Kien jismu Ġanni, u jgħidu li kien qatel ’il ħuh għax kien ħaraqlu l-qmis tax-xogħol waqt li kien qed jgħaddihielu. Dik hi l-grazzi. Forsi kien qam bil-bajda mdawra, jew vera ma kellux aptit imur ix-xogħol, iqassam il-posta. Min jaf. Li hu żgur hu li x-xogħol qatt ma reġa’ daħal, għax laħaq xjaħ u għokos sakemm ħarġuh mill-ħabs.
Kont ngħaddi minn quddiemu kull filgħodu fi triqti lejn ix-xogħol. Wiċċu ismar daqs ħobża tal-Malti daqsxejn maħruqa, u r-raded tat-tikmix tant kienu fondi li kont nistħajjilhom jiġmgħu t-trab ġo fihom.
Il-bieb ta’ barra kien dejjem iżommu miftuħ. Iż-żebgħa tant kienet tqaxxret li ġie fuq l-injam. Dawl ma kellux. Mingħajr ma rrid, kont dejjem inħares ’il ġewwa. Ġismi kien bħal donnu jħoss il-bidla fil-pressjoni minħabba l-vojt tal-fetħa. Kull darba kont ninfexx nistħi, nibża’ li jaħsibni qed nissendika fuqu jew inxammar imnieħri minħabba kif kien jgħix. U kull darba kont ninsa, u nerġa’ nagħmilha.
Daru kienet iktar gorboġ milli dar. Xi darba kienet remissa, fejn kienu jraqqdu l-bagħal jew il-ħmar. Imbagħad spiċċa jorqod hemm Ġanni, wara li l-avukat redgħetlu demmu u ħaditlu ġidu kollu biex tiddefendih il-qorti.
Xi sentejn ilu kont għaddejja minn quddiemu bħas-soltu. Awtomatikament, rasi daret lejn il-fetħa.
“Haw’ int, xi trid? Dejjem tħares.” Inblajt. Ħassejt fawra tielgħa għal wiċċi u ħassejt ġismi jittradini — riġlejja ma flaħtx inħarrikom. “Ma ġġiblix gazzetta m’għand tal-kantuniera, hux? Haw’ ħa, għandek il-flus.” Kellu bl-eżatt 95 ċenteżmu. Wiċċi vampa, ħadthomlu minn idu. Kif subgħajja ħakkew ftit mal-ġilda t’idu ħassejtha raffa qisha xi biċċa sandpaper li baqgħalha l-aħħar raxkatura xi tlaqqtilha.
Kont naf li se nasal tard għax-xogħol, imma għalaqt ħalqi u obdejtu. Bżajt ftit minnu. Kont nibża’ li kellu xi senter f’dik il-gabuba. Ħafna jirromantiċizzaw lix-xjuħ, pasturi ħelwin u innoċenti qegħdin hemm biss għal xi ritratt estetiku fuq Instagram. Pjuttost bil-kontra. Iż-żmien jgħakksek u jġibek makakk u ċiniku. Dawn qatt ma ltaqgħu ma’ dik il-mara ta’ qiegħ il-Belt li dejjem thedded li ħa tgara barmil bewl fuq l-istorbjużi tal-bar ta’ taħtha. Fil-verità, m’għandhiex tort sa barra. Il-Belt ġabuha miżbla għal għajn it-turist.
Mifxula, mort lura għandu bil-gazzetta. L-Orizzont. Qatt ma kont missejtha b’idi.
“Grazzi. Qed jgħidu li ħa jwaqqgħu l-binja ta’ ħdejja. Ma smajt xejn, hux?”
“Le ta, skużani. Xejn ma smajt. Ħa jkolli naħrab għax qiegħda tard għax-xogħol.”
“Mur, mur. Kulħadd mgħaġġel illum il-ġurnata. ’Qas minuta ċans biex tkellimkom m’għad għandkom.”
M’għedtlu xejn. Il-loan ħa jħallashuli hu, naħseb, kelli aptit ngħidlu.
Xi ġimgħa wara rġajt inzertajtu bil-bieb miftuħ. Did-darba ddeċidejt li nsellimlu.
“Bonġu.”
“Ħa jwaqqgħuha,” qalli, imqit. Ħarist fuq ix-xellug u rajt karta mwaħħla mal-ħajt. Imxejt lejha. Kif ħsibt: l-Awtorità tal-Ippjanar. “Notifika ta’ riċevuta ta’ applikazzjoni għal żvilupp. Għal/For: Excavation works to build a 5-storey guest house.”
Oħra.
