Ir-Ramla tal-Mixquqa

Jean Paul Borg

Ħafna mis-snin wara li qbiżt it-tletin qattajthom fl-inħawi tar-Ramla tal-Mixquqa, fil-Majjistral ta’ Malta. Kien hemmhekk, fil-bajja miftuħa għar-riħ, fejn naħseb li mbuttajt lili nnifsi, megħjun xi ftit mir-riħ li jħobb jaħkem, biex inxoqq sinjal fuq ħajti. Iddeċidejt li nagħtiha ħafna aktar għall-beraħ, lil hinn mill-kenn tal-barijiet b’televixin imdaqqas jittrażmetti logħba futbol bi ħdax-il plejer fil-biċċa l-kbira lebsin l-aħmar. Kien hemmhekk, naħseb, li ddeċidejt li l-lealtà għandha tkun lejja nnifsi u mhux lejn dawk il-ħdax. Li aħjar nimla l-pulmun bl-arja minflok bil-vodka. Imqar jekk kultant mal-arja jidħol l-ilma mielaħ.

Kien hemmhekk, naħseb, li rrealizzajt li l-piż żejjed mix-xorb fil-barijiet kennija kien wasal iż-żmien li naħarqu. Imbagħad inxoqq sinjal għal kull kilo li naħraq ma’ blata. Kien hemmhekk li ddeċidejt, naħseb, li l-irdum mhux tal-biża, u li aktar hemm ċans naqa’ minn fuq banketta jew mit-taraġ wieqaf tal-każin meta nkun imlaħlaħ milli mill-irdum mimli bir-riħa tal-baħar. Hemmhekk indunajt, naħseb, li meta timtela bir-riħ u r-riħa, il-piż ma jiżdiedx. Dak l-ikħal tal-baħar li kultant ikanġi fl-aħdar aktar ma jersaq lejn il-blat aktar jiskura, skont kemm tkun qed tħares lejh mill-għoli. Issa ħa post il-ħaxix maqtugħ qasir aħdar ta’ grawnd tal-futbol.

Bejn l-azzjonisti u l-attivisti, ix-xjenzati u t-turisti, dawn l-inħawi magħrufa l-aktar għar-ramla. Imma jien ftit li xejn ħabbejtu r-ramel, għajr meta darba kont ħażżejt sinjal fuqu biex nistqarr li ’l hemm ma kontx se nersaq iżjed għax dieħel ir-ramel f’għajnejja u qed nimmissja l-logħba li kienet għaddejja dak il-ħin, u kont għadni ma neħħejt ebda kilo minn fuqi. Imma mbagħad ġiet mewġa u minbarra li ħadet is-sinjal magħha, ħaditli l-ħsieb beżżiegħ li kien qed jassedjani. Kulma kelli nagħmel kien li nersaq aktar lejn il-blat. Ramel ma daħalx aktar f’għajnejja u minn dakinhar bdejt inqatta’ ħafna ħin taħt l-irdum, taħt il-lukanda kważi kważi ġdida li ħadet post lukanda oħra li maż-żmien kienet saret antika żżejjed u ma’ Malta moderna ma bdietx taqbel aktar u minflokha nbniet din li ma taqbilx max-xagħri ta’ madwarha.

