Gilgamex, Dak li Ra l-Qiegħ

Omar N’Shea

Irrid kieku nfisser li l-Maltin wiritna n-nisel ta’ dak l-ilsien imqaddes. Dan għalina sombor liema bħalu. Aħna Assirjologi mingħajr ma nafuh.

F. Calleja “tal-Alġier, 1913

Għemejjel Gilgamex Pawlu Montebello, tr. (Klabb Kotba Maltin, Malta 1974)

Fit-3 ta’ Diċembru tal-1872, George Smith ippreżenta lis-Society of Biblical Archaeology ġewwa Londra s-sejbiet tar-riċerka li kien qed jagħmel fuq biċċa fuħħar miżgħuda b’tinqix li jirrappreżenta sinjali Kunejformi, it-teknoloġija tal-kitba tal-Mesopotamja tal-Qedem li fiha ġew miktuba għadd ta’ lingwi bħas-Sumeru, l-Akkadi (bid-djaletti tal-Babilonjan u l-Assirjan), l-Eblaita, u l-Elamita. L-antiċipazzjoni għal din il-laqgħa speċjali kienet tremenda. Uħud mill-irjus il-kbar tax-xena arkeoloġika ta’ Londra kienu hemm; il-Prim Ministru William Gladstone kien fl-udjenza. Smith innifsu kien ġej mill-klassi tal-ħaddiema. Matul il-ġurnata kien impjegat ma’ stamperija u filgħaxija kien ifekren fost il-fdalijiet qodma li bdew ġejjin mill-Iraq għall-ħażna fil-British Museum.

Smith sejjaħ it-taħdita li kellu jagħmel “Ir-Rakkont Kaldew tad-Dulluvju, b’referenza ovvja għar-rakkont tad-dulluvju fil-Kotba tal-Bibbja. L-attrazzjoni kienet daqstant kbira minħabba l-fatt li f’Londra Vittorjana, speċjalment fost il-membri tas-Society of Biblical Archaeology, ħafna kienu dawk li telqu jesploraw l-hekk imsejħin “tells”. Dawn kienu saffi, wieħed fuq l-ieħor, iffurmati minn diversi okkupazzjonijiet umani, fejn l-eqdem okkupazzjoni tkun fis-saffi ta’ isfel u li mill-bogħod jidhru qishom għoljiet naturali. Dawn l-esploraturi kienu qed jippruvaw isibu evidenza storika għall-ġrajjiet tal-Bibbja. Ir-reżonanza ta’ dan l-interess trid titqies fl-isfond ta’ kontroversji sħaħ li kienu qajmu kemm Charles Darwin kif ukoll studjużi bħal Thomas Huxley meta bdew jiġu diskussi l-ewwel ideat tal-oriġini tal-ispeċijiet. Biss, bosta kienu dawk li bdew jippreparaw biex isibu konferma materjali u storika tal-kontenut tal-Bibbja, ovvjament mingħajr l-iċken ħjiel li konferma bħal din setgħet fil-fatt tpoġġi t-test bibliku f’dawl iktar dubjuż rigward il-verità storika tiegħu. Fost il-biċċiet ta’ fdalijiet tal-fuħħar bil-kitbiet Kunejformi li Smith kien qed jistudja, waħda kienet laqtitu iktar mill-oħrajn. Wara studju intensiv fuq dan il-framment, Smith intebaħ li l-kitba tirrakkonta storja ta’ dulluvju li tixbah ħafna r-rakkont bibliku.

Lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, it-tfittxija ta’ siti arkeoloġiċi fil-Lvant Nofsani u fil-kitbiet li bdew jiġu tradotti fil-mużewijiet fejn dawn il-fdalijiet bdew jiġġemmgħu, ħadet spinta tajba. Fl-aħħar, l-istejjer tal-Bibbja bdew jinstabu barra l-kotba bibliċi nnifishom; saħansitra bliet imsemmija fil-Bibbja bdew jinkixfu minn dawk l-esploraturi imperjalisti li bdew imorru armati kemm bil-fondi kif ukoll bil-metodi, fil-bidu biss b’kurżità għall-antikwarjat, u ftit wara b’tifsil iktar xjentifiku. Il-Bibbja, għal ħafna, issa kellha konferma storika. Sakemm fl-1902, ġewwa l-Berliner Singakademie, il-Professur tal-Assirjoloġija fi ħdan l-Università ta’ Berlin, Friedrich Delitzsch — li kien waqqaf id-Dipartiment tal-Lvant Nofsani Qadim ġewwa l-Mużew Irjali ta’ Berlin — ta taħdita kontroversjali immens li fiha stqarr li, wara ħafna studju tal-kitbiet mill-Mesopotamja, kien wasal għall-konklużjoni li r-reliġjon tal-Lhud u l-istejjer tat-Testment il-Qadim kellhom storja bikrija, u li kellhom prekursuri fil-Babilonja. Din it-taħdita bl-isem “Babel und Bibel” kienet qajmet kjass sħiħ fiċ-ċrieki akkademiċi, speċjalment fost it-teologi ta’ dak iż-żmien u dawk li bdew jirriċerkaw l-istorja tal-Mesopotamja, illum magħrufa iktar bħala l-Iraq tal-Qedem. Dan id-dibattitu ħoloq konfużjoni sħiħa rigward l-oriġinalità tar-rakkonti bibliċi: it-teologi, fuq naħa, isostnu li l-istejjer huma minnhom, u l-Assirjologi, fuq in-naħa l-oħra, jippruvaw juru li r-rakkonti bibliċi kienu ġejjin minn rakkonti ħafna eqdem dwar l-allat ta’ Sumer u tal-Babilonja.

Hekk kif Smith temm id-diskors tiegħu dwar ir-rakkont tad-dulluvju, il-Prim Ministru Gladstone, preżenti fl-udjenza x’aktarx mhux biss bħala mexxej tal-pajjiż iżda wkoll bħala studjuż tal-Latin u l-Grieg u li kien diġà ppubblika xogħlijiet fuq Omeru, qam jitkellem u stqarr li s-silta tad-dulluvju kienet importanti mhux biss għal dawk li kienu qed ifittxu xi konferma tal-istoriċità tal-kotba bibliċi minn sorsi barra l-Bibbja nnifisha, iżda anki għal dawk li kienu qed jippruvaw isibu t-tradizzjonijiet li kienu wasslu biex Omeru kiteb il-ġrajjiet tal-Ilijade u l-Odissea. Gladstone żied jgħid li l-eroj tar-rakkont, re tal-belt qadima ta’ Uruk fin-Nofsinhar tal-Iraq, x’aktarx huwa l-prototip ta’ Erkuli.

Is-silta tad-dulluvju — li għandha xebh kbir ma’ dik iktar magħrufa tal-Bibbja — kienet instabet fir-rakkont ta’ Gilgamex u l-għemejjel tiegħu. Gilgamex kien ir-re semileġġendarju ta’ Uruk. Fil-fatt, għadu mhux magħruf jekk kienx hemm persunaġġ storiku li madwaru ntiseġ ir-rakkont u li maż-żmien beda jingħata karatteristiċi kważi divini. Ir-rakkont huwa miktub fuq tnax-il maduma, però n-narrattiva tinqasam f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, Gilgamex u sieħbu Enkidu jiġġieldu ma’ Ħumbaba u l-Barri tal-Ġenna u f’dil-ġlieda Enkidu jmut; it-tieni parti tirrakkonta l-ivvjaġġar ta’ Gilgamex sat-truf tad-dinja biex jikseb il-ħajja ta’ dejjem u ż-żjara li jagħmel lil Utanapixti, li salva mid-dulluvju u li issa kiseb l-immortalità. Għalkemm Gilgamex ma jirnexxilux jikseb dak li ried, jerġa’ lura Uruk mexxej aħjar. Il-Gilgamex huwa wkoll rakkont li jieħu l-qarrejja ġo foresti msaħħra u ibħra qliel, u jġegħelna naħsbu fuq il-pjaċir li jġibu magħhom l-ikel, is-sess, ix-xorb, u l-ħbiberija. Ilaqqagħna wkoll ma’ għadd ta’ nies f’forma ta’ skorpjuni u xadini, ma’ barri d-daqs ta’ belt sħiħa u mal-qaddejja tal-allat fil-ħanut tax-xorb fejn imorru għall-qatra.

