Immaġina reklam li jwiegħdek vaganza rilassanti.
Veduta bird’s-eye view.
Villa solitarja, modesta, bil-parapett u l-kanċell, miżbugħa bajda bis-saqaf blu, jew isfar mitfi, jew aħmar mejjet.
Quddiemha, ramel nadif, verġni. Forsi umbrella solitarja.
Mal-ġenb, karozza, aktarx mikxufa;
Alfa Romeo Spider, ħamra, x’aktarx l-aktar mudell Taljan assoċjat mal-faxxinu Mediterranju tas-snin sittin.
Mercedes-Benz 280 SL Pagoda, kosmopolitana, ftit barra minn postha, bi preżenza illustri.
Lancia Flaminia, kulur il-fidda, xena minn Dolce Vita ta’ Fellini.
Il-vetturi moderni jinħassu tal-plastik, ikkuluriti, ġugarelli għat-tfal bravi. Iġegħluk tħossok tifel imfarfar li tawh rigal ikkumplikat u qalulu, ara ma tkissrux għax dan jiswa ħafna flus. Ara ma tippruvax tiftħu bit-turnavit stilla u l-għodda l-oħra mill-kaxxa ta’ missierek, għax dan ġugarell ikkumplikat u jekk tbagħbas fih, ma tarmahx kif kien, tista’ tmur tarmih. Anki ismu, kelma stramba li ma nafx xi tfisser. Qabel, ma kontx tirkeb f’karozza msemmija għal pjanta, jew isem koċċ ittri wara xulxin. Qabel, missierek kien ikollu vettura vapur b’isem ta’ stoffa, li jitlob attenzjoni, bħal Consul jew Zodiac jew Zephyr, u int ġuvni tixxennaq għal karozza armata stil tat-triq, biex toffri rikba lil tfajla f’vettura li l-isem tal-mudell waħdu jgħid ħafna. Jaqta’ daqs sikkina msinna. Escort. Triumph. Hunter. Jew, eloġju għal xi post bellezza. Cortina. Capri. Inkella ismijiet xamaniċi, kodiċi mażuni bħal 318, 320i, 131S, RS2000, GT40, Rover P5, jew MX1. Illum, tmur biex tixtri vettura, u ssib xi karozza jisimha Cactus, jew Leapmotor. Jew BYD, fil-qosor għal Build Your Dreams. Qabel, il-ħolma kont tibniha int. Kont issib xi Mini Minor l-aħħar stadju, traqqagħha kif taf bil-hard metal, iddurha bi mħabba, u ġġibha trid seba’ għajnejn biex taraha, all eyes on me miktuba bil-korsiv mal-windscreen, is-saqaf bandiera kaxxi kaxxi suwed u bojod, li fil-motorsport tfisser li t-tellieqa spiċċat, game over stampata mal-ħġieġa ta’ wara, mirjiet bullets ileqqu fidda, u ħallih ħa jħabbat. Xi xwejjaħ li fi żmienu kellu Prefect, u wara rama vann Maruti, li miegħu kien iwaħħal kemm isib stickers reklami tal-ħanut taż-żebgħa ta’ sieħbu joffri servizz ta’ tħammil bil-gaffa, u tal-barriera mnejn kultant iġib qabda ramel biex jirranġa r-rampa ta’ quddiem il-garaxx, biex il-vann jitla’ komdu meta jkun mgħobbi sa ruħ ommu imbarazz. Kont tara xi soft toy inkallat miġbur minn ħdejn l-iskips infilsat mat-tow bar. Nagħliet taż-żwiemel skartati. Reflectors tar-roti rigal fil-pakkett tal-cornflakes imwaħħlin bis-super glue ma’ kullimkien. L-aqwa, it-tberfila catch me if you can, u l-erbgħin ma jinqabżu qatt. Ma jinqabżu qatt, bħal dik ix-xiħa tal-mużew b’Anglia ċelesta li kont tara ġejja ċeklem ċeklem minn wara kantuniera, u venda subien jaħarbu ġirja waħda għal warajha, jgħajtu, tiha t-top! tiha t-top!
