Ġieni ħsieb. Idea meskina, krudili. Xi nies forsi saħansitra jemmnu li kien ħsieb frott ix-xitan. Ma nafx, għax ma nemminx. Idi marret fuq is-seatbelt tiegħi. Is-seba’ l-boċċu fuq il-buttuna l-ħamra. Ħarist ’l isfel. Buttuna ħamra, kbira. ’Qas naf kemm-il darba għafastha biex noħroġ mill-karozza. Min jaf intirx minn ġol-windscreen bħal tal-films? Tgħid veru hekk jiġri? Ridt nagħfasha imma subgħajja ma ridux jobdu. Bżajt. Ridt immut, xtaqt nispiċċa. Imma ma kellix biżżejjed kuraġġ. Ġietni opportunità tad-deheb. Li mewti ma tkunx suwiċidju, iżda omiċidju minn dik il-mara li poġġietni fi stat mentali li rrid intemm ħajti. Tgħid nimlieha l-knisja fil-funeral? Naħseb li iva. Naħdem fil-politika, u l-politikanti jħobbu jidhru. Imma trid tkun knisja żgħira, bħal ta’ Ħal Balzan, pereżempju. Fejn iżżewwiġna. Però qabel il-ħajt tas-sejjieħ hemm il-bankina. Bankina pjuttost għolja. Mhux biżżejjed biex twaqqaf il-karozza, imma biżżejjed biex tnaqqas il-veloċità. Ma kontx żgur li kien se jirnexxili. Ma rridx nispiċċa meqrud l-isptar. Jew mewt jew xejn. Tgħid għalhekk subgħajja ma ridux jiċċaqalqu, għax kienu jafu li l-karozza miexja bil-mod wisq?