Mejju 2023

Jekk huwa minnu, bħalma jgħidu ħafna, li kull kitba hija forma ta’ traduzzjoni, il-kitba bil-Malti terġa’ hija traduzzjoni b’mod iktar ovvju minn dak li hu mifhum minn min jgħid hekk. F’dawn l-ewwel xogħlijiet li għandna fil-ġurnal tagħna din it-taqbida kienet ta’ spiss parti importanti mill-kitba u mill-proċess editorjali. Meta l-ewwel niddeċiedu li niktbu dwar suġġetti li aħna intiżi fihom imbagħad wara nagħżlu li niktbu dwarhom bil-Malti, insibu ruħna nipproċessaw ideat illi dejjem qrajniehom b’lingwa oħra, probabbilment bl-Ingliż, u li għalhekk bqajna naħsbuhom b’din il-lingwa. Meta niġu biex nartikolawhom bil-Malti nsibu ruħna nitqabdu bejn l-idea nnifisha u espressjoni preċiża u eleganti. Dan huwa l-każ mhux biss għal suġġetti akkademiċi iżda wkoll għal vjaġġi interni dwar min fil-fatt aħna. Romeo Roxman Gatt jiġi lura Malta u jibda jaħseb bil-Malti fuq l-istorja tal-ġeneru tiegħu, suġġett li kien dejjem jaħseb u jikteb dwaru bl-Ingliż. Sa dak iż-żmien, l-għażla li ma jużax il-lingwa materna kienet għalih mod kif ifittex kuntest li jħallih jartikola lilu nnifsu. L-isforz li juża l-Malti joħroġ l-aktar meta Romeo jipprova jitkellem dwaru nnifsu u dwar il-ħajja fid-dar mal-familja, u f’Malta b’mod ġenerali, bl-istess lingwa. Din tal-Malti mhix unika. Kull fejn missew l-imperi ġabu magħhom u ħallew warajhom frammenti u aljenazzjonijiet. F’La coscienza di Zeno, li ħareġ eżatt mitt sena ilu fl-ewwel snin tal-psikoanaliżi, il-protagonist jibda vjaġġ intern bit-Taljan, ilsien barrani kemm għal Zeno kif ukoll għall-awtur, Italo Svevo. Jistħi mid-“djalett” Triestin tiegħu u jgħid illi meta jitkellem bih, jispiċċa jgħid biss dak li għandu frażi lesta għalih, u jħalli barra dak kollu li għalih m’għandux vokabularju. Li nġibu ’l Svevo fil-Malti, imbagħad, ifisser li qegħdin inħaffru f’iktar minn saff wieħed tal-istorja tagħna. Ukoll, meta konna qed naħdmu ma’ Omar N’Shea fuq il-proġett tat-traduzzjoni tiegħu tal-Gilgamex fil-Malti, rajna kemm hu sforz kbir li nsibu aċċess dirett għall-idjoma u l-kultura Semitika mingħajr is-saff ta’ termini u interpretazzjoni Ingliżi. Li nieqfu naraw din id-dinja mil-lenti kolonjalista li dejjem għamlet tagħha l-istorja taċ-ċiviltà .

Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:

Abbona fin-newsletter biex dejjem issir taf meta nippubblikaw xi ħaġa ġdida.

Dekorazzjoni art-nouveau