Għaddew xi ġimagħtejn u waqt li kont fuq tal-linja, bħas-soltu nqalleb fuq Facebook, telgħetli post tal-Moviment Graffitti: “Last chance to OBJECT to massive guest houses in Birkirkara”. Qalbi għamlet tikk. Ritratt ta’ Triq il-Palazz. Mhux waħda kellhom jibnu? Dħalt malajr fuq il-link u ffirmajt l-oġġezzjoni bla ma naf eżatt x’kienet tgħid.
Wara x-xogħol ħadt triqet Ġanni. Kont ilni ma ninzertah bil-bieb miftuħ. Illum reġa’ bil-bieb magħluq.
“Fuck it, ħa nħabbatlu,” għedt bejni u bejn ruħi.
“Min hemm? Xi trid?” smajt leħnu goff jgħid minn wara l-bieb.
“Dik li xtratlek il-gazzetta ftit ilu,” għajjatt lura.
Skiet.
Ftit sekondi wara, il-bieb, ifarfar iż-żebgħa ma’ kull ċaqliqa, inġibed bil-mod ’il ġewwa.
“Idħol, idħol.”
Ġewwa kien żdingat u dlam ċappa, ħlief għal xemgħa ċkejkna tnemnem. Riħa ta’ miżża u tazzi mdennsin jiġru ma’ kullimkien.
“Xi trid?”
Ħadt gost li ma skużax ruħu għall-ħmieġ. Idejquni l-familji Maltin li kull darba li tidħol għandhom jagħmlu paniġierku imbarazzat dwar l-imbarazz, minkejja li kullimkien ikun nadif tazza.
“X’ħa jiġri eżatt maġenbek? Rajt xi ħaġa fl-aħbarijiet imma ma fhimtx sew.”
“Ħa jibnu żewġ lukandi żgħar ħdejja. Xi ħaġa tat-turisti, insomma. Guest houses naħseb. Waħda fuq kull naħa. Minn għada ħa jibdew iwaqqgħu naħa u jħaffru l-oħra. Ara Birkirkara x’ħa jiġu jagħmlu t-turisti.” Skiet. Ma kontx naf x’naqbad ngħidlu. “Jumejn ilu ġie jkellimni s-sid. Veru beżqa. Waqqaf il-BMW daqs Alla f’nofs ta’ triq, imħatra tahielu missieru, u offrieli €200 000 avolja, skontu, dal-gorboġ jiswa inqas. Għedtlu nżabbab. Vera li gorboġ, imma almenu l-gorboġ tiegħi.”
“Ħa jġennuk bit-tħaffir, Ġann, jekk tibqa’ hawn. X’ħa tagħmel?”
“Ħeqq ara, xi tridni nagħmel? M’għandi xejn tiegħi jien. Jekk jibagħtuni l-qabar hekk, ikolli mmur. Almenu ma nkunx paxxejt ’il dak il-beżqa, mingħalih jista’ jixtri nofs Malta.”
Is-sid kont naf bih. Ismu kont issibu mniżżel taħt kull żvilupp mostruż u ikrah f’dawn l-inħawi. Ried jibla’ kollox u kulm’hawn.
“Għala għadek tixtri L-Orizzont? Dak il-beżqa biċċa waħda mal-gvern tiegħek.”
“Mintoff jibqa’ l-King,” weġibni. “Dawn t’issa mhux vera soċjalisti. Mintoff kien veru soċjalist. Jaqaw int waħda minn daw’ li ma jivvutawx?” Tbissimt. “Aħjar hekk, insomma, milli Nazzjonalista,” gedwed minn taħt.
Ma merejtux. L-istorja ta’ żmien Mintoff ftit li xejn ġiet iddokumentata mingħajr il-lenti partiġġjana. Ma kontx naf x’naqbad naħseb dwaru. Hemm min għadu jixgħellu xemgħa sal-lum, filwaqt li oħrajn jobżqulu. Pajjiż maqsum. Però dan l-aħħar, bdejt inħoss bidla. Ma nafx jekk hux għax ngħix f’bużżieqa ta’ nies li l-aħmar u l-blu ma jinteressawhomx. Iżda l-piki bejn il-blu u l-ħomor saru kważi mit, xi ħaġa tal-passat. L-elezzjoni ġenerali saret qisha biss proċedura legali, bir-rebbieħa ċari minn qabel. Qisek għandek logħba bejn il-Mosta F.C. u r-Real Madrid u qed tippretendi xi miraklu. Kważi kważi, l-elezzjoni tista’ ma ssirx.
“Daw’ t’issa moħħhom fin-negozjanti iktar min-Nazzjonalisti naħseb, Ġann. It-tnejn ħbieb tal-kuntratturi, u jfajru t-tenders lil tal-qalba bl-addoċċ.”
