Wara tlett isjuf ta’ Pic Nic The Streets, picnics “kwieti” ta’ protesta kull nhar ta’ Ħadd waranofsinhar quddiem il-Bourse kontra l-fatt li l-karozzi kienu joħonqu l-ispazju pubbliku u jinkwinaw l-arja tar-residenti, fid-29 ta’ Ġunju tal-2015 Boulevard Anspach ingħalaq kompletament għall-karozzi u l-ispazju nfetaħ biss għan-nies bil-mixi. Tħawlu s-siġar fuq il-ġnub, tpoġġew għadd ta’ bankijiet tal-injam u tal-konkrit, tlestiet funtana b’ilma jaqbeż fit-tarf ta’ Rue August Orts faċċata tal-Bourse, ittellgħu stallazzjonijiet tal-arti, u nbena ġnien żgħir fuq Place Fontainas qabel ma t-triq terġa’ ssir tal-karozzi. Ilni ngħix f’dil-belt mill-2008 u l-karozzi, u l-picnics ta’ protesta niftakarhom sew, allura sirt dejjem nimxi “f’nofs tat-triq” meta nsib ruħi fuq dal-boulevard, b’ċelebrazzjoni għal dir-rebħa, żgħira u kbira fl-istess ħin. Dal-proġett ma kienx iżolat, u minn dak iż-żmien fiċ-ċentru ta’ Brussell komplew jingħalqu iktar toroq ċentrali għall-karozzi. Il-pjan reġjonali tal-mobbiltà għall-2020–2030, li jismu “Good Move”, jiffoka fuq is-saħħa fiżika u mentali tar-residenti, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tagħna, it-tnaqqis tal-impatt ħażin tal-karozzi fuq l-arja u fuq l-ambjent, u ż-żieda fis-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-mobbiltà. Għandu l-għan li jgħinna nibdlu l-mod kif niċċaqalqu minn post għall-ieħor. Il-lussu, f’dal-pjan, huwa f’li nħaddmu moħħna u nużaw riġlejna, u ngawdu l-belt mingħajr ma nkunu skjavi tal-karozzi. L-istess diskors, però diġà kien qed jingħad ħamsin sena ilu, fil-bidu tas-snin sebgħin, meta l-Grand Place nnifisha kienet għadha tintuża bħala spazju fejn tipparkja l-karozza. Meta nara r-ritratti minn dak iż-żmien niftakar fiż-żmien meta ġieli ħallejt il-karozza pparkjata fit-teatru l-imwaqqa’ l-Belt. F’Jannar tal-2019 begħt il-karozza biex nibda nuża biss it-trasport pubbliku, bl-idea li fil-każ li jkolli bżonn karozza nikri waħda għal dakinhar biss.