Raylene Abdilla tgħallem
Kollaborazzjonijiet:
-
- 01.03.2025
- Il-Kliem fit-Teorija
il-politika
tal-kura Sibt diffikultà bit-traduzzjoni għal “politics of care” bħala “il-politika tal-kura” għaliex il-kelma “kura” bil-Malti hija aktar assoċjata mad-diskors mediku, bħal ngħidu aħna meta t-tabib jikkura pazjent. Bit-Taljan meta ngħidu “ħu ħsieb” tiġi tradotta bħala “stammi bene”, waqt li l-frażi “nieħu ħsiebek” tiġi tradotta għal “mi curo di te”. F’dan is-sens it-Taljan għandu użu usa’ għall-kunċett “curare” li jistà jfisser kemm “tieħu ħsieb” u kemm “kura” mill-mard. Bil-Malti ma nħossx li l-kelma “kura” hija adatta biex taqbad il-kunċett ta “politics of care”.
-
- 24.02.2025
- Il-Kliem fit-Teorija
ħu ħsieb
Fid-dinja Ingliża u dik tal-Punent, “to care” dejjem kienet distinta minn “thought” u “reason”. “Care” assoċjata ma’ emozzjonijiet, irtubija tal-qalb, femminilità—u mhux il-ħsieb, li dejjem kien meqjus rett, veritier u imparzjali, kif ħafna drabi huwa mfisser fil-Punent. Qisu l-Malti ma jagħmilx din id-distinzjoni radikali bejn il-ħsieb bħala ħsieb astratt u li tieħu ħsieb xi ħadd.
-
- 05.06.2024
- Il-Kliem fit-Teorija
abjad
Sibt diffikultà nuża l-kliem “raġel abjad” biex ngħid “white male” bil-Malti. Bl-Ingliż, meta jintuża dal-kliem, dejjem hemm is-sens ta’ deskrizzjoni legali/ġuridika jew deskrizzjonijiet ta’ suspettati u kriminali fil-gazzetti u l-films; u allura l-kritika mibnija ġewwa t-terminu minnu nnifsu diġà. Bil-Malti m’hemmx dik l-użanza li “raġel abjad” hija kollokazzjoni li ġġorr dan is-sinifikat. Meta użajtha, ħassejt li tlift ftit minn dak li kont qed nipprova ngħid. L-istess għall-kliem assoċjat, eżempju “suġġett abjad”, “suġġett abjad tal-Punent”, “privileġġ abjad” jew l-iktar xieraq “vantaġġ abjad”.
-
- 13.02.2024
- Il-Kliem fit-Teorija
xewqa/xenqa
Il-kelma “xewqa” togħġobni iktar ukoll għaliex tista’ timplika element konxju fejn is-suġġett konxjament jista’ jixtieq xi ħaġa partikolari, filwaqt li l-kelma “xenqa” timplika passività fejn is-suġġett ma jistax ma jixxennaqx għal dak li m’għandux. Naħseb li għal Lacan, il-kunċett ta’ désir jopera kemm fil-konxju u kemm fl-inkonxju. F’dan is-sens, is-suġġett inkonxjament jixtieq totalità, jixxennaq għaliha, u fl-istess waqt li dan l-impuls inkonxju jiggverna x-xewqa, ix-xewqa nnifisha titlibbes forma li s-suġġett huwa konxju tagħha, bħal pereżempju: il-fantażija ta’ suġġett Ingliż awtonomu, ħabrieki, patrijott, aħjar mill-Ewropew u miżmum lura appuntu minħabba l-Ewropew inferjuri u l-Ewropew li jrid idaħħal l-immigranti, flimkien ma’ fantażiji dwar narrattivi ta’ grandjożità imperjali u kolonjali. Din il-fantażija Ingliża ġiet immanifestata b’mod konxju f’dawk il-votanti pro-Brexit fl-Ingilterra fl-2016. L-identifikazzjoni mal-kampanja tal-Brexit topera kemm fuq livell konxju fis-sens li s-suġġett Ingliż ħaseb li ġaladarba l-Ingilterra toħroġ mill-UE, ħa jerġa’ jsir sħiħ kif ukoll jitpaxxa (iħoss sens ta’ jouissance) bir-riżultat tal-vot. Fl-istess ħin, din il-faċċata konxja qed tgħatti l-implikazzjoni mistura ta’ xenqa għal totalità li qatt ma tista’ tinkiseb: fejn anki wara Brexit dak li ġie mwiegħed, ma wasalx.
Poddati ma’ Raylene:
-
- Poddata 24.01.2025
Ħbiberija, Ħrejjef, Komunità
Fl-24 ta’ Jannar 2025 fis-6:00pm, flimkien ma’ Kurt Borg u Noah Fabri, konna l-mistednin tal-Librerija Pubblika ta’ Pembroke. Raylene Abdilla tkellmet dwar il-kitbiet f’Aphroconfuso u Omar N’Shea mexxa d-diskussjoni. Kurt tkellem dwar il-ġabra ta’ esejs tiegħu sens ta’ ħarifa (Klabb Kotba Maltin 2024) u qara silta minnha. Noah Fabri tkellmet dwar ir-rumanz tagħha It-Togħma Morra taċ-Ċiċri (Merlin 2024) u wkoll qrat silta minnu. Raylene tkellmet dwar diversi kitbiet li jidhru f’Antoloġija 1 u li jidhru wkoll online fosthom Medusa ta’ Rowena Grech, Il-Labra, Il-Lanza, il-Qoffa, l-Azzarin ta’ Loranne Vella, Likantropi ta’ Davinia Hamilton, u d-Djarju ta’ Warren Bartolo. Omar N’Shea mexxa t-taħdita. Tkellimna dwar il-kitba bil-Malti, il-ħbiberija, il-karattri f’rumanz imnebbħin mill-ħbieb tal-awtur, ir-reviżjoni, id-differenza bejn ir-rumanz u l-esej, u bosta suġġetti oħra.
-
- Poddata 26.11.2024
Il-Komunità
tal-Kitba Ħafna drabi meta niktbu nkunu magħluqin f’kamra waħidna, iżda l-kliem li nużaw qatt mhu tagħna biss. Matul l-ewwel sena ta’ Aphroconfuso ridna noħolqu, flimkien mal-kittieba tagħna, komunità fejn il-kliem mhux biss jingħad darba u jintelaq għall-irwiefen taż-żmien, iżda jsib eku u risposta fi kliem ieħor fil-ġurnal stess, fl-istorja letterarja tagħna u tad-dinja. Waqt dal-avveniment introduċejna l-ewwel ktieb ta’ Aphroconfuso, Antoloġija 1.