Gemgem speċi ta’ “iva”.
L-ideoloġija li xi darba kienet taqsam il-Laburisti u n-Nazzjonalisti m’għadhiex teżisti. It-tnejn ċentristi, it-tnejn neoliberali. Ix-xellug u l-lemin kważi saru kelmiet antikwati. Eġemonija magħmula minn moderati. Issa l-qasma saret bejn il-kuntratturi, il-ħbieb tal-ħbieb, il-lagħaqin li jirċievu minjiera ta’ direct orders tal-gvern u li tibda tara l-vann tagħhom ma’ kull roundabout f’Malta, il-mejtin bil-ġuħ li jaħtfu blokok ta’ flettijiet imqammlin u jikruhom fuq elf fix-xahar il-wieħed, ir-razzisti li jinqdew bil-Pakistani u jħaddmuhom biċ-ċiċri u li xorta jibqgħu jsejħulhom Indjani, u bejn in-nies normali li jridu jissallbu b’loan ta’ erbgħin sena biex jixtru appartament tal-qamel fi blokka mibnija bi briks ta’ kwalità baxxa, pajpijiet tad-drenaġġ mhux imqabbdin sew, gallarijiet qishom banji u faċċati griżi koroh dagħwa. U mank tara kantun wieħed tal-franka. Meta darba gergirt fuq il-prezz tal-proprjetà fuq post f’xi grupp fuq Facebook, daħlu ħafna minn dawk li qegħdin komdi, li probabbli xtraw xi dar enormi għal xi Lm20 000 erbgħin sena ilu, jikkummentaw li m’għandix għal xiex ingerger — “hemm ħafna skemi tal-Awtorità tad-Djar, ta!” Forsi tiffranka €10 000 minn €300 000. Bargain. Apparti li jekk ma tkunx koppja, tista’ tinsa li tixtri post suret in-nies.
Lil Ġanni bdejt inżuru ta’ spiss qabel ix-xogħol, qabel ma jibda l-kaos tat-tħaffir. Kien joffrili te kuljum, imma qatt ma aċċettajt, għax bqajt nitqażżu. Malli jdoqqu s-sebgħa bumm kont inlebbet ’il barra, għax l-art kienet tibda titheżżeż u t-tħaffir kien iġenġillek moħħok. Darba minnhom l-art theżżet bil-qawwi iktar mis-soltu. Qalbi ħebritni li xi ħaġa ma kinitx sew. Forsi xi forma ta’ intwizzjoni femminili, ma nafx. Qomt bil-ġiri u lebbitt ’il barra.
“Ejja Ġann, naħseb perikoluż wisq tibqa’ hemm ġew,” għajjattlu.
“U mhux dejjem hekk? Haw’ ħa nibqa’,” webbes rasu.
Ftit sekondi wara smajt ħoss kbir, u stħajjilt l-art ta’ taħti nqasmet f’żewġt iflieli. F’daqqa waħda ġriet lejja sħaba bajda kbira, fgatni, u ma stajt nara xejn iżjed bit-trab li daħalli wara n-nuċċali għal ġo għajnejja.
Ġanni ntradam, u l-gorboġ ċkejken tiegħu nbela’ mill-ġganti. Fl-aħħar seta’ jistrieħ.
Għamilt ġimgħa nibkih u xhur inħossni ħatja li ma ġbidtux ’il barra miegħi.
Sirt naf li sid iż-żewġ guest houses kien miet ukoll dakinhar stess li waqa’ l-bini. Mid-dehra pprova jwieġeb il-mobile u nfaqa’ ġo ħajt bil-BMW b’kollox fuq il-Coast Road, waqt li kien għaddej bil-mija u għoxrin.
Xi ftit ilu ħareġ fil-qorti li l-kuntratturi ma kinux ħadmu kif suppost. Il-Qorti qatgħetha li kienu negliġenti u ordnatilhom iħallsu d-danni lill-werrieta ta’ Ġanni, li kienu ftakru fih wara li miet. Peress li kien pensjonant, u ma kien jikkontribwixxi xejn għar-rota ekonomika, il-Qorti ddeċidiet li Ġanni kien jiswa €50 000. Imma ma kellhomx xi jgergru għax kienu ilhom li nnegozjaw prezz tajjeb għall-gorboġ ta’ Ġanni tagħhom. ’Qas laħaq bired ġismu. ’Qas laħaq għaqad is-siment mad-dawra ta’ qabru.
Sadanittant, il-guest houses tlestew. L-aħħar li ċċekkjajt, kellhom rating ta’ 8.3 fuq Booking.com .