Ir-rakkont tal-Gilgamex beda jinstab fuq mijiet ta’ biċċiet tal-fuħħar maħruġa mit-terrapien tal-Iraq. Nafu bir-rakkont tal-Gilgamex għax fil-qedem kien hemm żewġ kuntesti li fihom dan ir-rakkont żgur kien magħruf. L-ewwel kien l-iskola tal-kitba fejn uħud setgħu jmorru biex jitgħallmu s-sengħa tal-kitba. Waqt l-apprentistat tagħhom, il-kittieba kienu jitgħallmu s-sinjali Kunejformi billi jikkupjaw siltiet mill-ġrajjiet ta’ Gilgamex. Dan kien iseħħ kemm fil-bidu tal-apprentistat tagħhom kif ukoll lejn it-tmiem. Jiġifieri, it-test tal-Gilgamex kien jiġbidhom lejn il-karriera ta’ kittieba u kien ikun ta’ sodisfazzjon kbir ġaladarba jispiċċaw bil-kapaċità li jiktbu t-test u jużaw is-sinjali kollha tiegħu. Biss, però, kien hemm raġuni oħra għala kien jintuża l-Gilgamex u mhux test ieħor: għal min ried iħejji għall-karriera ta’ kittieb tal-Kuruna, u għal dawk li riedu javvanzaw u jilħqu studjużi konsulenti tal-Kuruna — ummanu — l-għarfien tal-Gilgamex kien indispensabbli. L-istudjużi li kienu jaħdmu fl-apparat burokratiku tal-Kuruna kienu jieħdu magħhom it-tagħlim kemm tar-rakkont kif ukoll tal-kummentarju dwaru, speċjalment dawk il-kitbiet li kellhom x’jaqsmu mar-rakkont bħala riflessjoni fuq it-tmexxija tal-komunità.

It-tieni kuntest li minnu nafu din il-ġrajja huwa l-librerija rjali ta’ Axxurbanipal li nstabet fil-belt qadima ta’ Ninwè, viċin tal-belt ta’ Mosul fl-Iraq. Axxurbanipal kellu, f’din il-kollezzjoni, eżemplari diversi tar-rakkont, però nafu li l-edizzjoni bil-Babilonjan Standard kienet recherché ħafna.

Li l-palazz ikollu kopji tal-Gilgamex huwa fattur ta’ ċertu reżonanza. Meta l-bużnannu ta’ Axxurbanipal, Sargon II (bl-Akkadi Xarru-kin), inqatel fil-gwerra u ġismu ma nstabx, l-ogħla studjuż tal-Kuruna — ċertu Nabu-zupup-kenu, imnissel minn dinastija ta’ studjużi mqabbdin ħafna — kien ikkonsulta t-tnax-il maduma tal-Gilgamex għat-tifsira ta’ dan l-avveniment. Peress li r-realtà għall-istudjużi tal-Lvant Nofsani tal-qedem kienet waħda mantika, id-dinja għal Nabu-zupup-kenu u sħabu kienet tippreżenta sinjali li kellhom jiġu deskritti, klassifikati, analizzati, u miġbura f’kollezzjonijiet ta’ kitba. Is-sinjali, bħala manifestazzjonijiet astrali jew bħala tikek fuq il-fwied tan-nagħaġ, kienu jinqraw minn aruspiċe — dak li bl-Akkadi jissejjaħ baru, espert tad-divinazzjoni — waqt ir-ritwal tal-estispiċju. Skont it-tnax-il maduma tal-Gilgamex, għall-inqas hekk kif ġiet interpretata minn Nabu-zupup-kenu, it-telfa tal-ġisem ta’ Sargon u, konsegwentament, il-fatt li l-ġisem irjali ma setax jieħu r-riti tal-mewt u d-difna, kienu sinjal li l-allat stmerrew il-Kuruna tal-Assirja. Dan kien kważi mistenni minn ċerti nies li kienu midħla tal-Palazz. Dan x’aktarx għax kienu jafu b’konfoffa ta’ ewnuki u gvernaturi provinċjali li, biex Sargon — li x’aktarx kien minn linja rjali sekondarja — jieħu t-tron, kienu qanqlu gwerra ċivili. Il-werriet tal-imperu, Senakkerib, tant ħadha bi kbira li qabad l-apparat imperjali kollu u telaq mill-belt ġdida ta’ Dur Xarrukin, mibnija minn missieru li bilkemm kien laħaq għex fiha, u reġa’ lura lejn il-belt kemxejn tradizzjonali ta’ Ninwè. F’Ninwè nstabu l-aħjar eżemplari tat-test tal-Gilgamex, miktubin bil-Babilonjan Standard.

Ir-rakkont tal-Gilgamex għadu ma nstabx kollu, però nafu biċċa minnu sew, biżżejjed biex inkunu nafu l-ġrajjiet ewlenin u f’ċertu dettall. Ir-rakkont sħiħ huwa mifrux fuq tnax-il maduma, u kull waħda tista’ titqies bħala kapitlu għalih. L-aħħar sejba ta’ framment sinifikanti ġiet f’idejn Farouk Al-Rawi fl-2011, u nxtrat mill-Mużew Suleimanija fil-ġuriżdizzjoni tal-Gvern Reġjonali Kurd. Illum tinsab f’dan il-mużew bin-numru T.1447.

Tul il-ħajja tiegħu fil-qedem, ir-rakkont ma kienx magħruf b’isem il-protagonist iżda bl-incipit, l-ewwel kliem tal-ftuħ: šá naqba imuru (“dak li ra l-qiegħ”). Illum, għall-konvenjenza, jissejjaħ bl-isem tal-protagonist. Il-Gilgamex ġie tradott f’ħafna lingwi, biss it-traduzzjoni l-iktar magħrufa hija dik filoloġika ta’ Andrew George, li ġabar, għaqqad, u editja dan ir-rakkont. Dan l-aħħar, il-Gilgamex ġie tradott poetikament u b’kummentarji minn Sophus Helle mal-Istamperija tal-Università Yale. Helle jiffoka x-xogħol tiegħu, apparti t-traduzzjoni nnifisha, fuq ir-riċezzjoni moderna, speċjalment akkademika, tar-rakkont. Isemmi, fost oħrajn, il-qari tal-Gilgamex minn perspettiva tat-tfittxija għall-ħajja ta’ dejjem, it-telf ta’ persuni maħbubin, l-imħabba bejn żewġt irġiel — possibbilment anki fuq livell omoerotiku — il-femminiżmu, u l-ekoloġija. Helle jiddeskrivi r-rakkont bħala wieħed ta’ enerġija sfrenata u riflessjoni sobrja. Il-protagonist jaf ikun bla rażan, imma r-rakkont huwa melankoniku, riflessjoni twila fuq il-mewt, fuq il-piż li ġġib magħha l-ħajja fil-komunità. 

F’din il-ġrajja, Gilgamex qatt ma jasal ikun eroj; fil-fatt, dan huwa rakkont ta’ kif qatt ma jirnexxilu jsir. Il-bini u t-turija tal-maskulinità wkoll jilagħbu parti kbira fil-persunaġġ ta’ Gilgamex. Gilgamex mhux dak l-eroj virili li twegħedna n-narrattiva qabel jibda kollox: meta jirbaħ il-ġlieda ma’ Ħumbaba, jirnexxilu għax tgħinu ommu, Ninsun. Nispiċċaw narawh jgħannaq, jingħi, jinkwieta, joħlom, u speċjalment jibki t-telfa tal-maħbub tiegħu iktar milli jiġġieled. Iqatta’ ħwejġu u jilbes il-ġilda ta’ annimal; jolfoq bħal iljunissa li għadha kif tilfet iż-żgħar tagħha. Minħabba f’dan, Helle josserva li Gilgamex iħawwad u joftoq il-ġeneru tal-epika.

Fi kliem ieħor, għal Helle, Gilgamex inkiteb fi stil li huwa jiddeskrivi bħala “mhux-eżatt-epika” u dan l-istil joħloq ġeneru kważi għalih innifsu, “playful” imma li jiflaħ iġorr it-toqol tar-riflessjoni fuq il-mewt, tal-kritika lejn is-soċjetà li fih inkiteb, u ta’ ħsieb kumpless madwar kriżijiet ta’ dimensjoni apokalittika. Fl-istess ħin, tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li l-Gilgamex inkiteb ħafna qabel l-epika klassika u għalhekk jista’ jkun anakronistiku li jitkejjel b’xiber li ma kienx għadu nħoloq.  

