Imxejna tul il-ġnien infittxu post iżolat. Qalli li nofsu Taljan u iktar ħawwadni, donni kont se nġarrab it-temmija ta’ nofs intimità ma’ Sqalli li r-rabta etimoloġika bejn amuri u amicizzia kien studjaha sew u għamilha l-missjoni ta’ ħajtu li jirxuxtaha, dak li meta tlaqt mid-dar għamel lejl jgħannaqni f’soddtu ta’ ħbieb li konna. Imxejna ftit iktar u nżilt eqreb tas-sur. Iltqajt ma’ post li donnu kien imħejji għalina, santwarju ta’ siġar bil-friegħi mgħaqqdin f’xulxin, żewġ ġebliet f’għamla ta’ taraġ fejn noqogħdu bilqiegħda, il-kamra ta’ ġewwa fejn tinżamm l-arka li mhux kulħadd ipprivileġġjat li jidħol ħdejha, artal li fuqu jinqatel l-ismen ħaruf għall-glorja tal-erotiċità. Mort niċċekkja kinux ġejjin nies u waqafna quddiem xulxin. Qrobna pass u tbewwisna. Minn issa l-verġinità tal-pjaċir, dik il-verġinità li kont għadni ma ħlistx minnha għad li kont tlift lil oħtha iktar inkejjuża, kienet se tintrefa’ fil-passat.