Fil-verità, ir-relazzjoni tiegħi mar-Ramla tal-Mixquqa bdiet sew qabel ma għalaqt it-tletin, u forsi għalhekk qabel xaqqejt dik il-linja kont bdejt inħoss il-ġibda għal hemm u kultant kont inħażżeż xi speċi ta’ linja li wara ftit kont inħassar jew titħassarli. Fi tfuliti mort ’il hemm kemm-il darba, mhux wisq fir-ramla imma fuq il-blat, mixja żgħira ’l bogħod mir-ramla. Illum biex tasal sa fejn qed ngħid ikollok tinvadi roqgħa ddikjarata privata għar-residenti tal-lukanda, titla’ nofs sular taraġ u timxi ftit, ngħidu aħna 300 metru, qalb ftit ħaxix ħażin, bil-baħar dejjem fuq ix-xellug tiegħek, kultant mgħotti bis-siġar tat-tamarisk. Jekk trid, meta tkun għadek fuq in-naħa ta’ fuq, fejn tniżżlek tal-linja, tista’ wkoll timxi ftit minn wara l-lukanda u wara li tapprezza veduta li tieħu ’l għajnejk sal-bajja ta’ faċċata, b’Għawdex wara dahrek, taqbad taraġ tal-ġebel. Tinżlu, u tasal mingħajr ma jkollok timxi t-300 metru. Fejn qed ngħid, il-Mejjiesa. Konna mmorru hemm, għax dak iż-żmien qatt ma mort waħdi, minħabba li z-zija ta’ missieri kellha kamra u taħtha garaxx jew maħżen, għidlu li trid, u n-naħa ta’ missieri kienet kultant tiltaqa’ hemm, f’dil-kamra li skont missieri kienet ilha mibnija minn żmien il-gwerra, ftit qabel twieled hu. Għadni niftakar il-madum kwadru tagħha, pjuttost żgħir, li jaf kellu skop oriġinali biex jitwaħħal mal-ħajt ta’ xi kċina aktar milli mal-art. Kien waħda oranġjo skur u l-oħra bajda. Kif kien imqassam kont nimmaġinah tista’ tilgħab id-Draughts fuqu. Ziti żgur ma kontx se tilagħbilha bil-ballun fuqu.

Il-kamra kienet toffrilna opportunità biex inqattgħu kważi jum sħiħ ħdejn il-baħar mingħajr ma ninxtwew għalkollox għax minn ħin għal ieħor konna nidħlu għall-kenn. Dak iż-żmien iz-zijiet kienu jlestu xi borma minn qabel, u waqt li jkunu hemm jitfgħuha ttektek fuq in-nar. Kien żmien l-issikkar taċ-ċinturin. L-unika ħaġa li, kultant u mhux dejjem, konna nieklu mhux miġjuba mid-dar kienet xi ġelat jew granita minn waħda mill-gabbani li għadhom hemm, parti intrinsika mill-bajja daqs ir-ramel. Forsi qed inpinġi xena idillika, ħafna kuġini, ħafna zijiet, ħafna ikel, ħafna qsim bejnietna. Qed nitkellem mill-memorja, imma naħseb li diffiċli ngħid li ma kienx hemm minn dan. Għall-inqas sal-1988 meta kien għad kelli tmien snin. Dik is-sena miet in-nannu, l-uniku min-nanniet li lħaqt mill-erbgħa li kelli uffiċjalment, il-patrijarka tal-familja; u l-familja, ftit wara li nqara l-wirt, bi friex soddtu għadu jrejjaħ lilu, u bi snienu foloz af għadhom fuq il-komodina, inqasmet f’ħafna fazzjonijiet, li minflok iddikjaraw indipendenza minn xulxin, iddikjaraw weġgħat. Min weġġa’ għax ħaddieħor kien jaf kollox qablu u rrealizza li mhux speċjali. Min weġġa’ għax weġġa’ u għalaq għajnejh u gidem ilsienu, imma baqa’ jġorr it-tbenġila tal-weġgħa mgħottija taħt ħwejġu. Min weġġa’ għax hekk. F’daqqa waħda l-kamra bil-madum żgħir kwadru saret żgħira wisq għal dawn il-weġgħat kollha. Ma stajtx aktar nimmaġina logħba Draughts fuq il-madum b’żewġ kuluri, għax mhux żewġ fazzjonijiet kien hemm, imma ħafna, u kulħadd ried jilgħab fl-istess ħin. U mal-baħar tkun kważi għeri, bi tbenġilek jidher daqs xaħmek. Ir-risposta taz-zija għan-nuqqas ta’ qrabatha f’kamritha kienet li hi mhux se tagħmel testmenti, mhux għax ma trid tweġġa’ ’l ħadd, imma għax ma trid tpaxxi ’l ħadd. Min irid biċċa art imur jaħdem, bħalma għamlet hi għal snin sħaħ il-Lazzarett.

