Xewqat tal-lum: li jibgħatli messaġġ dak li ltqajt miegħu lbieraħ. Jgħidli li jridni, u li jrid li nerġgħu niltaqgħu malajr kemm jista’ jkun, li nkun f’burdata tajba u li S itini l-attenzjoni, li ma jkollix biża’ u ansjetà dwar il-flus, li nixtri x’niekol mingħajr ma jħossni ħażin li naqsu l-flus mill-kont bankarju, li jirnexxili nikteb xi ħaġa. Ġurnata mxarrba. Sema griż qotni, imdendel. Is-sħab ma jridx iħalli s-sebħ jaqsam is-sema, li jibqa’ kulur wieħed ġurnata sħiħa, fond. S ma jridx kliem. Ma nafx f’liema staġun qegħdin, jekk ir-rebbiegħa bdietx diġà jew għadha le. Jekk hux wisq sħana biex tkun ix-xitwa, jekk hux wisq bard biex tkun ir-rebbiegħa. Ma stajtx nikteb għal ġimgħa sħiħa, mgħaddas taħt il-friex tas-sodda, imkebbeb f’żaqq is-saqqu li ma tantx hu iebes. Enerġija meħuda kollha mill-burdata. Imbagħad ħedla għax naħli ħafna ħin niffaċċja dal-fatt. F’Marzu tlift l-aptit, il-burdata biex nikteb. Ix-xewqa biex niftakar, ix-xewqa biex ma niftakarx mumenti biex nikteb dwarhom. L-imbuttatura biex naqbad il-mobile bl-iskrin imkisser u nikteb. Imbagħad meta jkunu għaddew wisq ġranet, biex nikteb dwar xi ħaġa li ma ġratx fil-mument immedjat. F’waħda mill-entrati tad-djarju ta’ Diċembru kont ħadt nota ta’ x’kitbet Marina Benjamin. Tikteb dwar il-memorja u t-tislit tal-kittieb biex jiftakar, speċjalment xi ħaġa li ġrat tant żmien ilu: “Li tikkonċernani hija l-idea pjuttost pulita wisq li l-memorja hija xi ħaġa li tibqa’ fil-wiċċ b’mod intatt mill-passat imċajpar, bħal xi sejba arkeoloġika li tkun skoprejt u li minnha trid sempliċement tfarfar it-trab. Dak il-kunċett, naħseb, jista’ jiġi skontat, peress li kull darba li tiftakar xi ħaġa tkun qed tiktibha mill-ġdid, tqanqal il-passat fil-proċess. Din l-indeterminazzjoni organika kollha tagħmel il-memorja inkwetanti. Tesponiha bħala xi ħaġa mibnija b’mod attiv minn persuna li tħoss, li tħares lura minn punt fil-futur, li trid tagħti rendikont ta’ kif saru l-affarijiet sabiex jgħixu l-porzjon li jmiss tal-futur tagħhom bil-kumdità.” Hekk kif kitbet in-nanna ta’ Guillaume Dustan fid-djarju tagħha, li hu għamel traskrizzjoni tiegħu f’Nicolas Pages: “Peress li m’għandi ħadd madwari ma’ min nista’ niskambja l-ideat, nikteb dak kollu li niftakar, fl-ebda ordni partikolari, nimla l-paġni.”