deċennju kien hemm nies bħal e.e. cummings jifqgħu kull xorta ta’ tradizzjoni u ilħna (qed nitkellmu iktar minn mitt sena ilu). Wieħed mill-kunċetti distintivi ta’ Frost hu “l-ħoss tas-sens” (jew forsi aħjar “il-ħoss sensibbli”), fejn mhux biss issib replikazzjoni tal-lingwa mitkellma, u lingwaġġ li jinftiehem bla wisq pretensjonijiet, imma wkoll li l-proprju ħoss tal-poeżija fih tifsira fih innifsu. Mhux ħa nġib eżempji, għax tawwalt biżżejjed. Aqbad poeżija tkun liema tkun f’ilsien selvaġġ (speċjalment l-interludji) u tisimgħu das-sens-ħoss: mużika, ritmu, it-timbru. Din hija poeżija tar-rużinjol; ċjoè, poeżija proprja, għax poeżija tkun liema tkun — b’taqbila jew bla taqbila, miktuba fi strofi jew bil-hashtags — għandha fl-iskeletru tagħha l-mużika. U jekk hemm element wieħed fil-poeżija kontemporanja Maltija li kemm-il darba nsib nieqes, huwa proprju din l-istess mużikalità. (U e.e. cummings, li jien nammira sew fl-innovazzjoni tiegħu, infatti ma rnexxilux ma jibqax mużikali immens apparti kollox.)

U hekk twassalt għat-tieni poeta li ridt insellem, Wallace Stevens, li sibnieh imsemmi fil-poeżija “ħawħa”. Dan ukoll, bħall-poeti serji kollha, kiteb is-sunetti. Waħda minnhom, “Autumn Refrain” (1931), tgħid b’ċerta diqa li Keats la hu bħalu u lanqas it-tip tiegħu:

The yellow moon of words about the nightingale
In measureless measures, not a bird for me
But the name of a bird and the name of a nameless air
I have never — shall never hear. And yet beneath
The stillness of everything gone, and being still,
Being and sitting still, something resides,
Some skreaking and skrittering residuum,
And grates these evasions of the nightingale

Though I have never — shall never hear that bird.

Le, jgħid Wallace Stevens, ir-rużinjol mhux tip tiegħi; qatt m’jien se nisimgħu. Ma jaħmlux lil Keats, kif ma kontx naħmlu qabel jien. Imma, għalkemm il-mużika tat-tradizzjoni mhix xi ħaġa li jrid — il-kelmiet “skreaking” u “skrittering”, kelmiet noneżistenti, ifaqqsu mir-reħi tat-tradizzjoni — Stevens mhux talli kiteb poeżija mużikali imma talli kiteb sunett mużikali (anki t-titlu jixhed: “Refrain”). Hu u jikser it-tradizzjoni, hu u jwarrabha, Stevens mgħarraq fiha. Għalhekk din tiegħu hija poeżija tajbissima.

Kollox ma’ kollox, ikolli ngħid li l-poeżija ta’ Bajada togħġobni l-iktar għax iżżomm ġo fiha din it-tradizzjoni twila (avolja selvaġġa) u t-twemmin li fil-qadim (avolja mhux tagħna) dejjem hemm il-ġdid, li l-istagħġib tal-kapaċità negattiva ma jsaltanx, imma biss jisma’. Tifhimnix ħażin, l-esperimentaliżmu u l-innovazzjoni tajbin (tini naqra x-xogħol tal-Kunċettwalisti ta’ Moska jew il-Lettriżmu, xi glosa jew xi poeżija algoritmika, jew xi poeżija flarf, u ninħall!). Imma dan kollu, kif jurina Stevens, jinbena biss fuq dahar it-tradizzjoni. U kif implika Ġorġ Zammit, għalkemm “fil-kamp tal-letteratura l-bniedem baqa’ dejjem jiskopri u jesperimenta, u [din] hi ħaġa naturali”, hemm dejjem il-periklu li l-movimenti letterarji “jfaqqsu ħin bla waqt minn rivoluzzjoni u [ma jkunux] ir-riżultat ta’ evoluzzjoni tul is-snin. Xi kultant nibża’ li l-poeti Maltin li jiktbu bil-Malti ġieli jsibu ruħhom jibnu l-kastelli fuq ir-ramel lokali filwaqt li ma jkunux konoxxenti tal-baħar barrani, selvaġġ, li mhux biss kapaċi jwaqqgħalhom il-kastell imma wkoll tana l-istess ramel li bih qed nibnu. Nibża’, xi kultant, li lil Dun Karm (u s-sunetti tiegħu) armejnieh il-baħar kmieni wisq, u miegħu dawk il-barranin kollha li tawh l-arja taħt l-ilma. Il-ħsieb elevat, astratt, u raffinat (ċjoè, il-ħsieb mhux selvaġġ, il-ħsieb mans u nadif) jaf joħnoq ukoll. M’hemmx għalfejn niktbu sunetti — Bajada kitbet biss tnejn, “sbieħ il-jum” u “lejliet l-erwieħ” (u dit-tieni waħda probabbli lanqas hi sunett, fuq kollox) — imma għandna bżonn il-mużika eterna tagħhom.