Fil-passat riċenti, il-personalità kienet preżenti fil-vetturi, u vettura kienet statement. Illum, il-personalizzazzjoni fjakka, bħall-irkejjen skwallidi u strambi u mqarqċin fil-bliet Ewropej, li kollha saru kopja ta’ xulxin, tellieqa min ikun l-iżjed Ewropew fost l-Ewropej. Kemm minħabba regoli stretti dwar emissjonijiet u ħoss, in-natura tal-mekkaniżmu u l-elettronika fil-karozzi, l-ispejjeż, u ċerta sofistikazzjoni fil-mod ta’ kif ngħixu, din l-attitudni lejn il-vetturi għebet, u saret titqanqal biss meta jitfaċċa xi ritratt online ta’ xi bejjiegħ b’vann Morris ibigħ il-qtiegħi taċ-ċiċri jdur it-toroq bil-bagoll perpetwalment miftuħ, ritratti li spiss ikunu mbierka b’kummenti bħal, dak kien żmien meta konna għall-kwiet, meta Malta kienet tal-Maltin, meta konna sinjuri u ma konniex nafu, u dak żmien li ma jiġi lura qatt.
Fil-passat riċenti, il-vettura ħolma kont tibniha mhux tixtriha. L-isticker popolari build not bought kienet timbru ta’ unur, valida daqs il-ġakketta kollha patches tal-band fil-metal, il-mohawk fix-xena punk, sinjali ta’ appartenenza, imma wkoll ta’ passaġġ, prova li kont hemm, fil-qalba, tħammeġ idejk u taħdem u tistinka biex tkun tista’ tmur il-car show u tgħid, dik xogħli. Din il-kburija għandha l-għeruq tagħha fil-klassi soċjali, fejn ħaddiem tal-id issibu kburi li bħalu ma jkaħħal ħadd, li minn taħt idejh jew sew jew xejn, li ddur kemm iddur hu ċ-champion tat-tqegħid tal-madum. L-affiljazzjoni ma’ mudell ta’ vettura u mhux ieħor, u x’wieħed isuq ta’ kuljum jew x’mudell klassiku jagħżel li jġemma’, jorbtu sew mal-klassi soċjali tal-individwu. Fl-esej “Driven by Nostalgia: A Study of Classic Cars’ Social Representations Among Italian Youth”, Francesca Setiffi u Vincenzo Scotto jikkonkludu li l-karozzi klassiċi huma rappreżentazzjoni soċjali bbażata fuq lussu, esklussività, u mħabba lejn il-vetturi, kif ukoll il-preżenza ta’ nostalġija għal ħajja li s-sid ma għexx, li tista’ tiġi minn memorji familjari, jew l-influwenza tal-mass media. Dwar is-sidien tal-karozzi klassiċi, wieħed mill-intervistati jiddeskrivi lis-sid tipiku bħala raġel ta’ età medja, sinjur u dilettant, li jrid “jesperjenza l-ħajja li kien jixtieq bħala tifel”. Ir-riċerkaturi jinnutaw ukoll li ħafna sidien jixtru karozzi marbuta mat-tfulija tagħhom u mal-memorji tal-familja. B’mod partikolari, wieħed mill-parteċipanti jgħid li ħafna sidien jixtru l-karozzi li ffullaw tfulithom biex jerġgħu jgħixu l-passjonijiet tal-passat u jerġgħu jqajmu dawk l-emozzjonijiet ta’ tfulithom, anke ma’ wliedhom stess. Fit-teżi ta’ Yashar Araghi, mill-Università Teknoloġika ta’ Delft, dwar il-vetturi klassiċi, jirreferi għal riċerka li involviet 1 669 qarrej ta’ rivista Ingliża. Din ikkonkludiet li waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-pussess ta’ karozza klassika kienet li, finalment, wieħed ikun jista’ jgawdi u jsuq il-karozza li kien joħlom biha meta kien tifel. L-istess riċerka tidentifika wkoll it-tgawdija ta’ karozza partikolari, u s-sodisfazzjon li wieħed ikun kapaċi jsewwiha. Issa, jekk int kont tifel iġġemma’ l-Matchbox li jixtrulek jekk toqgħod bravu, kont tara lil Chris jaħsel il-Fiesta iswed faħma, idoqq lil Gigi D’Agostino u l-Eiffel 65, Chris tal-barmil tas-Surf ibaqbaq ragħwa, Chris li l-iżjed li jaspira hu li jasal lura d-dar wara lejl barra b’xi redgħa ma’ għonqu minn xi tfajla kopja tal-istilel ta’ Non è la Rai, aktarx tkun