Iż-żmien li qed nirreferi għalih, din il-kamra, dan il-post, dawn ma kinux l-ispazju favorit tiegħi. Iz-zija ta’ missieri, sidt il-kamra, jew almenu dik li kellha ċ-ċwievet f’idejha, għax ma nafx qatt kienx hemm dokumenti, kienet mara li dejjem nafha xiħa, tibda l-ġurnata b’quddiesa u għalhekk taf bin-nar jaħraq tal-infern. Kienet samra, b’xagħar abjad qotna, u b’ħarsa li taf iddaħħlek f’qoxortok b’ħeffa ħafna akbar milli kelli jiena, tifel ta’ tmien snin, biex naqsam il-kelma “qoxra” f’żewġ sillabi.

“Lest mill-ikel?”

“Iva, zija.

“Allura taqbad u tqum minn mal-mejda?”

“Sorry.

“Ejja, poġġi, ma nitkessħux.

Mhux dejjem kienet tkun hekk. Meta konna mmorru nżuruha f’darha, waħda kbira fil-pjazza, kif niftħu l-bieb, ngħaddu mis-salott, u nidħlu fil-kċina, kienet tilqagħna riħa ta’ minestra. Imma bħala tifel li kont nikolha mingħajr ma nħobbha wisq, malajr kont ninsieha l-minestra.

“Poġġu, poġġu.

Inpoġġu.

“Xi trid, Ġan Pawl?”

“Xejn.

“Jien xejn m’għandix, taf. Trid Kinnie?”

“Iva.

“Qed tara kif trid xi ħaġa.

Tiftaħ il-flixkun, u naqsmu m’ommi. Nixrob it-tazza li tkun messet lili.

“Ġa xrobtha? Mhux tisqih, Hel?”

Nidħqu, jew aħjar nitbissmu, għall-inqas jien.

Aħna hemmhekk la qatt irreferejna għalih bħala l-Mejjiesa, u lanqas ir-Ramla tal-Mixquqa. Dejjem għedna, “se mmorru Għajn Tuffieħa. Fil-familja ħadd qatt ma għaddielu minn moħħu li Għajn Tuffieħa taf tkun il-bajja l-oħra, fejn hemm it-taraġ, fejn darba kien hemm lukanda li tissejjaħ ir-Riviera. Imma ħadd qatt ma mar post b’ieħor. Dejjem iltqajna l-istess post meta xi ħadd ħareġ bl-idea li niltaqgħu Għajn Tuffieħa. Fil-fatt, bħala tifel, dik il-bajja l-oħra la qatt irfist fuqha, u lanqas għomt fiha. Niddubita kontx naf li teżisti. Mill-bogħod, kont nimmaġina sempliċiment spazju li fih jiltaqgħu l-baħar u r-ramel. La tinqeda b’post, għalfejn tesplora ieħor? Barra minn hekk, ħadd qatt ma għaddielu minn moħħu, jew għall-inqas ħadd qatt ma ddiskuta l-fatt, li dan il-bdil tal-isem tal-post jaf għandu għeruq kolonjali. Forsi għax waħda minn ħut missieri miżżewġa Ingliż u ħadd ma ried jaqla’ paroli? Dan kien żmien li tmur xi mkien u tara avviż li hemmhekk id-diskors fuq il-politika kien ipprojbit. Kienu t-tmeninijiet. Imma dan l-argument żgur qatt ma kien se jitqies bħala diskors politiku. Dak kien limitat għal bejn Laburisti u Nazzjonalisti. Jekk elezzjoni għandhiex tibqa’ bis-siġġijiet. Jekk iċ-ċikkulata ta’ barra għandhiex tidħol Malta. Jekk it-Tarzna hix mażżra m’għonq il-poplu Malti. Dawn kienu l-kwistjonijiet politiċi l-kbar, mhux biċċa isem. Wara kollox, li kien qbadna dan id-diskors, iz-ziju l-Ingliż kien x’aktarx iwieġeb, “what’s in a name?” U kien ikun diffiċli targumenta miegħu, għax minn ruxxmata kuġini, ħadd minna ma kellu isem Malti, u jien l-ewwel wieħed kelli isem Franċiż minkejja li ommi u missieri qatt ma rifsu fuq Franza, u kienu jafu b’Jean Paul Sartre daqskemm dak iż-żmien konna nafu li xi darba se nibdew naħdmu mid-dar.

