Invokazzjonijiet

it-tmienja u erbgħin

Beverly Agius

il-poeżija dimonja
tifhimha wara li
tiktibha: meħuda

minn dagħdigħa fis-selvaġġ
nirien f’laħam aphroconfusek
’mniegħel bżiebeż u x’naf jien

ma tafx f’waqtha
x’ħakmek bħal meta
timrad wara ssir taf
x’semm baqbqek

tħalliha trid id-dnewwa
bis-sewwa u bla rażan
tfaħħax il-friegħen ġa
mgħaddba f’uħuxek

tferżen ġo għommtok
tiddikodja ’l omm korlok
tiddrillja biex tiddilirja

għafrit ixxajtnek
karunja tiskunġrak

L-iżvilupp u l-pub­blikaz­zjoni ta’ dax-xogħol sar bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti bħala parti mill-Investiment f’Organizzazzjonijiet Kulturali 2026–2028.

Dekorazzjoni art-nouveau