Naħseb dan kollu li għedt huwa kanzunetta ta’ mħabba ddedikata lill-persjani.

Għalaqt il-persjani tad-dar u ħallejt il-Malti warajja. Infittex dari fl-eżilju, fil-wens barrani tal-barrani. Inkompli nsib ilsieni fis-selvaġġ. Dan nagħmlu bil-ferħ. Dan nagħmlu bin-niket. Inħalli l-Malti f’idejn min jaf iħobbu, f’idejn min jaf iwarrdu, bħal Jasmine Bajada. Il-poeżiji tagħha huma poeżiji li nista’ naqra ’l ommi u li bihom nagħtiha sens ta’ kburija fil-lingwa tagħha. Hija poeżija li ttiegħem il-lingwa, ma tibżax minnha, ma tqaċċathiex ’l hemm jew tagħlaqha fiċ-ċella tal-ħsieb-sovran. Hija poeżija li ommi tifhem, poeżija li tifhem ’l ommi .

“Ode on Melancholy” ta’ John Keats hawnhekk ħadtha minn Complete Poetry and Selected Prose of Keats, Harold Edgar Briggs, editur, ippubblikat minn Modern Library fl-1967, it-tieni edizzjoni. Il-bqija tar-referenzi għall-poeżija ta’ Keats kollha meħudin minn dil-edizzjoni. William Wordsworth jitkellem dwar il-poeżija orbikulari f’ittra lil Alexander Dyce, 1833. Qed jitkellem fuq il-fehma tiegħu tas-sunetti wara li ħa r-riedni minn Coleridge. Jien noħodha minn The Letters of William and Dorothy Wordsworth: The Later Years, E. de Sélincourt, editur, pubblikazzjoni Clarendon Press 1939. Il-kwotazzjoni minn “Fancy” hija meħuda mit-traduzzjoni tal-1988 ta’ Charles Dalli (“Il-Ħajra”) li dehret f’“Keats: Ir-rużinjol fuq l-għatba tat-tmiem”, Leħen il-Malti 23, 1989. Sa fejn naf jien, din hija l-unika traduzzjoni ta’ Keats bil-Malti. Hemm mhux ħażin poeżiji ta’ Keats fuq Leigh Hunt, bħal pereżempju “Sonnet on Receiving a Laurel Crown from Leigh Hunt”, “Dedication to Leigh Hunt, Esq., jew “On Leigh Hunt’s Poem ‘The Story of Rimini’”. Kellhom ħbiberija ħelwa, dat-tnejn, u waħda mill-iktar relazzjonijiet importanti għal Keats, apparti Fanny Brawne, u forsi ħutu. Il-kwotazzjoni ta’ Stephen Regan ħadtha minn The Sonnet, pubblikazzjoni Oxford University Press 2019. Il-kwotazzjoni “Minion of grandeur! think you he did wait? ... ħadtha minn “Written on the Day that Mr. Leigh Hunt Left Prison” ta’ Keats. Keats jitkellem dwar il-kapaċità negattiva f’ittra lil ħutu George u Tom, Diċembru 1817. The Letters of John Keats, Maurice Buxton Forman, editur, pubblikazzjoni Cambridge University Press 2011. Hija interessanti, le, li l-kelma Misteri kitibha bil-kapitali? Rigward l-ataraxia ara Outlines of Scepticism ta’ Sextus Empiricus, Julia Annas u Jonathan Barnes, edituri, Cambridge University Press 2007. Il-kwotazzjoni ta’ Samuel Taylor Coleridge ħadtha mill-entrata tas-16 ta’ April 1834 minn “Table Talk” f’Coleridge in Malta and Siciliy ta’ Donald Sultana, Barnes & Noble 1969. Jules Verne jitkellem dwar Malta f’Mathias Sandorf — Voyages Extraordinaires, “Troisième Partie: V — Malte”. Dwar “il-ħoss sensibbli” ta’ Robert Frost, qrajt “Robert Frost and the Sound of Sense” ta’ Robert S. Nedwick f’American Literature, Duke University Press 1937. “Autumn Refrain” ta’ Wallace Stevens ħadtha minn The Collected Poems of Wallace Stevens, pubblikazzjoni Vintage 1982. Lil Ġorġ Zammit dwar it-tradizzjoni u l-innovazzjoni qrajtu f’Trifolium: Poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan u Poeżiji Maqlubin għall-Malti, pubblikazzjoni tal-awtur stess, 1973.

Dekorazzjoni art-nouveau