Berardi jissuġġerixxi li nużaw “il-poeżija, ir-ritmu, il-vibrazzjoni kosmika bħala terapija għall-qtugħ ta’ nifs fiżiku u psikoloġiku; poeżija bħala ambigwità, eċċess, twassal għal rivelazzjoni, żvelar, ta’ dak li hu possibbli.” Jien għandi xi mistoqsijiet dwar din is-silta. Kif eżatt niddefinixxu ritmu, mużika u poeżija llum il-ġurnata? Kultant niddubita tlifniex l-abbiltà li noħolqu ritmi, poeżija jew mużika li mhumiex imtebbgħin mill-produttività u l-konsumeriżmu tal-kapitaliżmu u n-neoliberaliżmu. Naħseb ħafna minna tlifna l-abbiltà li naħsbu b’mod ħieles minn dawn il-ħakkiema. Kulma nagħmlu għandu xi skop aħħari. Jekk niktbu poeżija, irridu naqsmuha, nippubblikawha, inxandruha. Jekk noħolqu biċċa mużika, trid togħġob lill-udjenza, trid tobdi r-regoli mużikali, u jekk ma trendix il-flus, almenu nistgħu nirbħu xi kapital soċjali biha.