xrobt minn bieqja differenti ħafna minn dik li xorob tifel ieħor li kiber jilgħab bil-garage set komplut tal-Hot Wheels li ġab miegħu meta marru Londra, u l-hena tiegħu l-Ħamis jinzerta lil Charlie joħroġ il-kollezzjoni tas-Sur Lautier filliera fit-triq, jarah jaqla’ l-Jaguar rari li kienet dejjem fuq wara tal-garaxx basement taħt il-villa, jippolixxja, idur magħha, jilgħab taħt il-bonnet, biex il-weekend li ġej itellagħha l-Concours d’élégance l-Imdina, u aktarx jiġi lura b’ xi trofew jew midalja. Wieħed jista’ jargumenta li l-interess, u l-akkwist, ta’ karozza klassika jistgħu jinqraw bħala forma ta’ ritorn adult lejn it-tfulija, fejn il-pussess jippermetti lis-sidien, fil-maġġoranza assoluta rġiel, jimmaterjalizzaw karozzi li darba kienu oġġetti ta’ xewqa, fantasija jew aspirazzjoni. Dan jgħaqqad ukoll b’mod interessanti mal-kwistjoni tal-klassi soċjali, fejn ix-xewqa tat-tfulija ma tibqax sempliċiment nostalġija, iżda ssir xi ħaġa li tista’ eventwalment tinxtara, tiġi rrestawrata u tintwera ladarba l-adult ikun akkwista l-mezzi ekonomiċi biex jagħmel dan. Il-karozza klassika ssir forma ta’ skaluna soċjali, fejn dilettant li jaf li qatt ma jista’ jaffordja l-aħħar mudell ta’ karozza high end, jista’ jakkwista karozza tal-istess ditta li llum għandha tletin, erbgħin sena. F’das-sens, il-karozza ma tirrappreżentax biss il-passat, iżda tixhed il-kapaċità ekonomika tal-adult li finalment jikseb dak li, bħala tifel, seta’ biss joħlom bih.
Riċentament, ma’ ċerta klassi ta’ żgħażagħ, ta’ madwar għoxrin, ħamsa u għoxrin, dik il-ħolma ġġebbdet lejn mudell li ħareġ fl-1994, il-ħames ġenerazzjoni tat-Toyota Tercel. Karozza kaxxa, bla xinxilli, b’magna tiflaħ. Hemm dilettanti wkoll tal-mudelli derivattivi, il-Corsa u l-Corolla II. Dawk huma eku tat-Toyota Glanza, mudell sportiv ibbażat fuq il-mudell standard tat-Toyota Starlet. Hija użanza komuni li għadek issib imitazzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-Glanza fuq mudell bażiku, bħal bonnet bil-balla, bdil ta’ magni, dashboard mibdul, jew decals li jagħtu l-impressjoni ta’ Glanza oriġinali. It-teftif fit-Tercel, is-sinifiteti tagħha jekk hix ta’ ġewwa iswed jew kannella, jekk hix isbaħ bix-xibka tal-fabbrika jew waħda aftermarket, jekk hix aħjar baxxuta jew le, hu kollu eku tal-karozza ttrattata ħarba, tedha l-garaxx mikri b’ċuċata fis-sena, ta’ meta kont iċċempel lil sieħbek iġiblek spanner tal-qies ħalli niftħu l-karburatur, naqalgħu l-bonnet tal-karozza ħalli nisimgħu l-magna ddawwar arloġġ, u llejla, kif jaqbad jidlam, għad-disgħa hekk, immorru ntuha ġirja, nippruvawha, insibu xi parking vojt Ta’ Qali jew Wied iż-Żurrieq u ngħaqqduhomlha waħda sew, u mmorru norqdu.
Illum, it-toroq ma jisktu qatt, bit-taxis u l-muturi jqassmu l-ikel lejl sħiħ, u l-ammont dejjem jikber ta’ karozzi privati. Illum, biex tgawdi karozza klassika, trid bħaċ-ċuċ tmur torqod ftit kmieni s-Sibt filgħaxija, tbakkar sew il-Ħadd imqaddes biex iddur dawra fi triqat kalmi. Ngħid għalija, li bniedem ta’ filgħodu m’iniex, nammira d-dedikazzjoni ta’ min joħroġ il-mutur jew il-karozza klassika ma’ nżul ix-xemx, jaħli tank petrol, jieqaf il-gabbana jieħu kafè jew birra waħda, u l-hena tiegħu jmur jipparkja, jammira, u jgħid kelmtejn f’xi show static in-naħa l-oħra ta’ Malta, biex siegħa wara jibda jaħsiblu biex jinżel lura, qabel ma jaqbad it-traffiku tal-familji sejrin għall-ikla tal-Ħadd waranofsinhar.