Beth Williamson, fl-istudju tagħha “Historical geographies of place naming: Colonial practices and beyond”, tgħid li awtoritajiet imperjalisti taw ismijiet ġodda lil postijiet partikolari, bħal fil-każ tar-Ramla tal-Mixquqa, biex jaħtfu t-territorju u jilleġittimizzaw il-kolonizzazzjoni tiegħu. Williamson tirreferi għal xogħlijiet oħra li min-naħa tagħhom jgħidu li l-isem ta’ post jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ pajsaġġ u jsir mod kif poplu jartikola r-rabta mal-ambjent tiegħu u b’hekk iservi ta’ ankra għall-perspettivi, il-memorji u l-idea ta’ post. Nimmaġina li oriġinarjament ir-Ramla tal-Mixquqa kienet tissejjaħ hekk għax l-irdum jidher, biex nissellef kliem Serracino Inglott fil-Miklem Malti, bħal “miftuħ b’daqqa ta’ xafra”. Ir-rabta tal-Ingliżi ma’ dan il-post tidher fil-binjiet li bnew u li għad hemm fil-madwar, li kienu jservu għall-militar tagħhom. Hija proprju minħabba din ir-rabta li kellhom interess li jnessu l-isem oriġinali ta’ hemmhekk. Barra minn hekk, iż-żewġ qejiet ħdejn xulxin jitolbu waqfiet glottali li kienu jikkumplikawlhom ħajjithom u jrenduhom vulnerabbli quddiem nies nattivi li għalihom kienu naturali daqskemm għall-Ingliżi kien naturali li tieħu pajjiż u tipprova tikkonvinċi lil niesu li ħadthulhom għall-ġid tagħhom.

Dan il-fenomenu ta’ bdil ta’ ismijiet sirt konxju tiegħu ftit snin ilu b’kumbinazzjoni, meta waqt li kont fuq mejda tal-ikel f’ristorant il-Belt, persuna li naf bdiet titkellem dwar fejn toqgħod fl-Awstralja, dwar kemm hu sabiħ, imma minkejja din is-sbuħija, jismu “Mount Disappointment”, il-Muntanja tad-Diżappunt, għax mid-dehra l-Ingliżi ma sabux fih dak li marru jfittxu. Dakinhar qajla ndunajt li jien kont qed immiss ma’ dan il-fenomenu regolarment. Williamson tikkwota lil Richard A. Grounds, li jgħid li l-esplorazzjoni tat-tħassir ta’ ismijiet nattivi ta’ postijiet juri kif l-ismijiet il-ġodda li jingħatawlhom huwa parti mill-proċess ta’ espansjoni kolonjali fundamentali biex jinkiseb kontroll fuq ambjenti fiżiċi u soċjali.

