Mejju 2023

Nofs triq, dejjem nieqaf

Maria Theuma

Nofs triq, dejjem nieqaf
u ndur lura, lura għalih
għax naf li jiddejjaq meta
 
nħallih warajja. Xi kultant
jimxiha miegħi, in-nofs triq,
u jegħja, għarqan xraba
 
anki fi ljieli kesħin
jibda jkaxkar saqajh
biex jurini li qabżitlu
 
jisgħol u jisħaq li
l-għabra qed tagħraxlu
griżmejh. X’għabra?
 
nistaqsih, inżiegħel bih
noqgħod attenta li
ma ngħaddihx minn triqat
 
umdużi wisq. Il-polline 
qed jidħol fi mnifsejja
jħarħarli u jien naċċertah
 
li fit-triqat tal-Belt
polline m’hemmx. Iżda
hu jgħidli, Hemm, dak
 
tas-suq ibigħ il-fjuri li
jdejquni. Mhuwiex xi raġel
marradi. Anzi, fih
 
koloss, kapaċi jikfes
xemx b’dahru, ibandal
lid-dinja ċaqlembuta
 
b’id waħda jaqta’ lil
kollox u lil kulħadd
mill-art. Il-għala jiddgħajjef
 
kull meta nistaqsih
jimxiha miegħi, ma nafx
u stramba tibqa’
 
l-biċċa. Ilni nħobbu
għal ftit mhux ħażin
issa, minn meta kien jixxeblek
 
miegħi u jġib lil ġismi
fernieq, ġismi liebes
id-dawl, ġismi analoġija ta’
 
dak kollu li huwa twajjeb
jaħraq, sacrosant. Illum
għalih innaqqas il-ħeffa
 
ta’ passejja. Nifsu maqtugħ
iħares lejja bil-ħniena
Sansun fartas, ma jafx x’laqtu
 
xagħru toppu f’idejh
ġugarell tal-ħabel
għajjien, jonqsu tidwira
 
jew tnejn. Nagħmillu
kuraġġ, Daqt naslu
leħni wenniesi. Fejn
 
sejrin? jistaqsi. Hemmhekk
ninħasad, nibla’ bżieqi
ma ngħid xejn għax
 
lanqas jien stess
ma naf. Li naf hu li
bħal ħafna qabli hemm
 
xi ħaġa dejjem issejjaħli
u malli jaqa’ r-raxx tad-dlam
noħroġ infittixha
 
mat-triqat tal-Belt
sakemm is-sema
jerġa’ jżernaq. Ir-residenti
 
minn wara l-purtelli
jċemplu u jwissu lil xulxin
biex joqogħdu
 
attenti. Reġa’ taha
ħmar il-lejl lil din il-mara
nevrotika, ipposseduta. Ir-raġel 
 
ma jidhirx, insietu warajha
jew Arah, illejla, ħareġ magħha
jidher bla saħħa.
 

*

 
 
Illejla ppruvajt niżgiċċa
fil-ħemda, inkiss inkiss
minn soddtna mingħajr
 
ma nqajmek. Bħal dejjem
kont ilni mill-għabex
inħoss ġibda minn xi mkien
 
lejn xi mkien tisboq
f’riġlejja, titla’ ’l fuq ’il fuq
tasal ittarrax 
 
lil subgħajja t’idejja u għal rasi
merkurjali. Malajr malajr
niftaħ il-bieb ta’ barra
 
u nintelaq fl-arja denniesa
taħt qamar felli (jekk hux
qed jimla jew inaqqas
 
ma nafx) jinħeba-jittawwal
f’sema magħqud sħab. Illejla
nasal fejn għandi nasal. Din
 
il-mogħdija tiegħi biss
lil hinn minnek tinsisti
tfelles ruħek f’kull xaqq ta’ ħajti
 
bħal tfajjel li ma jridx
jinfatam. Inti anestesizzanti
u mħabbtek moratorja. Qed
 
ninduna li jien ħafja u liebsa
perpura ma tilqagħli xejn
għas-sirda tal-lejl. Imma 
 
niġi naqa’ u nqum. Issa
naf fejn għandi mmur
għax għadni kif ftakart
 
kull ħolma li qatt ħlomt
u nsejt malli qomt u
bħal dehra mirakoluża
 
spuntat mill-qigħan ta’ moħħi
viżjoni tal-art tinferaq
biex tikxef toqba fonda
 
fejn dawl il-qamar ma jmissx
għax ma jwassalx. Fil-mixi
naqbad ritmu lebbieti
 
u mingħajr ma naf kif
insib ruħi Pjazza San Ġwann
 — hemm hi! Fetħa fit-triq
 
li f’tarfha nsib
taraġ jagħti għal
ġo fondoq infurrat
 
bil-baħħ. Inħares ’il fuq
lejn żewġ kampnari ta’ katidral
jgħammu s-sema — Stenn! Indur
 
u hemm int, inevitabbli
daqs delli. Ilni miexi
warajk, nipprova nlaħħaq
 
miegħek. Fejn sejra? tistaqsini
tterter qisek biċċa ċarruta
minxura fuq bejt f’ġurnata riħ
 
tqandel torċ goff
tixgħel il-pjazza b’dawl
vjolenti. Inħoss saħna
 
f’demmi, għoqla fi
griżmejja, widnejja jsaffru
u niċċassa lejk
 
liebes papoċċ tas-sodda
piġama bajda, b’xufftejk
imdendlin bil-buli. Laqqatt
 
ċmajra, tgħidli. Nerġa’ ndawwar
ħarsti lejn il-fetħa fl-art
u nitbissmilha, għax lesta tilqagħni
 
fi ġbinha. Nibda nieżla
tarġa tarġa sakemm għajnejja
jgħammxu u jidraw
 
jagħrfu l-madwar sewdieni. Hekk
sibt ruħi fis-sotterran
tal-Belt. Mis-soqfa
 
għeruq is-siġar tat-triqat
t’hemm fuq, imdendlin bħal
qishom f’dinja mxattra
 
maqluba ta’ taħt fuq
ta’ ġewwa barra. Indur
u nagħqad, ċisterni vojta
 
li jirbumbjaw-jirrispondu
għal kull ċaqliqa tiegħi. Jien
u nimxi, inqiegħed
 
il-kfief ta’ jdejja mal-ħitan
ta’ ġebla tal-franka
ratba-friska. F’daqqa waħda
 
ħoss ta’ karba ġej
minn xi mkien. U hemm int
bilqiegħda fl-art mal-ġenb
 
tal-passaġġ. Ilsienek
mitluq mill-kantuniera ta’ ħalqek
kollu lgħab. F’idejk qed
ixxejjer ċekċieka
 
tat-tfal. Imnieħrek
immaħħat, l-abjad
t’għajnejk isfar dagħmi
 
sforz is-suffejra. Riħa
ta’ feċi. Għamilt taħti. Ejja
għidli ħrafa. Newwilli
 
gażaża, ħa nfesfisha. Benninni
ħa nninni. Leħnek werżieqi
nafu sew. Issa, jew inżilt hawn
 
warajja, jew ilek hawn
minn dejjem. Il-mistoqsija
tiżżerżaq minn jeddha
 
minn fommi. Min int?
nistaqsik. Tistira
bħal donnok trid tqum
 
bilwieqfa imma saqajk
ma jtukx u tispiċċa
fuq żaqqek, titkagħweġ
 
bħal insett kaxkari. Tafni sew
u ma tafnix. Insejtni
warajk imma
 
ma nsejtnix. Appa, il-ħabel
skappa. Lura
minn hawn, ma terġax.

Dekorazzjoni art-nouveau