Kemm l-Akkadi, kif ukoll il-kitba Kunejformi, għadhom aljeni għal ħafna nies, saħansitra għal dawk li diġà jafu xi ħaġa fuq dawn il-ġrajjiet. Hemm ukoll il-fatt li ħafna mill-kitbiet tal-ewwel deċennji wara s-sejba tal-frammenti li jikkostitwixxu l-Gilgamex saru bil-lingwi tal-istudjużi nnifishom, jiġifieri bl-Ingliż, prinċipalment, jew bil-Franċiż u l-Ġermaniż. Il-kanonu tar-riċezzjoni tal-Gilgamex huwa bl-Ingliż, u ħafna mit-terminoloġija li tintuża kważi universalment hija traduzzjoni ta’ termini lessikali bl-Ingliż li ntużaw minn Smith ’il quddiem. Eżempju ċar ta’ dan huwa t-terminu bl-Akkadi ṭuppu. Hawnhekk, l-Ingliż għandu l-kumdità tal-kelma “tablet” li nzertat konvenjentament viċin biżżejjed għax bisillabika u fiha kważi l-istess ħsejjes. Il-Malti għandu l-kelma “tavla” li taqdi l-istess bżonn. Il-problema ta’ tavla hija d-dimensjoni. Tavla ġeneralment tirreferi għal ġebla bil-wiċċ u l-qiegħ illixxati, però ta’ ċertu dimensjoni, u ċertament mhix magħġuna minn fuħħar niedi. Żgur mhix xi ħaġa li titqiegħed fil-pala tal-id. 

Fl-1974, Gilgamex wasal Malta, jew kif stħajjel Pawlu Montebello, l-ewwel traduttur tar-rakkont, Gilgamex u Enkidu “saru Maltin. Montebello sejjaħ din l-ewwel traduzzjoni fil-Malti tal-istorja Mesopotamika Għemejjel Gilgamex u ddedika din il-pubblikazzjoni lil Dom Mintoff li, fil-ġieħ poetiku qasir fl-ewwel paġna tal-ktieb, isejjaħlu “il-mexxej qalbieni” tal-ħaddiema u ta’ Malta ġdida, kif ukoll “għaref bennej ta’ artna, żmienna u ġensna. Fost il-kliem ta’ tifħir, Montebello jsellem ukoll lil Mintoff billi jqabbel ix-xogħol tat-traduzzjoni tiegħu u l-għaqda ta’ “qlub, fehmiet, u ħidma” ma’ dawk ta’ Gilgamex u Enkidu.

Biex nimxu mal-loġika ta’ Montebello u ma’ ta’ F. Calleja “tal-Alġier” qablu, meta Gilgamex u Enkidu waslu Malta, suppost ma ħassewhomx bħal ħuta barra mill-ilma; wara kollox, iż-żewġ kittieba insistew ħafna fuq il-wirt tal-Kangħanin fil-Mediterran, speċjalment fil-lingwa Maltija. Fil-fatt, Montebello, bla ebda eżitazzjoni, jikxef fid-daħla tal-ktieb it-tama tiegħu li Gilgamex, il-protagonist ta’ din il-ġrajja, iħossu komdu u “f’daru” fost il-Maltin li magħhom jaqsam l-ilsien Kangħanit. Biex ikompli jibni fuq din l-idea ta’ wirt Kangħanit, jew forsi biex il-protagonist tiegħu jħossu iktar at home, Montebello jissokta jistaqsi jekk il-Maltin humiex fil-fatt imnissla mill-istess nies ta’ Gilgamex — “nies minn ta’ niesu” — li mill-Anatolja (illum it-Turkija) jew mis-Sorija (Sirja) kienu l-ewwel nies li waslu Malta u ħallew ilsienhom u l-użanzi hawn. L-istess ilsien li, f’metafora bellistika u antimperjalista, Montebello jgħid li l-ebda qawwa barranija qatt ma għelbet.

Biex Montebello jġib fil-Malti l-għemejjel ta’ Gilgamex, uża bħala sors it-traduzzjoni fl-Ingliż ta’ Nancy Katherine Sanders, arkeologa tal-preistorja li studjat l-Università ta’ Oxford ma’ Gordon Childe, iżda li ħadmet bħala riċerkatriċi u kittieba indipendenti. Sanders għamlet sintesi mill-frammenti tat-tnax-il maduma li kienu nstabu sa dak iż-żmien. Ix-xogħol tagħha kien ippubblikat mill-Penguin Classics u sal-1974 kien intebagħ tmien darbiet. Montebello mexa mat-traduzzjoni tagħha biex iżomm qrib kemm jista’ jkun tal-espressjoni u l-intenzjoni tal-kittieba Sumeri u Akkadin li fasslu dan ix-xogħol fl-Iraq tal-Qedem. Fil-korrispondenza tiegħu ma’ Sanders, Montebello kien għarrafha li se jaqleb l-għemejjel ta’ Gilgamex għall-Malti, u milli jidher fit-tweġiba tagħha, kien għaddielha xi tagħrif dwar il-lingwa Maltija u l-profil Semitiku tagħha. Fil-fatt, Sanders irrispondiet bi kliemu stess, milli jidher, kliem li hu uża fid-daħla tal-ktieb: “It is particularly good that it should make the return trip ‘home,’ as it were, to another semitic language, and such an interesting one.

L-idea li Gilgamex isib ruħu f’daru fil-kultura u l-lingwa Maltija ma bdietx b’Montebello. Bejn l-1899 u l-1915 Alfons Maria Galea ppubblika sensiela bl-isem Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien. Fl-1913 kien ħareġ in-numru 130 ta’ din is-sensiela bl-isem Kif l-Għerf tal-Kangħanin Tnissel fil-Griegi, miktub minn F. Calleja “tal-Alġier. Kemm kienet tajba t-tixrida ta’ dan il-ktieb ma tantx huwa ċar; li nafu hu li ma kienx hawn ħafna kopji għall-bejgħ għax Calleja kien ħallas għall-pubblikazzjoni minn butu. B’hekk, id-drittijiet tal-awtur ġew f’idejh u l-kotba kien ħadhom kważi kollha għalih, ħlief xi 500 li ħalla għall-bejgħ. Galea kien insista li min irid iġemma’ n-numri kollha ma jinfardulux. (Dawn il-volumi kienu popolari immens u wħud mill-iktar popolari fosthom inbiegħu minnhom sa 5 000 kopja.) Diġà, f’din il-pubblikazzjoni bikrija, Calleja kien beda diskors kritiku dwar il-protagoniżmu tal-kulturi Griegi u Rumani qodma fid-diskors tal-wirt kulturali tal-Punent, kritika li sal-lum il-ġurnata għadha mhux biss rilevanti iżda wkoll irriżolta.

Dan ta’ Calleja ma kienx diskors politikament jew kulturalment newtrali. Wara l-idea tat-tfittxija għall-identità Maltija fost il-frammenti mnaqqxin bil-kitbiet tal-Kangħanin u l-Mesopotamiċi, kien hemm ix-xaqlib politiku li informa l-kostruzzjoni tal-identità. Fuq naħa kien hemm nies bħal Fortunato Mizzi li kienu ilhom isostnu li l-Maltin kienu Taljani bħala razza u li t-tagħlim tat-Taljan seta’ jwassal biex il-Maltin jagħrfu lilhom infushom, u b’hekk iwarrbu l-lingwa Maltija li għalihom kellha wisq wirt Għarbi, u jwarrbu wkoll il-lingwa Ingliża biex irażżnu l-ħakma imperjalista fuq il-gżira. Fuq in-naħa l-oħra kien hemm dawk, bħal Sigismondo Savona, li kienu kontra l-idea tal-identità Taljana tal-Maltin. Fl-1880, jiġifieri sena wara li Savona bagħat ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-għalliema biex jibdew il-lezzjonijiet tal-qari bil-Malti fl-iskejjel, twaqqfet ix-Xirka Xemia — “Società Semitica” — bl-ideat tagħha għall-ortografija fonetika tal-Malti (b’tibdil fejn, pereżempju, il-“j” ħadet post il-“g” u allura “giolgiol” ta’ dari kienet saret “joljol”). Annetto A. Caruana, id-Direttur tal-Edukazzjoni li ħa post Savona, neħħa din l-ortografija fl-1888 biex jerġa’ jpoġġi l-alfabett tal-Accademia Filologica Maltese, li b’hekk reġa’ ġie bħalma kien daħal għal ftit fl-1882. Dan kollu, però, kien qed isir bħala sforz biex it-tagħlim jimxi wkoll lejn dawk tal-klassijiet “baxxi”. F’rapporti dwar iċ-ċensiment tal-1891, Napuljun Tagliaferro sejjaħ il-Malti “a semitic dialect intermixed with thousands of words of aryan origin”. F’din it-taqtigħa, Calleja kien poġġa ruħu fuq ix-xaqliba tal-Malti Semitiku, u b’hekk beda jħares lejn il-Lvant Nofsani biex isib il-wirt li minnu setgħet tinbena identità Semitika storika għall-poplu Malti u l-ilsien tiegħu. 