Sadattant, meta qbiżt it-tletin bdejt nirrealizza li din iz-zija — li minn dejjem kont smajthom jgħidu kemm hi iebsa, kemm zijieti u missieri kienu jibżgħu minnha meta kienu għadhom żgħar u issa li kibru baqgħu b’dik is-sudizzjoni minnha — fil-verità kienet sempliċiment differenti. In-naħa ta’ missieri kellhom relazzjoni stramba ma’ din il-mara, għax minkejja li kienet meqjusa diffiċli kienet l-unika waħda minn ħut nannti li kienu jistiednu regolarment għal xi ikla jew festin. Issa li bdejt inkun ħafna aktar lejn l-inħawi tal-Mixquqa, bdejt niltaqa’ magħha aktar, u l-laqgħat saru ħafna aktar informali, bdejt ninduna li aktar milli iebsa, jew stramba, kienet indipendenti. Issa kienet mara li qabżet it-tmenin sew imma li kienet għadha taqbad tal-linja u tmur tqatta’ ġurnata waħedha fil-kamra, ma riditx mobile, kienet għadha ssiefer ’l hemm u ’l hawn, kienet għadha tilqa’ l-istedina tal-baħar, u waqt li tkun fih kienet tilbislek maskra biex forsi tara xi qarnita. Kienet mara li jekk tkun hemm tgħidlek għaddi ’l hawn, basta ma ġġibx ħbieb, għax dawk sal-bieb. Ċerti linji ma setgħux jinqabżu. Waqt li kont qed inkun ’il hemm ħafna, il-baħar sar biċċa minni u rrealizzajt li jqattagħlek ħafna minn xaħmek. Ma bqajtx naqbeż, ngħum sal-ewwel baga, nitla’, ninxef, jaqbadni aptit għal ġelat mill-gabbana ta’ mar-ramla, nipposponi l-ġelat, nerġa’ nħoss is-sħana, u nerġa’ naqbeż. Sirt naqbeż, u qadfa wara qadfa, immur sal-irdum tan-naħa l-oħra u kif inkun hemm inxoqq fuq il-blata kilo ieħor milli naqqast, imqar b’għajnejja. Għall-bidu ma kinitx faċli. Kienu jaqbduni l-bukagħwiġijiet, u mhux darba li salvani l-kuġin tiegħi li kien jistirali riġlejja u l-uġigħ bil-mod ibatti. Dan kuġinuwi wkoll beda jsib il-wens f’dak il-post, u daqqa konna niltaqgħu hemm, daqqa konna ngħaddu għal xulxin. Ftit wara ġieli kont inkun waħdi, u dal-post beda jqabbadni l-kurżità. Jien ma kontx it-tip li la qed ninqeda b’post, ma nesplorax ieħor, u bdejt nikri kenura minn hemm stess. Krejt waħda darba, darbtejn, tlieta u ddeċidejt li jagħmel aktar sens ikolli tiegħi. Imma fejn se nqegħedha?

Il-garaxx ta’ taħt il-kamra kien pjuttost vojt. Għajr ftit remiżolji ma kien hemm xejn fih. Ħafna minnhom ġew mir-riħ, xi ballun li n-nies ikunu qed jilagħbu bih fil-bajja u jeħodhulhom il-mewġ u jittrakka mal-blat, xi noodle, jaf anki xi lilo. U peress li Malta qatt ma rrifjutat qamħ, dal-plastik aħjar ikun f’dal-garaxx milli f’żaqq xi speċi tal-baħar. Minkejja li jien u ziti konna kissirna ħafna mis-silġ li kien hemm bejnietna, ħassejtni stramb nitlobha nitfa’ kenura hemm fi ħwejjiġha. Għax waqt li s-silġ jinħall, speċjalment fis-sajf, ir-ras iebsa qajla tirtab.

Jekk nitlobha u b’rasha iebsa turini li m’għandhiex pjaċir biha, kont inħossha daqs daqqa ta’ ponn li tħalli tbenġila eterna. Niġi bħal zijieti li bit-tbenġil fuqhom ma resqux aktar ’l hemm, fejn bil-malja biss li trid taħbi jixref ’il barra. U hemm ma ridtx nitilfu. Għalhekk, għamilt wiċċi ma’ missieri u staqsieha hu. Irraġunajt ukoll li jekk nistaqsiha jien ilsieni jaf jeħilli u nħossni weħilt ma’ blata u l-mewġ jibda jirbaħni aktar milli jbenġilni, waqt li jekk tgħid le lil missieri nkun bħal rajt blata titrembel mill-bogħod u sa meta tasal ħdejja nkun ilħaqt warrabt. Imma din il-mara rasha iebsa, la benġlitni u lanqas ħalliet il-mewġ jirbaħni. Minflok, qalet iva lil missieri, u fakkritu biex meta jkun ’il hemm jgħaddi. Kulma kelli nagħmel inċemplilha.

“Ej, zi, kollox sew?”

“Qed tieħu ħsiebi wisq dal-aħħar.

Skiet.

