Hawn xbin, trid kafè?
Minn ġol-džezva
jissawwab il-meraq ġamri
li ’l-qalb dalwaqt iġibha
ġunġliena mġenġla.
Deħlin u ħerġin
ħbieb u sangisugi,
sangisugi u ħbieb.
Min ġej għal daħqa mqaħqħa
u għabra għerf,
min ġej ilaqqat qatra
mit-tlellix t’ismu,
min ġej jippoża
bil-ħnejjiet bil-ħbub bil-ħotob b’kollox
għal kjaroskur fil-ġelatina
tal-melħ fiddien.
Ħajduk tal-ktieb,
partiżan tad-dadaiżmu,
kewkba ħamra tal-kamera
u tal-kamra skura —
il-ġinni tal-istanjata
jaf itella’ fil-wiċċ
sal-iċken farka dija
mistoħbija f’kull ruħ.
Ftit jew ħadd
ma jobsor però
li wara l-lenti
fejn l-iktar li jħossu
dilettant u battal.
Iktar ma jiżvoga,
iktar ma jiffoka
u jkejjel il-waqt
li jniżżel iż-żewġ terzi ta’ werrej
għal fuq il-buttuna,
iktar ikompli jagħfas
id-diqa mtaħħta ta’ ġo fih.