Wieħed irid ikollu l-lussu li joħroġ il-Ħadd filgħodu jdur bil-karozza flok jagħmel part-time, ma jkollux iqatta’ s-Sibt filgħaxija jissara biex ilaħħaq mal-kera u jasal id-dar fil-ħamsa ta’ filgħodu l-Ħadd, inkella dik l-għodwa hi l-unika waħda li jista’ jqatta’ mat-tfal, jew ikollu jdur dawra ma’ daru minn fuq s’isfel inaddaf u jaħsel u jirranġa fejn jgħix, għax matul il-ġimgħa ċans ta’ xejn.
Hemm ukoll il-lussu taż-żamma tal-karozzi ta’ nhar ta’ Ħadd, li mhumiex vetturi li wieħed iħalli barra għall-elementi. Jekk il-karozzi jkunu rreġistrati bħala klassiċi, bil-pjanċi suwed u n-numri fiddiena, hu illegali li titħalla barra. Meta wieħed iqis il-kiri u x-xiri ta’ garaxx komdu, mhux umduż, fejn jista’ jagħmel ftit manutenzjoni ġenerali fuq karozza, jarma bank tax-xogħol u jżomm ftit għodda; il-lussu tal-privatezza. Wieħed jifhem waħda mir-raġunijiet għala l-furur tal-armar tal-karozzi naqas. Dan bħal fatturi oħra, bħal kemm hu diffiċli ssib nies tas-sengħa li jaħdmu xogħol tal-logħob u l-paċenzja fuq vetturi li ormaj qdiemu, u l-prezz tax-xogħol li, bħal xogħol ieħor tal-id, spara ’l fuq.
Qabel ma t-terapija u l-counselling saru aċċessibbli, u moda, spazju bħalma kien il-garaxx kien iservi bħala lok privat fejn wieħed seta’ jkun waħdu, jew ma’ nies oħra li jistieden, u bejn biċċa xogħol u oħra, iġib id-diskors fuq kwistjoni li qiegħda tkiddu. Il-kuntest ta’ garaxx spiss inbidel għal dak ta’ kċina żgħira fuq wara, imlaqqta minn meta l-kunjata biddlet l-għamara tad-dar kollha, sufanijiet u siġġijiet skartati, sistema ta’ sound irfinuta, u refuġju għall-akkwarju l-kbir li l-mara ma ħallitekx iżżomm id-dar. Spiss tara garaxxijiet iffullati vetrini, kollezzjonijiet tal-mudelli tal-karozza, li wieħed ikun ilu jgħożż minn tfulitu, jew tabelli, reklami, armi u xbieki tal-mudelli li wieħed kiber bihom, ta’ qabel żmienu. Fil-kultura maskilista, fir-rwol tradizzjonali fejn l-irġiel iżommu fihom u ma jibkux u ma jiftħux qalbhom, il-garaxxijiet kienu jservu ta’ spazji importanti fejn wieħed seta’ jitkellem ma’ rġiel oħra, għax jistidinhom hu għandu, jew għax huwa l-garaxx tax-xogħol u għandu dejjem bl-irġiel jgħidu kelma, jew ġgajta dilettanti jiltaqgħu jarmaw karozza jew trakk għat-tlielaq Ħal Far, jew qed jirrestawraw xi vettura ruħ ommha fi snienha, jew jillustraw il-muturi. Għall-kontra ta’ postijiet tal-irġiel tradizzjonali bħall-każini u l-ħwienet u l-klabbs, il-garaxx kien iservi ta’ spazju fejn tistieden lil min trid, lil min jifhmek, lil min għandu tagħrif sew dwar is-suġġett li qiegħed jinkwetak. Possibbilment, l-enfasi li raġel ikollu naqra ta’ garaxx, jew għalqa, fejn imur iserraħ il-menti u jistieden lil min jixtieq hu naqas għar-raġuni li llum l-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb żdiedu u titfixkel fejn se tmur, u l-ispazji komunali, bħall-gyms, saru ħafna iżjed attrezzati sabiex wieħed isib postu. M’għadux iż-żmien ta’ ħanut tal-inbid kamra gabuba, imwejjed twal, bankijiet mal-ħajt u siġġijiet fuq barra, u kulħadd imeċlaq u jlegleg u jgħajjat u konverżazzjoni tirkeb fuq oħra. Wieħed faċli jsib il-privatezza fuq mejda f’kafetterija ġdida, jew ħanut li jibqa’ jservi l-ikel u x-xorb lejl sħiħ.
