Antoloġija 1

isbn 978-9918-0-0967-1, 448 paġna.

Antoloġija 1 hija l-ewwel pubblikazzjoni stampata ta’ Aphroconfuso u tiġbor fiha l-biċċa l-kbira tal-kitba li dehret fl-ewwel sena tal-ġurnal. Din il-ġabra tinkludi esejs, stejjer, poeżiji, djarji, xogħol kollaborattiv u kitba oħra li mhux faċli tikklassifikaha. Uħud minn dawn kienu diġà stabbiliti fil-qasam tal-arti jew fl-akkademja, iżda din hija l-ewwel darba li qed jiktbu bil-Malti. B’kollox tinkludi 34 xogħol minn 24 kittieb.

  • Ktieb miftuħ fuq sfond vjola ffjurit.
    Antoloġija 1
  • Ktieb miftuħ fuq sfond vjola ffjurit.
    Antoloġija 1
  • Ktieb miftuħ fuq sfond vjola ffjurit.
    Antoloġija 1
  • Ktieb miftuħ.
    Antoloġija 1

Fl-introduzzjoni, l-edituri Joe Gatt u Loranne Vella jgħidu:

Ħafna drabi meta niktbu nkunu magħluqin f’kamra waħidna, iżda l-kliem li nużaw qatt mhu tagħna biss. Huwa kliem li nissellfuh mill-ħajja tal-eluf li ġew qabilna u minn ta’ dawk li ngħixu magħhom, nitkellmu magħhom, niġġieldu magħhom, naħsbu magħhom. Kliemna wkoll, meta niktbuh, qed nisilfuh. Matul din l-ewwel sena ta’ Aphroconfuso ridna noħolqu, flimkien mal-kittieba tagħna, komunità fejn il-kliem mhux biss jingħad darba u jintelaq għall-irwiefen taż-żmien, iżda jsib eku u risposta fi kliem ieħor fil-ġurnal stess, fl-istorja letterarja tagħna u tad-dinja. Indunajna minn kmieni li dak li jseħħ meta nibdew naħdmu ma’ ħaddieħor mhuwiex dejjem dak li nkunu ppjanajna, jew li qatt stajna nippjanaw. Il-kitba tieħu l-forma li għandha bżonn. Ma ppruvajniex nimponu ġeneru fuq ix-xogħlijiet tal-kittieba tagħna. L-esej u l-memoir ħallejniehom jikbru u jitħabblu mal-istorja ta’ pajjiżna u tal-familji tagħna, mal-istorja tal-art taħt saqajna, mal-poeżija, il-performance, is-satira. Ħallejna l-ġeneru tal-kitba jsegwi ’l-kitba nnifisha. Il-poeżiji, in-novelli, l-esejs, il-memoirs u kull forma bejniethom li nippubblikaw qed jgħidu l-istorja tagħna; u l-forma tista’ tkun kumplessa daqs ħajjitna. Bil-kitba tagħna qed nixhdu għall-preżent, biex nifhmu lilna nfusna llum, iżda l-kitba hija dejjem għall-ġejjieni — jew ta’ ftit jiem, jew ta’ ftit xhur jew ta’ għexieren u mijiet ta’ snin — biex inħallu kliemna jinftiehem u jerġa’ jinftiehem minn dawk li għad jiġu warajna. Li nsibu kliemna huwa vjaġġ fih innifsu. Indunajna minn kmieni, ukoll, li hemm toqol ta’ kliem jagħfas fuqna li, biex nużawh fi lsienna, għad irridu naħdmuh mal-komunità li niktbu fiha u magħha. L-istorja tagħna, u postna fid-dinja, għallmuna lsien ħaddieħor u jekk, bħalma jgħidu ħafna, kull kitba hija forma ta’ traduzzjoni, il-kitba bil-Malti terġa’ hija traduzzjoni b’mod iktar dirett. Il-kliem huwa r-rabta tagħna mad-dinja. Fil-kliem, fl-ismijiet li nagħtu lil kulma jinsab madwarna, tinsab l-istorja ta’ kif għexna magħhom u kif għexna bihom. Meta l-proċessi storiċi u ekonomiċi jnessuna l-ismijiet tal-fjuri u tas-siġar, inessuhomlna bħala parti minn proċess ta’ approprjazzjoni. Meta nindunaw li nsejna l-isem tagħhom nindunaw ukoll li m’għadhomx tagħna. L-art ittieħdet minn taħt saqajna. Niktbu bil-Malti mhux għal finjiet ta’ identità, jew patrimonju, jew patrijottiżmu, jew “biex il-Malti jibqa’ ħaj”. Niktbu bil-Malti għax għalina huwa l-iktar mod intimu u intelliġenti li niktbu u ngħidu dak li għandna ngħidu.

Antoloġija 1 tinkludi l-kitba ta’ Aaron Aquilina, Karl Baldacchino, Simon Bartolo, Warren Bartolo, Kurt Borg, Antoine Cassar, Daniel Cossai, Leanne Ellul, Noah FabriRyan Falzon, Charlene Galea, Miriam Galea, Joe Gatt , Romeo Roxman Gatt, Rowena Grech, Jimmy Grima, Davinia Hamilton, Omar N’Shea, Kris Polidano, Matteo PullicinoMatthew Schembri, Maria Theuma, Leslie Vassallo u Loranne Vella. Joe Gatt u Loranne Vella, edituri .

Il-pubblikazzjoni ta’ Antoloġija 1 kienet megħjuna mill-Fond Malti tal-Ktieb 2024 tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. It-tnedija saret fil-31 ta’ Ottubru 2024 fil-Café Bar tat-Teatru Salesjan, Tas-Sliema.

Dekorazzjoni art-nouveau