“Issa nagħmillek ċavetta u meta tixtriha ħudha l-garaxx t’isfel.

“Grazzi, grazzi.

Skiet.

“Isma’, it-Tlieta festa, tridx ngħaddi għalik u mmorru sal-baħar flimkien?

“Tajjeb.

“Għat-tmienja tajjeb?”

“Narak.

Il-biċċa daqshekk kienet sempliċi.

Ċavetta mhux waħda tatni imma tnejn. Għall-garaxx, bl-art tal-konkos, u għall-kamra bil-madum kwadru abjad u oranġjo skur. Ziti ma kinitx tagħmel l-affarijiet nofs kedda. Iż-żmien beda jrattabha? Il-baħar? Ir-riħ? Forsi qatt ma kienet iebsa daqskemm kont ħsibt jew daqskemm kienu qaluli. Miż-żewġ ċwievet kont nuża waħda biss. Ta’ isfel kienet biżżejjed. Fuq ma kontx se nilgħab id-Draughts waħdi, u issa bil-kenura aktar kont inkun barra milli ġewwa. Din il-mara li ġieli daħħlitni f’qoxorti ppermettietli jkolli qoxra biex noħroġ mill-qoxra. Bdejt nesplora. Bdejt nara l-forom fil-blat minn perspettiva differenti, minn nofs ta’ baħar minn isfel għal fuq, mhux minn fuq għal isfel. Bdejt nikkolonizza ġismi, inħossu aktar tiegħi għax ma kienx baqagħlu wisq piż żejjed; bdejt nikkolonizza l-mewġ, ngħaddi minn fuqu, daqslikieku lixx bħal triq; u miegħu l-kuxjenza, li qabel xi drabi kienet tniggiżni li qed insib soljiev fi struttura tal-konkos li tistona mal-bajja. Bdejt nieħu gost ngħum fi rqajja’ s-soltu kolonizzati mid-dgħajjes. Bdejt kultant ningidem minn xi artikla li ’l bogħod mill-massa tan-nies kienet għadha tfittex titwaħħal flok man-nomi, man-nies. Forsi biex tagħmel tajjeb għat-tingiż li ma bqajtx inħoss.

addiet sena wara oħra u dil-ġibda baqgħet hemm. Imma issa z-zija bdiet tkun hemm inqas. Daħlet id-dimensja, hi ma baqgħetx tintgħaraf, u lili ma baqgħetx tagħrafni wisq. Daħlet persuna f’ħajti li sabitha diffiċli tifhem kif din il-mara sa ftit ilu kienet taqbadlek ganċ u tinżel għall-qarnit. Jew li xi darba kelli biża’ minnha u issa kien baqagħli sudizzjoni biss. F’għajnejja z-zija kienet għadha blata, waqt li f’għajnejn dil-persuna din il-mara samra, xagħarha abjad, kienet żrara li tieħu gost trembel fil-pala ta’ jdejk. Il-kenura ma bqajtx nużaha wisq għax seat wieħed kulma kellha, imma l-post baqa’ jiġbidni u konna mmorru ngħumu hemm, kultant nidħlu fil-garaxx biex nistkennu mix-xemx. Kultant tbegħedna xorta, u darba minflok ingdimt minn artikla, ingdimt minn brama li mid-dehra ’l hemm barra jkunu akbar u bqajt inġorr il-marka tagħha ġimgħat sħaħ.