Calleja ħares lejn in-narrattivi tal-Punent dwar l-eqdem kulturi u sab ruħu wiċċ imb wiċċ mad-diskors li jmidd il-Griegi u r-Rumani fuq l-eqdem saffi ta’ kultura u lingwa. Tenna wkoll li għalkemm il-kultura tal-Kangħanin kienet ħafna eqdem minn dik tal-Griegi u r-Rumani, u li l-mera tagħha “kienet tlellex minn kull dija miż-żminijiet l-aktar imbiegħda, ftit huma dawk li kellhom xi tagħrif dwarha. Huwa lment li għadu jinstema’ sal-lum, saħansitra f’kitbiet Assirjoloġiċi tas-seklu 21, fejn storiċi tal-Iraq tal-Qedem li jistudjaw il-kulturi Kunejformi spiss jikxfu l-ossessjoni mqarrqa bil-klassiċiżmu Grieg bħala l-ġenesi tal-istorja tal-kulturi tal-Punent. F’dawn l-istrutturi ta’ ħsieb, il-Griegi tal-qedem ma kellhom l-ebda wirt mill-Mesopotamja iżda kienu huma li bdew l-espressjonijiet kulturali li fuqhom inbena l-prodott artistiku, letterarju, xjentifiku, eċċ. li għandna magħna llum. Mhux dejjem ċar jekk dan kienx sforz ovvju u konxju biex jitħassar il-wirt tal-kulturi Kunejformi mill-istorja tal-Punent. Seta’ kien riżultat tal-għażż f’wiċċ il-kumplessità tal-lingwa Akkadija, kif ukoll sforz in-nuqqas ta’ metodi li bihom jeżaminaw l-ikonografija preklassika tal-Babilonja u l-Assirja. Dan ħalla lil ċerti Maltin li xtaqu jifhmu l-isfond Semitiku tagħhom, ċjoè l-isfond Semitiku pre-Iżlamiku, iltiema kulturali. U lanqas setgħu jduru lejn studjużi Għarab għax dawn ftit li xejn kellhom ħajra jagħtu attenzjoni akkademika jew intellettwali lill-fdalijiet pre-Iżlamiċi. Huwa f’dan il-kuntest li kliem bħal dak ta’ Calleja jġorr iktar piż u jkollu iktar reżonanza. Calleja kiteb dan waqt li l-identità Maltija kienet għadha qed tissawwar, u fi żmien fejn, biex issawwar l-identità ta’ ġens, ridt iddur lejn il-passat u tiskava kull espressjoni biex tikxef il-kontinwità

Calleja, bħal studjużi u kittieba oħrajn fil-bidu tas-seklu għoxrin f’Malta u fi bnadi oħra, ftit li xejn kellu pubblikazzjonijiet li seta’ jikkonsulta dwar ix-xogħol li kien qed isir kemm fuq skavi arkeoloġiċi fl-Iraq u l-inħawi tiegħu, kif ukoll f’xogħol filoloġiku ta’ tgħaqqid u traduzzjoni. Ħafna mill-isforz li kien sar minn nofs is-seklu dsatax sal-bidu tas-seklu għoxrin kien dak ta’ tfittix fil-biċċiet ta’ madum tal-fuħħar għal siltiet jew ismijiet li kienu jinġiebu fil-Bibbja. L-Assirjoloġija kienet għadha suġġett bla definizzjoni ċara. Ħafna mix-xogħol li kien qed isir kien qed jintuża biex jintwera, kważi xjentifikament, li l-Bibbja ma kinitx ħrafa iżda li l-artijiet u n-nies imsemmija setgħu jiġu kkorroborati, kemm ma’ fdalijiet bħal dawk tal-belt ta’ Ninwè u ta’ Nimrud, kif ukoll ma’ kitbiet Kunejformi li jsemmu persunaġġi bħar-Re Senakkerib. Fl-istess ħin, il-Louvre Pariġi u l-British Museum Londra kienu qed jibnu l-kollezzjonijiet u l-identità tagħhom bħala repożitorji ta’ materjalità universali, u ħafna mis-sejbiet ittieħdu lejn dawn il-bliet minnufih. Peress li t-tellieqa għall-iktar sejbiet spettakolari seħħet b’regħba u għaġla, u peress li l-antikwarjat ma kienx għadu żviluppa f’arkeoloġija xjentifika msawra fuq l-istratigrafija, il-kuntest ta’ ħafna mis-sejbiet ma ġiex ippreservat; mingħajr il-kuntest, is-sejba ftit li xejn trendi informazzjoni utli għat-tifsir tagħha. Il-filoloġija, b’hekk, ingħatat post ewlieni fl-Assirjoloġija minħabba l-fatt li dawn il-frammenti setgħu jiġu studjati għall-aspetti lingwistiċi tagħhom. Fl-ewwel deċennji tal-Assirjoloġija ftit li xejn seta’ jkun magħruf dwar il-kuntest tal-produzzjoni ta’ dawn it-testi li kienu qed jinbeżqu mill-art nixxiefa tal-Iraq eluf ta’ snin wara li nkitbu.

Fost dawn il-frammenti, fl-1872, reġa’ tfaċċa, għall-ewwel darba wara eluf ta’ snin, Gilgamex fi ġrajja minquxa fuq biċċiet ta’ fuħħar.

Gilgamex huwa x’aktarx l-uniku persunaġġ mil-letteratura tal-Lvant Nofsani Qadim li huwa magħruf fuq livell popolari. Fil-fatt, ħafna għandhom l-impressjoni li l-Gilgamex huwa l-uniku xogħol letterarju li qatt inkiteb jew li nafu bih mid-dinja tal-Mesopotamja. Ħafna mill-ftit Assirjologi li hawn fid-dinja jersqu lejn l-istudju tal-Mesopotamja minħabba Gilgamex, spiss biex jaqraw il-ġrajjiet tiegħu bl-Akkadi, għax din il-lingwa tħaddan id-djaletti tal-Assirja u l-Babilonja. Ħafna huma dawk li jaħsbu li l-ġrajja nstabet kollha, li għandna llum kull framment li hemm bżonn biex ngħaqqdu t-tifrik flimkien u naqraw il-Gilgamex mingħajr lakuni u interruzzjonijiet. Fortunatament, dan mhux minnu u minħabba dan, il-Gilgamex m’għandux it-toqol, u forsi l-għeja, li għandhom stejjer Griegi bħall-Ilijade u l-Odissea, li ma ntesew qatt, li qatt ma kellhom il-bżonn li jiġu misjuba u mgħaqqda, li minn dejjem inqraw u ġew studjati u li llum jiġu għandna mhux biss bħala stejjer imma wkoll bħala fenomeni kumplessi ta’ riċezzjoni. Biss, għalkemm il-Gilgamex għandu storja ta’ riċezzjoni qasira meta mqabbla ma’ tal-klassiċi Griegi jew Rumani, qabel għeb fil-qedem kellu ħajja twila ferm. Fil-fatt, sakemm wasal fil-verżjoni l-iktar magħrufa, jiġifieri dik bil-Babilonjan Standard, kellu ġrajja ta’ riċezzjoni kumplessa ħafna, b’ħafna varjanti tar-rakkont u verżjonijiet f’minn tal-inqas erba’ lingwi u bosta djaletti. 

Il-Gilgamex mhuwiex biss storja iżda huwa wkoll artefatt; primarjament huwa materja arkeoloġika. Il-kitba fil-Mesopotamja bdiet f’nofs ir-raba’ millennju Qabel l-Era Komuni biex taqdi eżiġenzi ekonomiċi. Jiġifieri biex iżżomm bil-miktub — timmaterjalizza — tranżazzjoniijiet bejn aġenti agrarji rigward djun u kummerċ agrikolu jew biex iżżomm rekord ta’ dak li ngħata lit-tempju u mingħand min. Dan biex l-applikanti u l-benefiċjarji ta’ kontijiet ikollhom memorja tat-tranżazzjoni. Dawn it-tranżazzjonijiet tniżżlu fuq biċċiet ta’ fuħħar magħġun f’forma ta’ maduma li toqgħod fil-pala tal-id, u li l-wiċċ u t-taħt tagħha kienu llixxati biex joħolqu spazju fejn setgħu jiġu minquxa s-sinjali li llum insejħu Kunejformi. Eluf fuq eluf minn dawn il-madumiet żgħar tat-tafal illum għadhom ġo repożitorji ta’ mużewijiet u libreriji mxerrdin mad-dinja kollha jistennew li jiġu tradotti fil-lingwi moderni tagħna. 

