Invokazzjonijiet

it-tmienja u ħamsin

Beverly Agius

Aphroconfuso,
ħares lejn kif intella’
iswed is-suf m’idi
l-araknidi li ndeffes
f’ħalqi tidħol tiġri
sabiħ inżel driegħ
la tibżax minkbek
tolqot ma’ xi rokna
toraċka inżel aqla’
mill-għammieq sid
il-fwied ċarrat isa
l-milsa qaċċat kif
għallimtek l-aorta
agħsar f’ballun
il-pulmun il-qalb
li le tambi sabbat
mal-art l-istonku
brodu mibżuq inżel
tella’ aqla’ kemm
tiflaħ għedtlek ma
rrid nara xejn iktar
gara l-musrana ifqa’
tal-awrina l-bużżieqa
mara marida l-marrara
u l-frixa fibra ħażina
qaċċat issa tan-nifs
il-pajpijiet għaffeġ
dal-aġġeġġi battal

dil-ħofra. vojt għedtlek
irridu dal-post mur idfen
l-iskeletru xi mkien ieħor
jekk trid tiegħu l-armla
s-sewda jien il-ġisem
li kilt issa nidħol
lura ġol-bejta rrid
ninbela’ ’l isfel
ġo ruħu rrid

L-iżvilupp u l-pub­blikaz­zjoni ta’ dax-xogħol sar bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti bħala parti mill-Investiment f’Organizzazzjonijiet Kulturali 2026–2028.

Dekorazzjoni art-nouveau