Il-privatezza, fi gżira ffullatissima, hi lussu kbir. Il-privatezza u l-ispazju huma nnegozjati ma’ kull pass li wieħed jieħu. Biżżejjed wieħed imur il-baħar fis-sajf. Irid jiġġieled biex isib roqgħa ilma baħar bla bżieżaq tad-drenaġġ ’il ġewwa mill-ħabel, marka li tifred iż-żona tal-għawwiema minn dik tal-inġenji. Irid isib passaġġ liberu li mhux meħud minn turista li ma tafx iż-żona u firxet ix-xugaman fl-ewwel roqgħa vojta li sabet, intefgħet miftuħa qisha stilla tal-baħar, u għala biebha jekk in-nies humiex għaddejjin itawlu saqajhom minn fuqha, jew jixxuttjawlha l-basket. Trid issib roqgħa fejn m’hemmx storbju. Trid tevita rokna fejn m’hemmx BBQ idaħħan jew ħaxixa titpejjep.
Dwar karozzi, lussu u bajjiet, wieħed irid isemmi l-esej ta’ André Gorz, “The social ideology of the motorcar”. Dan l-esej jiftaħ billi jiddikjara li bħal villa ħdejn il-baħar, il-karozza kienet maħluqa bħala lussu għal ftit. Jekk kulħadd ikollu villa ħdejn il-baħar, il-lussu jiġi demokratizzat, meta l-essenza tal-lussu hi l-inaċċessibbiltà tiegħu, ħlief għal ftit. Jekk tingħata villa ħdejn il-baħar lil kulħadd, fejn l-ispazju hu limitat, minn villa ssir kamra fejn kulħadd imħakkek ma’ kulħadd, u minn lussu ssir punt ta’ frustrazzjoni, rabja, ġlied u skumdità. Forsi Malta, minħabba ċ-ċokon tagħna, dan l-eżempju nistgħu narawh fl-istorja tal-vetturi privati fuq il-gżira, fejn, proporzjonalment mal-art, man-numru ta’ abitanti, żġur mhux se jkun hemm spazju biżżejjed biex jakkomoda villa għal kulħadd. Għalhekk issib min jedha jilgħab logħba b’karozza mqammla pparkjata perpetwalment fl-istess lok faċċata tal-baħar, li tintuża biss bħala ankra biex tirriserva post, biex fil-weekend sidha jasal ħdejha bil-camper, jinfilsa lilu għal veduta tal-baħar, imur jitfa’ l-karozza xi mkien ieħor, sakemm jasal il-Ħadd filgħaxija u jsir il-ħin biex hu u familtu jmorru d-dar wara weekend iħarsu bl-ikrah lejn kull min azzarda jgħaddi minn quddiem il-bieb tal-camper miftuħ dirett għal fuq il-bajja ramlija, imur iġib il-karozza, jitfagħha flok il-camper, u hekk rasu mistrieħa li l-post ikkapparrat, u l-weekend li ġej se jerġgħu jagħmlu l-istess. Hemm caravans u campers li ma jiċċaqalqux sena sħiħa, u sidhom joħroġ żewġ metri kwadri turf sintetiku quddiem il-vettura, idendel liżar bejn il-caravan u l-karozza li tiġbdu, jarma doċċa fuq wara bl-ilma maħmuġ jiġri għat-triq, iħalli roqgħa għal BBQ idaħħan, u jdawwar it-territorju bil-pallets tal-injam. Bil-pretensjoni ta’ divertita, il-vettura abitabbli saret orbitu li bil-preżenza tagħha, okkupat il-madwar, bħal donnu bi dritt. Bħal donnu li, jekk ma jistax ikollok il-villa ħdejn il-baħar għax m’għandekx mezzi, għandek id-dritt li tokkupa, tikkapparra, u allaħares min ikellmek.