L-ewwel lingwa li ġiet miktuba bit-tinqix Kunejformi kienet is-Sumeru; iżda meta daħlu l-Iraq l-ewwel nies li kienu jitkellmu l-ilsien Semitiku (l-Akkadi) intebħu mill-ewwel bl-użu tat-teknoloġija tal-kitba u bdew jużaw is-sinjali Kunejformi biex jiktbu l-ilsien tagħhom. Għalkemm kienet sistema ta’ kitba li ma kinitx żviluppata biex taqdi l-bżonnijiet ta’ lsien u ħsieb Semitiku, il-Kunejformi — bħal pereżempju l-kitba Latina li tintuża biex jinkitbu lingwi differenti bħall-Franċiż, l-Ingliż, il-Finlandiż, eċċ. — ġiet adattata għal dan il-bżonn u tul il-kronoloġija sħiħa bejn ir-raba’ millennju QEK u l-ewwel għexieren ta’ snin tal-Era Komuni, l-Akkadi kien għadu qed jinkiteb b’din it-teknoloġija. Kull maduma tal-fuħħar li fuqha hemm il-kitba Kunejformi hija artefatt u ġeneralment tiġi meqjusa tali minn kull Assirjologu. Ġeneralment fuq kull eżemplar jitniżżlu wkoll, b’linka sewda u kitba kważi mikroskopika, tags bħan-numru fil-mużew, eċċ.

F’nofs is-seklu dsatax, meta l-Iraq kienet miżgħuda b’residenti mill-Imperu Ottoman, kif ukoll ambaxxaturi, esploraturi, merkanti, u spiji Franċiżi u Ingliżi, fl-Ewropa, il-British Museum u l-Louvre kienu f’tellieqa ma’ xulxin biex jgħammru l-eżibizzjonijiet universali tagħhom. Fosthom, fl-Iraq kien hemm Paul-Émil Botta, Franċiż, u Austin Henry Layard, Ingliż. L-interess tagħhom li jsibu d-dinja tal-Bibbja mmaterjalizzata fil-fdalijiet moħbija taħt saffi ta’ terrapien wassalhom biex jibdew iħaffru. Ngħidu jħaffru iktar milli jiskavaw għax, kif għedna, l-arkeoloġija kienet iktar antikwarjaniżmu qabel bdiet tuża metodi xjentifiċi u stratigrafiċi. It-tnejn li huma żvelaw il-bliet ta’ imperi qodma, bħal Ninwè u Khorsabad, u kkonfermaw li għall-inqas partijiet mill-istejjer bibliċi kellhom bażi storika. Is-sejbiet fil-palazzi tal-Imperi ntbagħtu biex jimlew is-swali tal-mużewijiet tal-Punent bħala wirja tal-intrapriża kolonjali, speċi ta’ introjtu kulturali ġustifikat għaliex il-poplu tal-Lvant Nofsani, fl-immaġinarju kolonjalista, ma kellu ebda ħajra li japprezza l-materjalità taċ-ċiviltajiet qodma. Din il-ġustifikazzjoni ta’ serq ta’ patrimonju estendiet għal dik imxerrda minn istituzzjonijiet Brittaniċi u Franċiżi li għadhom jgħidu li l-esibizzjonijiet tagħhom huma universali, li l-impatt iġġenerat minn wirjiet ġo bliet ċentrali huwa ħafna ikbar milli kieku l-artefatti baqgħu fil-pajjiż oriġinali, u li qed jinżammu ’l bogħod minn perikli ta’ gwerra u f’ambjenti klimatiċi tajbin għall-preservazzjoni. Il-madum tat-tafal bil-kitbiet Kunejformi, kif ukoll id-dekorazzjonijiet ta’ bassoriljev u materjalità oħra, huma miżmuma flimkien u jikkostitwixxu s-sorsi primarji li minnhom l-Assirjologi jiktbu l-istorja tal-Mesopotamja. Illum, qed isiru wkoll proġetti biex ikun hemm, għall-inqas, aċċessibbiltà online għalihom, xi kultant dettaljata ħafna kemm rigward id-definizzjoni ottika kif ukoll rigward referenzi għal studji.

Fost is-sejbiet spettakolari ta’ Layard kien hemm il-palazz fit-Tramuntana taċ-ċittadella ta’ Kujunjik ġewwa Ninwè, ħarira ’l bogħod minn Mosul. Dan il-palazz kien irrinovah Axxurbanipal, il-mexxej tal-Assirja fis-seklu sebgħa QEK. Axxurbanipal huwa magħruf għaċ-ċikli viżivi tal-kaċċa rjali tal-iljuni ġol-arena fil-belt ta’ Ninwè. Huwa ma kienx magħżul biex isir re; kien intbagħat jistudja biex isir qassis fit-tempju ta’ Nabu, l-alla tal-kitba fil-Panteon Assirjan. Għalkemm mhux magħruf eżattament għaliex, Axxurbanipal kellu l-ambizzjoni li jgħaqqad librerija sħiħa bil-kitbiet tal-istudjużi ta’ żmienu u ta’ dawk li fi żmienu kienu diġà saru “klassiċi”. Insibu wkoll istruzzjonijiet mibgħuta lill-aġenti tiegħu biex isibulu testi rari ħafna u li ma kienx hemm għadd kbir ta’ eżemplari tagħhom. Dawn l-aġenti kienu speċjalizzati, iduru bejn belt u oħra jqallbu fost il-kollezzjonijiet ta’ kitbiet. Mis-sebgħinijiet ’l hawn, fl-Assirjoloġija nsejħu din il-kollezzjoniil-librerija ta’ Axxurbanipal, però għandna nżommu f’moħħna li dak iż-żmien dawn il-kitbiet kienu miżmuma f’bosta postijiet imxerrdin mal-belt u mhux f’repożitorju wieħed. Li l-kitba kienet ta’ preġju kbir nafuh mill-organizzazzjoni tat-Tempju ta’ Nabu fil-belt Assirjana ta’ Nimrud, iċ-ċentru tal-kultura Assirjana fis-seklu tmienja QEK u li baqgħet waħda mill-bliet ta’ kultura għolja tul l-epoka Assirjana kollha. Fin-naħa tan-Nofsinhar tal-kumpless tat-Tempju, fuq ix-xaqliba tal-Punent, instabu żewġ kappelli, waħda ta’ Nabu u l-oħra ta’ Taxmetu, il-konsorti tiegħu. Il-bibien ta’ dawn il-kappelli kienu jħarsu lejn il-Punent u jagħtu għal fuq bitħa interna mikxufa u mdawla. Fuq din ix-xaqliba nstabu kmamar mgħammra b’attrezzi għall-preparazzjoni tal-madum għall-kitba u xkaffar mimlija madum b’kitbiet ta’ kull ġeneru. Kamra minnhom l-esploraturi Brittaniċi sejħulha “Tablet Room”, għaliex fiha nstab numru sostanzjali ta’ madum imnaqqax bil-kitba. B’hekk, l-alla tal-kitba Nabu mill-kappella tiegħu kien iżomm għajnejh fuq il-kittieba u fuq iċ-ċentru tal-kitba ġewwa l-belt ta’ Nimrud. 

Wieħed minn dawn il-kittieba nafu ismu. Għalkemm ħafna mill-kitbiet tal-Mesopotamja huma anonimi, meta l-kultura tal-Assirja kienet waslet fi żmien ta’ produzzjoni kulturali ta’ livell u ta’ kwantità għoljin ħafna, bosta mill-ħassieba u l-istudjużi ta’ dak iż-żmien bdew jagħtu kas tal-persunaġġ wara l-kitba, jiġifieri l-kittieb bħala awtur. F’wieħed mill-katalgi fil-librerija ta’ Axxurbanipal, li fihom l-istudjużi attribwixxew kittieba partikolari għal xogħlijiet magħrufa, hemm imniżżel il-kittieb tal-Gilgamex bħala Sin-leqi-unnenni. F’dan il-kuntest, però, għadu mhux ċert kemm mill-kontenut tal-ġrajja huwa miktub minn Sin-leqi-unnenni nnifsu, u kemm huwa fil-fatt għadd ta’ ġrajjiet ikkupjati u miġburin minnu.