Waqt li z-zija qabdet in-niżla, żewġ zijiet minn fazzjoni waħda bdew jieħdu ħsiebha. Kultant kienu jġibuha sal-kamra, u kultant kienet tiżgiċċalhom u tinżel tgħum. Din il-mara li kienet diġà għexet aktar minn kull qarib tagħhom (u tiegħi), ma kinitx għadha nsiet il-ġibda tagħha għall-baħar, anki jekk issa kienet tistenna l-mewġ biex jerġa’ jtellagħha mal-art. Ma nimmaġinax li kienet mara faċli biex tieħu ħsiebha. U għaliex għandha tkun? X’aktarx qatt ma talbithom jieħdu ħsiebha. Kienet kburija wisq. Jew forsi indipendenti wisq. Imma d-dimensja neżżgħetha mit-tnejn. Issa li bdiet titfixkel in-nies, bdiet x’aktarx titfixkel ukoll bejn indipendenza u benefiċjenza. Il-kamra bdiet tiġi kkolonizzata. Ma nbidlilhiex isimha, għax isem ma kellhiex. Imma f’waħda mill-ftit drabi li tlajt fuq rajt sufan u anki armarju mdendel. Fil-garaxx t’isfel twaħħlet doċċa. Bħal kull kolonizzatur ieħor għamlu dan bil-premessa li jridu jtejbu l-post, għal kulħadd. Min ma jridx ineħħi l-melħ minn fuqu qabel jaqbad triqtu lura lejn daru? Għadda ftit żmien u z-zija tal-kamra telqet darba għal dejjem.

Id-dimensja nessietha mill-wegħda li kienet għamlet li testmenti ma tħallix. Il-benefiċjenza tħallset lura. Il-kamra f’tal-Mixquqa kienet parti mill-ħlas, u magħha d-dar bil-kċina riħa ta’ minestra. Is-sufan u l-armarju ma ħadux l-ispazju ta’ xejn. Draughts issa ma tantx tista’ tilgħab. Forsi aħjar hekk, għax irrealizzajt li jien kont pedina jew suldat, u hemm min hu re. Jibilgħuni żgur. Min ikollu qalb kbira jaf ikollu wkoll ħalq kbir. Bħal kull kolonizzatur. Kultant anki lsien twil, tant li minflok isawtek bih iġiegħlek titkellem bih. “Aħjar hekk milli kulħadd ħa ċuċata. Ġew it-tfal mill-bogħod u setgħu jmorru s’hemm.

Kultant inħoss li mewt iz-zija xaqqitli r-rabta li kelli mal-Mixquqa. Ma tantx għadni mmur hemm. Nara l-kamra mill-bogħod u nħares lejn il-bieb tal-garaxx, niċċekkja hux miftuħ. Meta jkun miftuħ, l-aptit biex nimxi ’l hemm jingħalaqli. Inħossni skomdu ninvadi dar ħaddieħor. Tgħid il-kenura għadha hemm? Iniżżluha ftit? Rasi ddawwar id-direzzjoni u naqbad il-mixja lejn il-bajja l-oħra. Inħossni xi darba kelli mkien li kont inqis tiegħi u issa m’għadux. Ħsieb egoist, naf, għax wara kollox, jekk il-blokok tal-konkos idejquni, kif tista’ ma ddejjaqnix dik il-blokka konkos qrib il-baħar, għall-kapriċċ ta’ kenura. Forsi għax minn dejjem nafha hemm?

Imma għall-inqas għadni nħobb il-beraħ, u l-baħar. U sirt ngħum ħafna. Xi darba rrid nimla l-vojt li ġġib magħha l-qasma. Immur hemm, naqbeż il-kamra, insib post, nagħmel jum sħiħ, u naċċetta li ma nistax nidħol taħt saqaf għall-kenn mill-qilla tax-xemx. Wara nfittex is-sinjal li darba xaqqejt u nlissinlu, “nibqa’ nafhulek. .

“Historical geographies of place naming: Colonial practices and beyond” ta’ Beth Williamson deher fil-ġurnal Geography Compass, Vol. 17 Nru 5, pubblikazzjoni Wiley 2023m u huwa disponibbli online. Williamson tirreferi għal Developments in the Theory and Practice of Cybercartography Vol. 5 ta’ Claudio Aporta et al, editjat minn D.R.F. Taylor, Elsevier Science 2014 u A phenomenology of landscape: places, paths, and monuments Vol. 10, Berg, 1994. “Tallahassee, Osceola, and the Hermeneutics of American Place-Names” ta’ Richard A. Grounds, ukoll ikkwotat minn Williamson, deher fil-Journal of the American Academy of Religion, Volume 69, Nru 2, 2001.

Dekorazzjoni art-nouveau