Forsi għalhekk nirrifjutaw li nieqfu nużaw il-vettura personali tagħna, jew li nsiru dilettanti tal-car pooling. Forsi dak il-ħin, fil-vettura, fit-traffiku, dak hu l-uniku ħin fil-ġurnata fejn verament inkunu waħedna meta nkunu barra mid-dar. L-uniku ħin fejn nagħżlu nitfux jew nixegħlux l-AC, kemm nissettjaw it-temperatura tiegħu, x’diski ndoqqu, inkantawx magħhom, nitfgħux is-seat lura jew le, x’air freshener insenslu mal-mera jew nimlewx il-vettura b’aroma ħierġa minn bott ċkejken imwaħħal mal-vent tal-arja. L-istess fenomenu jista’ jiġi moqri f’ċirkustanzi li jidhru kompletament opposti, meta f’tal-linja ppakkjata sardin, issib min jagħmel video call u bla inibizzjoni xejn itanbar li issa ilu ġimgħa clean, li għamlet xirja, li għad hemm id-dejn ma’ tal-grocer imma nzerta mill-aħjar, u li lanqas ponta li hi ponta mhi ħa tmiss. Fl-istess karozza tal-linja tisma’ diversi video calls għaddejjin xkanati b’diversi lingwi, ta’ ħaddiema spiċċaw mix-xogħol u fit-traġitt lura lejn l-appartament li jaqsmu ma’ ħamsa, sitta oħra, ħatfu l-opportunità biex iċemplu lura d-dar. Dak il-vjaġġ hu l-unika roqgħa ta’ privatezza nnegozjata li jkollhom jum sħiħ. Jafu li meta jaslu lura lejn fejn qegħdin jikru, se jsibu d-diski nattivi tal-koabitant idoqqu waqt it-tisjir li kulħadd jagħmel għalih, it-televixin dejjem għaddej, il-piki siekta min se jilħaq il-kamra tal-banju diżokkupata u ma jsibx mandra fiha, min se juża t-toaster l-ewwel u jkollu ftit ħin laxk f’każ li tal-linja tgħaddi kmieni, u min se jikkapparra l-aħħar rokna fejn jista’ jnixxef ħwejġu.
Fuq livell iżjed tanġibbli, wieħed jibqa’ juża l-karozza privata tiegħu għax, tqis kollox, xorta se tasal fid-destinazzjoni tiegħek ħafna iżjed qabel ma tasal bit-trasport pubbliku. Ma tistax tikkumpara vjaġġ ta’ nofs siegħa bil-vettura privata, kwarta minnhom traffiku, ma’ sagħtejn bit-trasport pubbliku. Wieħed ma jistax jorbot fuq it-trasport pubbliku jekk għandu appuntament, jekk irid imur għax-xogħol, sakemm mhux lest li jissagrifika ħafna minn ħinu fuq tal-linja. Wieħed jaf isibha diffiċli jaqra jew jagħmel xi xogħol fuq tal-linja meta dawn dejjem iffullati, u rari ssib karozza li ttik ftit nifs li fuqha tiftaħ ktieb. Il-karozzi tal-linja preżenti huma ftit għall-influss tal-popolazzjoni li llum il-ġurnata tuża s-servizz tal-linja. L-implimentazzjoni tas-servizz bla ħlas (għalkemm wieħed irid ifaqqa’ l-card ma’ kull tlugħ u nżul inkella jħallas xorta) kien pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda xorta waħda, meta wieħed jikkwantifika flus ma’ ħin, hemm xi ħaġa li mhix taħdem.
Waħdek fil-karozza, iddoqq u tisma’ li trid int, bl-AC fuq it-temperatura eżatta kif tridha int, forsi s-seat imsaħħan taħtek, forsi s-sunroof imbexxaq iġiegħlek tħossok tal-life, forsi l-air freshener jaħjik, il-kafè shun fil-holder.
Forsi hemm
tħossok illiberat
daqslikieku qiegħed
fl-aqwa villa ħdejn il-baħar
bil-vettura li ħlomt biha fi tfulitek
ipparkjata quddiem il-bieb .