Il-Gilgamex daħal lura fix-xena kulturali Semitika fis-seklu għoxrin, eżattament bħala parti mill-impetu modernista tas-sittinijiet. F’dan il-moviment, il-passat, kif ukoll it-tfittxija tiegħu, servew ta’ punt ta’ riferiment li minnu baqa’ ġej kollox lejna “b’kontinwità splussiva”, fi kliem Taha Yasin Ramadan, il-Prim Ministru tal-Iraq. F’dan iż-żmien tfaċċat fix-xena letterarja t-traduzzjoni tal-Gilgamex fl-Għarbi. L-artist modernista Dia al-Azzawi kellu interess kbir fil-Gilgamex; fil-fatt al-Azzawi kien l-illustratur tat-tieni edizzjoni tal-Gilgamex ta’ Taha Baqir fl-1965. Baqir, li għal żmien kien il-kuratur tal-Mużew Nazzjonali tal-Iraq, kien Assirjologu u arkeologu. Bħala arkeologu kien magħruf għas-sejba tiegħu ta’ corpus ta’ liġijiet minn Eshnunna ġo Tell Abu Harmal, viċin tal-belt ta’ Baghdad. Baqir kien kapaċi ferm jittraduċi mill-kitba Kunejformi Akkadija. Fil-fatt, ittraduċa l-Gilgamex darbtejn, darba fil-ħamsinijiet mill-Ingliż u t-tieni darba mill-oriġinali fl-1965. 

Ftit wara l-kolp militari ta’ Lulju tal-1968, il-Partit Ba’ath Iraqqin beda juri interess fil-kulturi qodma tal-Mesopotamja, ċjoè, fil-kulturi Semitiċi qodma. Għall-bidu dan l-interess kien purament, jew primarjament, kulturali, pereżempju f’festivals li fihom bdew jittellgħu verżjonijiet moderni tar-riti Akkadin tar-rebbiegħa. L-interess fil-politika tal-popli Semitiċi tal-Qedem ġie wara. Għalkemm hemm min isostni li l-interess kien immedjatament ħafna iktar fil-fond minn hekk, donnhom esprimewh biss bħala manifestazzjoni kulturali sabiex ma jitqajmux kontroversji jew biex ma titqanqalx oppożizzjoni, kemm interna kif ukoll minn partiti u mexxejja pan-Arabisti oħrajn. Hawnhekk insibu, pereżempju, interess qawwi fit-tfittxija għall-kontinwità speċjalment fil-mużika, fl-arti viżiva, kif ukoll fl-istejjer. Insibu wkoll il-bini tal-belt imġarrfa u mwaqqgħa tal-Babilonja. Din ir-rikostruzzjoni swiet ’il fuq minn 100 miljun dollaru li ntefqu waqt li l-Iraq kien qiegħed fi gwerra mal-Iran; spiża enormi iżda waħda li l-Partit Ba’ath ried li ssir biex jinħoloq ċentru ideoloġiku ta’ unità identitarja: l-Iraqqini magħqudin f’passat wieħed, fil-belt tal-Babilonja.

Fil-bidu tas-sebgħinijiet, l-Iraq daħħal liġi dwar il-patrimonju antik li biha ma setgħetx tiġi esportata kultura materjali misjuba jew imneħħija mir-radam. Fl-istess ħin, taħt ordnijiet diretti minn Saddam Hussein, l-ambaxxaturi Iraqqini kienu mħarrġin fid-diplomazija kulturali biex jippruvaw ireġġgħu lura lejn l-Iraq l-artefatti Iraqqini mill-mużewijiet universali fil-pajjiżi tal-Punent. Saddam Hussein stess daħal f’negozjati fejn il-kultura tal-Mesopotamja ħadet sehem fit-trattati tal-bejgħ taż-żejt lill-pajjiżi tal-Punent. F’okkażjoni minnhom, fil-fatt, Saddam Hussein ipprova jistaqsi għar-ripatrijazzjoni tal-Kodiċi tal-Ħammurabi mil-Louvre bħala waħda mill-kundizzjonijiet fit-trattati taż-żejt ma’ Franza. Għalxejn.

F’dan il-moviment modernista taħt l-umbrella tal-Partit Ba’ath, l-irkupru tal-kulturi tal-Mesopotamja tal-Qedem kien sar kważi ħaġa ta’ kuljum u kull sena kien jikkulmina f’festival enormi tal-mużika internazzjonali tal-Babilonja. Hawnhekk, fost siltiet ta’ mużika miġjuba minn pajjiżi tal-Punent u drammi mnebbħin minn stejjer tal-mitoloġija Sumera u Akkadija, beda jinstema’ r-rakkont tal-Gilgamex. Tant kien ħerqan il-Partit Ba’ath li joħloq din il-kontinwità mal-qedem, biex jgħaqqad komunitajiet ta’ etniċità, lingwa, u twemmin differenti taħt identità waħda li, kull min għen u ħa sehem fl-irkupru tal-ewwel kulturi Semitiċi, kiseb il-popolarità u profitti enormi fl-oqsma professjonali. X’aktarx dan seħħ minħabba l-fatt li ftit kienu dawk l-intellettwali li għamlu kif kien ilu jgħidilhom l-istat sa mit-tletinijiet, jiġifieri li jagħrfu lilhom infushom bħala Għarab. B’hekk, il-Partit Ba’ath għall-ewwel ipprova kemm felaħ biex iżomm il-Qedem Mesopotamiku ’l bogħod biżżejjed mill-identità Għarbija. Dan għaliex ir-relazzjoni bejn it-tnejn setgħet tkun diffiċli tiġi stabbilita akkademikament. U għaldaqstant seta’ jintilef l-għan tal-kampanja politika tal-Partit li jgħaqqad l-Għarab, il-Kurdi u oħrajn. Biex inkun għedt kollox, kien hemm drabi meta l-Partit ipprova jagħti identità Għarbija lill-popli Semitiċi tal-qedem, anki fil-bidu tas-sittinijiet; però membri tal-Partit intebħu li dan kien se jkun ta’ xkiel jekk riedu li jilħqu l-għan li joħolqu identità waħda, partikolarment fost l-Għarab u l-Kurdi — identità Iraqqina! Il-Partit kien iktar komdu ġaladarba kienet temmet ir-rivolta Kurda fl-1975

Il-Partit Ba’ath irnexxielu jagħġen l-identità Għarbija mal-ewwel nies Semiti tal-Mesopotamja fl-aħħar tas-sebgħinijiet; f’daqqa waħda l-ewwel Semiti saru Għarab meta Saddam Hussein fl-1977 laqqa’ lill-membri tal-Uffiċċju tal-Informazzjoni u ġegħelhom jagħtu ħarsa mill-ġdid lejn l-istorja tal-pajjiż bl-għan ewlieni li jagħrfu l-ewwel Semiti tal-Mesopotamja bħala Għarab. F’dan il-kuntest, bosta kienu dawk li appoġġjaw din id-direzzjoni politika, fosthom anki l-arkeologu Taha Baqir li stqarr li l-isem korrett ta’ dawn l-ewwel nies Semiti huwa Għarab. Uħud komplew jaraw lilhom infushom bħala werrieta tal-benniena taċ-ċiviltà, kif kienet tissejjaħ il-Mesopotamja dak iż-żmien — pajjiżi oħra kienu magħluqa għal proġetti arkeoloġiċi u allura, ħafna drabi, teknoloġiji qodma bħall-kitba kienu nstabu biss ġol-Iraq. Oħrajn żammew ma’ din l-ideoloġija billi internalizzaw l-idea li huma kienu l-werrieta kemm tal-patrimonju kif ukoll tal-karatteristiċi bijoloġiċi tal-ewwel popli tal-Mesopotamja, jiġifieri mhux dawk Semitiċi iżda Sumeri. B’dan il-mod, setgħu jagħrfu lilhom infushom bħala Iraqqini f’dan il-qafas

Fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet kien hemm, voldieri, spinta sħiħa biex din l-idea ta’ kontinwità bejn il-popli tal-Mesopotamja u l-Iraqqini tal-lum tiġi mirquma sew kemm kulturalment kif ukoll ideoloġikament. Fit-teatri ta’ Baghdad, pereżempju, ittellgħu minn tal-inqas sitt drammi differenti li ttrattaw il-kulturi ta’ Sumer u tal-Babilonja. L-iktar importanti fost dawn id-drammi kien hemm il-Gilgamex li ttellgħet erba’ darbiet. L-iktar produzzjoni elaborata kienet dik li ttellgħet fl-anfiteatru Grieg ġewwa l-Babilonja. Il-produzzjoni kellha minn tal-inqas sittin attur u l-udjenza laħqet l-elfejn persuna, ħafna minnhom nies mill-akkwati. Din il-produzzjoni reġgħet ittellgħet is-Sirja fin-naqra żmien ta’ hena li gawdew flimkien l-Iraq u s-Sirja bejn l-1978 u l-1979

Il-wirt tal-Mesopotamja kien parti mill-ideoloġija ta’ “watanija”, jiġifieri l-idea ta’ lealtà lejn stat Għarbi wieħed minflok rabta pan-Arabika; ovvjament, dan ma jfissirx li l-poplu Iraqqin m’għarafx lilu nnifsu bħala Għarbi; anzi! F’dan il-kuntest għaraf lilu nnifsu bħala l-ħolqa li tgħaqqad l-Arabiżmu mal-Iraq bikri: Assir, Babilonjan u saħansitra Sumer. Però, id-dibattitu kien imqajjem sew; nafu li fil-ħdax-il kungress tal-kittieba Għarab tal-1977, Tarrad al-Qubaysi kien qam għall-kittieba bħal al-Sayyab u al-Bayati dwar l-użu ta’ temi meħudin mil-letteratura tal-Assirja u l-Babilonja, u sejjaħ dan il-wirt letterarju aspett tal-wirt Għarbi; però l-kumment ma tħalliex b’xejn minn kritiku ieħor li widdeb li għalkemm dawn il-kittieba wrew li l-lingwa Għarbija hija Semitika, ma kien hemm l-ebda prova li s-Semiti kienu Għarab!

