Niddeċiedi li dan it-terminal ma jeżistix, li jekk m’intix bil-karozza m’hawnx post għalik. Noħroġ ’il barra, inħalli l-moll warajja u ninxteħitlu għand il-bar ta’ faċċata. Għadhom it-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar u ċ-check-in għall-ferry ma jibdiex qabel is-sebgħa u nofs, sagħtejn qabel it-tluq fid-disgħa u n-nofs. Ormai ilni mqajma tnax-il siegħa, u mal-lejl mhux li rqadt wisq. Inpoġġi fuq barra u nordna ġelat tal-frawli fit-tazza u flixkun ilma żgħir kiesaħ, forsi niffriska ftit wara t-traġitt li s’issa xejn ma mexa mal-pjan li tant ilni nfassal. L-istrajk nazzjonali tat-trasport pubbliku Taljan għoġbu jneffaqni kemxa ġmielha għax wara l-katamaran mill-Belt Valletta sa Pozzallo ma kelli ebda għażla ħlief li nieħu private transfer — xi ħaġa li nobgħod immens — sa Catania, biex minn hemm stajt inkompli b’kowċ oħra s’hawn. Miraklu kif tat-taxi rnexxielu jwassalni bl-eżatt biex nilħaq tal-għaxra u nofs. Tal-ħdax u nofs u oħrajn ma ħadmux.