Il-Kliem fit-Teorija

ma’ Aaron Aquilina, Noah Fabri & Omar N’Shea

Il-Kliem fit-Teorija” kienet taħdita li saret fil-21 ta’ Marzu 2024 waqt il-festival Kampus Kotba, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. It-taħdita kienet it-tnedija ta’ proġett bl-istess isem fuq il-ġurnal.

Termini fil-ħsieb kontemporanju malajr isibu ruħhom fid-diskors kulturali u politiku mingħajr ma jkun sar ingaġġament mar-raġunijiet għalfejn nużaw lilhom flok oħrajn. Meta niktbu bl-istess lingwa li biha naqraw, faċli nużaw dal-kelmiet mingħajr ma nirriflettu wisq fuqhom. Iżda meta niktbu bil-Malti, id-diffikultà tat-traduzzjoni tista’ ssir privileġġ: tagħtina l-opportunità ningaġġaw mill-qrib mat-termini qabel indaħħluhom fil-lingwa tagħna. Il-Kliem fit-Teorija” huwa proġett fejn kittieba u speċjalisti jiddiskutu t-traduzzjoni fil-Malti ta’ kliem fil-ħsieb kontemporanju. Il-kelliema kienu Aaron Aquilina, Noah Fabri u Omar N’Shea.

« Il-filosofija mhijiex sempliċiment ġabra ta’ termini, u t-traduzzjoni tal-filosofija mhijiex biss it-traduzzjoni ta’ dawk it-termini. Iżda l-kelmiet speċjalizzati jakkumulaw tifsiriet kumplessi u jekk naqbdu nużawhom mingħajr ħsieb, qisu m’għandhomx l-istorja tagħhom, inkunu qed naħluhom. Inkunu qed nużawhom biss bħala kantaliena, bħalma darba konna nitolbu bl-amment, mingħajr responsabbiltà lejn dak li qed ngħidu, mingħajr ma nħalluhom isawruna mill-ġdid. Kull kelma hi kuntratt ta’ tifsir u meta niġu biex naqilbuha fi lsienna, dak huwa l-aqwa mument biex nippruvaw nifhmu aħjar dak li qed nippruvaw ngħidu biha. » .

Peress li kien hemm ħafna attività fil-festival, kellna nipproċessaw ir-recording biex inneħħu l-istorbju mill-isfond, u għaldaqstant f’xi waqtiet il-kwalità tal-vuċijiet mhix għolja daqs is-soltu.

Dekorazzjoni art-nouveau