Huwa f’dan il-kuntest ta’ esplorazzjoni politika u identitarja li nistgħu nqiegħdu x-xogħol ta’ Montebello. Konsapevoli tat-tfittxija għall-identità Semitika sa mill-1913, bit-traduzzjoni tal-Gilgamex għall-Malti Montebello pprova jgħaqqad l-identità Maltija mal-identità Semitika li kienet qed terġa’ titqanqal f’diskorsi oħrajn bnadi oħra. Però x’aktarx li l-Maltin kienu wkoll werrieta ta’ dik l-ansjetà kulturali u ideoloġika li ħadet b’ħasda lil ħafna nies fil-Lvant Nofsani, li sforz ċirkostanzi politiċi kellhom jagħrfu lilhom infushom jew bħala “Għarab u Semitiċi” jew inkella bħala “Għarab jew Semitiċi”. F’dawn iċ-ċirkostanzi, kien hemm reżistenza kbira li l-Malti jissejjaħ Għarbi, jew varjant tiegħu; però, ħadd ma qarras wiċċu jiftaħar bil-wirt Semitiku.

Huwa wkoll f’dan il-kuntest politiku u kulturali li bdew jitwaqqfu ħbiberiji ġodda fost il-mexxejja ta’ pajjiżi qrib xulxin fil-Mediterran. Dik bejn Malta u l-Libja hija każ minnhom. Wara tlettax-il sena fl-oppożizzjoni, Mintoff tela’ fil-gvern fl-1971, tliet snin wara r-rivoluzzjoni fil-Libja li kienet ġabet it-tmexxija tal-pajjiż f’idejn il-Kurunell Muammar Gaddafi. F’dak l-istess żmien, peress li l-Kuruna kienet qiegħda tiġġebbed ma’ Mintoff dwar il-kera dovuta lejn Malta biex din tinżamm bħala bażi militari, il-futur ta’ dak l-introjtu ma kienx ċar. Għaxar snin qabel ir-rivoluzzjoni, fil-Libja kienu nstabu riżervi kbar taż-żejt u Gaddafi ma kellu l-ebda ħsieb iżomm lura milli juża dawn ir-riżorsi favur l-ambizzjonijiet politiċi tiegħu, u ma ħarablux il-fatt li kien hemm għaddej dramm postkolonjali prattikament fuq l-għatba tiegħu. Mintoff, min-naħa tiegħu, kien ilu li ta dahru lill-Punent minn meta beda jisfaxxa l-pjan tal-Integration u bdiet il-ħbiberija ma’ Gamal Abdel Nasser, il-President tal-Eġittu. Fl-1960, imbagħad, il-Partit Laburista daħal fl-AAPSO (Afro-Asian People’s Solidarity Organisation) u b’hekk ġab fuqu l-għadab tal-Knisja u l-interdett. L-awtoritajiet Brittaniċi kienu konxji sew ta’ dan kollu. Fil-minuti tal-laqgħa bejn Mintoff, il-Prim Ministru tal-Ingilterra Ted Heath u Lord Carrington tat-23 ta’ Settembru fl-1971, pereżempju, isemmu kif Mintoff, waqt li qed jiddiskuti n-newtralità futura ta’ Malta, kien qed jinsisti magħhom li, jekk jaslu għal ftehim ta’ kera biex iżommu l-faċilitajiet militari tagħhom f’Malta, l-Ingliżi kellhom jintrabtu li ma jużawhomx kontra l-Għarab

Fis-17 ta’ Jannar tal-1972, il-ġurnal Time — leħen emblematiku ta’ kif Malta kienet meqjusa fl-immaġinarju tal-Punent — kien irrapporta li hekk kif l-Ingliżi bdew jitilqu ftit ftit, wasal Malta ajruplan tal-merkanzija tal-forzi armati tal-Libja. L-artiklu semma li fuq dal-ajruplan kien hemm esperti tekniċi li waslu Malta biex l-ajruport ta’ Ħal Luqa jkun jista’ jibqa’ jiffunzjona jekk l-esperti Ingliżi kellhom jitilqu minn Malta. Il-ġurnalisti tat-Time ma tantx niżlitilhom tajjeb din; milli jidher, il-Libja ma kellhiex esperti tekniċi f’dan il-qasam (fil-fatt, il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru fil-Libja kienu Franċiżi jew Eġizzjani). Time sostnew li dawn kienu fil-fatt pulizija armati mil-Libja li kienu nġabu Malta biex jintervjenu f’każ ta’ rewwixta hekk kif l-Ingliżi bdew bil-mod il-mod iparpru ’l hemm. Intqal ukoll, u nafu li hekk ġara, li Gaddafi kien lest li jsellef il-flus lil Malta sakemm din tiġi fuq saqajha biex jagħmel tajjeb għat-telf tal-introjtu mill-Imperu

Gaddafi żar Malta għall-ewwel darba fl-1973. Din kienet l-ewwel fost bosta żjarat fejn Gaddafi, meta tkellem pubblikament, enfasizza l-ġenerożità tal-Libja lejn Malta u n-nisel komuni tal-Għarab u l-Maltin. Gaddafi beda jħajjar lil Malta tħares lejn is-sisien Semitiċi tagħha, biex terġa’ lura fi ħdan il-familja li taqsam magħha l-istess ġenetika kulturali. Is-suġġett Malti, fi kliemu, kien Għarbi mnissel mill-Feniċju Semita.

Huwa f’dan il-kuntest li Malta saret repubblika fl-1974; bil-Malti jitbandal bejn is-Semitiżmu ta’ kliem bħal “mitjar” u “ġnus magħquda”, u l-Malti ta’ ambizzjoni kontinentali bi kliem bħal “ajruport” u “nazzjoni uniti”, tbandil li ma ntilifx saħansitra fl-għaġna tal-identità tal-partiti politiċi. Fl-istess sena, Montebello ppubblika l-Gilgamex bil-Malti, b’dedika lil Mintoff. Il-Gilgamex kellu jkun test ċelebrattiv kemm għall-“mexxej” li ħall il-gżira mill-Imperu, kemm għall-poplu Malti biex jagħraf lilu nnifsu u l-wirt tiegħu f’kontinwità mal-eqdem kultura Semitika, kif ukoll bħala manwal għal riflessjoni politika ta’ twissija kontra l-arroganza fit-tmexxija tal-istat. B’hekk, it-traduzzjoni ta’ dan it-test ġiet strumentalizzata politikament u kulturalment.

