Urara qaltli li l-isem Sanshu huwa t-terminu antik li jirreferi għall-provinċji antiki ta’ Satsuma, Ōsumi u Hyūga, li llum jinsabu fil-prefetturi ta’ Kagoshima u Miyazaki fi Kyūshū. Ħafna mill-qrabat tagħha, kemm min-naħa ta’ ommha kif ukoll min-naħa ta’ missierha, huma minn Kagoshima u l-familja tagħha għad għandha rabtiet qawwija m’hemmhekk. In-nies minn Kagoshima kellhom ħafna x’jaqsmu mar-Restawr Meiji fl-aħħar tas-seklu 19 u kienu huma l-fundaturi tal-Ġappun modern. Is-Sanshu Club f’Tokyo nħoloq proprju biex iwettaq riċerka dwar l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet ta’ Sanshu, u jaħdem biex jippreserva u jippromovi dan il-wirt. Urara qaltli li għandha ziju, iz-Ziju Izumi, li tgħidx kemm feraħ meta qaltlu li qed tittraduċi ġabra ta’ stejjer minn Malta. Iz-Ziju Izumi huwa membru tas-Sanshu Club u għandu interess kbir fl-istorja tas-Samurai, speċjalment tal-istudenti Samurai mid-dominju fewdali ta’ Satsuma fin-Nofsinhar ta’ Kyūshū li, malli l-Ġappun fetaħ il-bibien għad-dinja ta’ barra, kienu baħħru lejn l-Ewropa u tul il-vjaġġi tagħhom żaru anki l-gżira ta’ Malta.