Kif tispiċċa l-ġurnata tax-xogħol, hekk kif inkun ħierġa biex immur lura d-dar, inħares lejn xi kollegi tiegħi u bejni u bejn ruħi naħseb, “Ara, dawn ’qas naf x’jisimhom.” Nimxu flimkien lejn l-istazzjon tat-Tube. Jidħqu bejniethom. Inħossni waħdi ħafna. Ngħaddu minn fejn ħanut tax-xorb u jistaqsuni nistax nidħol nixtrilhom żewġ fliexken whiskey. Ħeqq, ok hux; nidħol. Naqbad żewġ fliexken u noħodhom għand tal-counter, u din tistaqsini għall-ID. Noħroġ il-kartiera, imma nsibha vojta. Mhix hemm. Ma jimpurtax; nista’ nuriha ritratt tal-passaport fuq il-mobile. Imma lanqas dak ma nsib. Niftakar li għandi album fejn suppost hemm ritratt tal-karta tal-identità, imma meta niftaħ l-app, kulma nsib hu ritratt t’idi x-xellugija. Inqum.