Kif ġa għedt qabel, Għemejjel Gilgamex ta’ Montebello huwa traduzzjoni għall-Malti mit-traduzzjoni fl-Ingliż ta’ Sanders. Dan għaliex Montebello ma kellux għarfien tal-lingwi li fihom inkiteb ir-rakkont fiż-żminijiet bikrija tal-Mesopotamja. Minħabba f’dan, jekk l-għan, prinċipali jew ulterjuri, ta’ Montebello kien it-tfittxija għall-għeruq Semitiċi tal-Malti u l-Maltin, din it-tfittxija seta’ jagħmilha biss qalb it-traċċi tal-immaġinarju simboliku Babilonjan li kien fadal fit-traduzzjoni fl-Ingliż — u żgur mhux fil-kitba u l-lingwa nnifisha. Mitluf għalkollox kien il-wirt Akkadi tal-Gilgamex. Tant hu hekk, li Montebello saħansitra sejjaħ il-kitba Kunejformi “kitba musmarija”, x’aktarx minħabba li s-sinjali jidhru qishom imsiemer mimdudin, weqfin jew imxeqilbin fuq wiċċ ta’ tafal iebes, anki jekk dan it-terminu mhux parti mid-diskors tad-dixxiplina tal-Assirjoloġija. Montebello, ukoll, jittraduċi żbaljatament il-kelma “Akkadi” bħala “Għaqqadi”, u b’hekk isostni, mingħajr ebda bażi, li l-etimoloġija ta’ dil-kelma tikxef il-fatt li l-lingwa tgħaqqad il-Babilonjan tan-Nofsinhar tal-Iraq u l-Assirjan li kien użat fit-Tramuntana. Minħabba f’dan, Għemejjel Gilgamex huwa xogħol li jispiċċa jfittex l-identità Maltija fost tematika Semitika li Sanders ippruvat iżżomm fix-xogħol tagħha u fi prosodija Anglosassona ta’ arkeologa Ingliża li ma tirrifletti bl-ebda mod il-prosodija Babilonjana tal-Gilgamex bl-Akkadi. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għaġna ta’ Gilgamex u Enkidu, bħal identitajiet oħra li kienu qed jintgħaġnu f’Malta fis-sebgħinijiet, baqgħet titbandal bejn il-Lvant u l-Punent.

Biex nieħdu eżempju ta’ kemm imur ’il bogħod mill-Akkadi minħabba li qiegħed b’żewġ gradi ta’ separazzjoni mit-test bil-Babilonjan Standard, Montebello jagħti l-ftuħ tal-ewwel maduma hekk:

Dan huwa l-bniedem li minn kollox tgħallem
Dan hu s-Sultan li trufijiet id-dinja
Laħaq. Bil-għaqal tkixxef ħwejjeġ ġodda: 
Ħwejjeġ moħbija ta’ minn qabel l-Għarqa
Ġieb biex jgħallimna. X’safra siefer twila!
Xħin ġie lura, għajjien, mikdud bil-ġiri
Fil-ġebel naqqax dan għemilu kollu.

Il-Malti jġorr xebh intern mal-lingwi Semitiċi l-oħra, mhux biss ma’ dawk tal-Punent — bħall-Għarbi, l-Ebrajk u l-Aramajk — imma wkoll ma’ dawk Semitiċi tal-Lvant, kif il-filologi jikklassifikaw l-Akkadi. Għaldaqstant, meta dis-silta tiġi tradotta mill-Akkadi, il-Malti jiflaħ iżomm qrib kemm fil-bini tal-vers kif ukoll fil-prosodija nnifisha. Bħala eżempju ta’ dan nista’ nġib it-traduzzjoni tentattiva tiegħi tal-ftuħ tar-rakkont, direttament mill-Akkadi, fejn nistgħu naraw kif it-tessitura tiddependi mir-ripetizzjoni u r-riflessjoni interna:

Dak li ra l-qiegħ, is-sisien tal-art 

li kien jaf kollox, kull għerf, 

Gilgamex li ra l-qiegħ, is-sisien tal-art

li kien jaf kollox, kull għerf. 

Fittex il-mexxejja tal-pajjiżi kollha

u tgħallem l-għerf kollu tad-dinja.

Il-mistur, urieh; il-moħbi, kixfu, 

u ġab lura miegħu ġrajja minn qabel l-għargħar.

Wasal lura mill-bogħod, mifni imma moħħu mistrieħ

u niżżel fuq maduma tal-ġebel l-għemejjel kollha tiegħu.

Hekk jidher ċar li, minħabba li mexa fuq il-verżjoni bl-Ingliż ta’ Sanders, Għemejjel Gilgamex ta’ Montebello ma jgħidilna xejn fuq l-identità letterarja Akkadija ta’ dan ir-rakkont u, allura, l-identità Semitika tal-protagonisti — u kif stħajjel Montebello, tal-qarrejja — ġiet magħġuna minn tafal Anglosassonu.

Minn żmien Montebello kien hemm titjib fit-tagħrif lingwistiku u filoloġiku tal-Akkadi. Sirna iktar konxji wkoll li l-kitba dwar il-letteratura u l-kultura tal-Mesopotamja m’għandhiex tirrikorri biss għal lingwa waħda dominanti fl-akkademja. Bosta studjużi qed iressqu l-verżjoni Babilonjana Standard f’lingwi bħad-Daniż, l-Olandiż, it-Taljan, il-Germaniż, l-Għarbi, u r-Russu. Madwarhom qed jinħoloq ukoll apparat ta’ diskors li bih jistgħu jiġu diskussi diversi aspetti tal-Gilgamex, minn qari li jipprova jgħaqqad teoriji ta’ filoloġija ma’ dawk tat-traduzzjoni, għal dawk ta’ metodoloġija femminista, queer, postkolonjali, u ekoloġista. F’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ titjib fil-filoloġija tal-Akkadi kif ukoll fit-teoriji tat-traduzzjoni u tal-interpretazzjoni, it-traduzzjoni tal-Gilgamex mill-Akkadi għall-Malti tista’ tkun ta’ introjtu kulturali, letterarju u akkademiku għaż-żewġ lingwi u ż-żewġ identitajiet.

Il-Gilgamex għadu mhux komplut, u forsi qatt ma jista’ jkun. Minbarra li maż-żminijiet jinbidel il-qari tagħna, hemm ukoll il-kwistjoni li t-test ma nafuhx kollu. Siltiet minnu għadhom mirdumin taħt metri ta’ terrapien; oħrajn imxerrdin fis-suq illeċitu jfittxu xerrej li lest jixtri biċċa fuħħar mingħajr provenjenza leġittima. Kultant titfaċċa biċċa oħra biex timla ftit ieħor mil-lakuni li għad hemm. L-aħħar silta, dik li nstabet fl-2011, hija mill-ftuħ tal-ħames maduma tal-Gilgamex u tirrakkonta l-foresta taċ-ċedru.

Min-naħa tagħna, hemm Gilgamex ieħor li nistgħu naraw ħafna eqreb minn qatt qabel billi nisfruttaw il-fatt li lsienna joqrob għal dak li bih tnaqqxu fuq eluf ta’ madumiet l-għemejjel ta’ Gilgamex u Enkidu:

Waqfu t-tnejn, jiċċassaw lejn il-masġar

intebħu bit-tul taċ-ċedru, 

għarfu t-triq għal ġol-bosk.

Fejn Ħumbaba medd riġlejh ħalla warajh mogħdija,

passaġġ ċar, ta’ trejqa mirfusa.

Ħarsu lejn il-Muntanja taċ-Ċedru, 

dar għall-allat irġiel, tron għall-allat nisa: 

Ċedri għonja kibru mal-ġenb tal-muntanja

u tefgħu dellhom ħelu u għaxqan. 

Il-foresta kienet kobba ta’ friegħi 

għoqiedi xewwieka

jingumbraw id-dħul lejn iċ-ċedri u l-masġar tal-ballukku.

Għal tul ta’ jum u nofs mixi madwar il-foresta ċ-ċedru ferra’ xtieli ġodda, 

u ċ-ċipress [...] għal mixja ta’ jum.

Is-siġar għanqbuta bil-liedna twila sittin driegħ

ir-reżina tnixxi u tbexxex bħall-qtar tax-xita

li jinbela’ mill-ħniedaq.

L-għanja ta’ għasfur ġriet mal-foresta,

l-għajjat reġa’ lura, l-għanja saret għagħa.

Werżieq waħdu beda kor ġol-foresta

[...] għannew għanja, pespsu. 

Tudun tniegħed, ħamiema wieġbet,

iċ-ċikonja ċenċlet, il-foresta ferħet, 

is-serduq idden, il-foresta ferħet bla temma.

Ommijiet xadini għannew, xadini trabi bkew.

Din hi l-banda ta’ għanjiet u tnabar

li ta’ kuljum tambret għal Ħumbaba. 

U ċ-ċedru tefa’ dellu

u werwer ’il Gilgamex .

Gilgamesh: A New Translation of the Ancient Epic, ta’ Sophus Helle huwa ppubblikat minn Yale University Press, 2022. Il-Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien huwa ġabra ta’ siltiet mis-sensiela li kien joħroġ Alfons Maria Galea. L-editur ta’ din il-ġabra huwa Anthony Aquilina (Midsea Books, 2022). L-istampa użata fil-homepage hija ta’ Maduma V tal-Gilgamex li nstabet fl-2011 u hija miżmuma fil Mużew Slemani fl-Iraq; fuqha hemm imnaqqxa b’sinjali kunejformi s-silta tradotta hawn fuq. Ir-ritratt huwa ta’ Osama Shukir Muhammed Amin.

Dekorazzjoni art-nouveau