AR: سياسة الرعاية DE: Care-Politik EN: politics of care FR: politique de la sollicitude/du care IT: la politica della cura
Raylene (09.02.2024)
Sibt diffikultà bit-traduzzjoni għal “politics of care” bħala “il-politika tal-kura” għaliex il-kelma “kura” bil-Malti hija aktar assoċjata mad-diskors mediku, bħal ngħidu aħna meta t-tabib jikkura pazjent. Bit-Taljan meta ngħidu “ħu ħsieb” tiġi tradotta bħala “stammi bene”, waqt li l-frażi “nieħu ħsiebek” tiġi tradotta għal “mi curo di te”. F’dan is-sens it-Taljan għandu użu usa’ għall-kunċett “curare” li jistà jfisser kemm “tieħu ħsieb” u kemm “kura” mill-mard. Bil-Malti ma nħossx li l-kelma “kura” hija adatta biex taqbad il-kunċett ta “politics of care”.
Noah (il-politika li nieħdu ħsieb lil xulxin/il-politika tal-imħabba, 12.02.2024)
Il-kunċett ta’ “care” jinteressani ħafna bħala metodoloġija/għodda ta’ politika femminista, u dejjem insibu diffiċli nittraduċih bil-Malti, għax biex joħroġ is-sugu tiegħu jiġi xi ħaġa bħal “il-politika bbażata fuq li nieħdu ħsieb lil xulxin.” Qed nipprova naħseb jekk hemmx frażijiet/kliem li joħorġu s-sens ta’ “care” bil-Malti. Avolja ma tfissirx l-istess bħal “care’, forsi mod daqsxejn inqas clunky kif tgħidha tkun “il-politika tal-imħabba”? Jaqbad speċi ta’ ossimoru bejn il-kunċetti ta’ “politika” u “care”. Imma mbagħad joħorġu ħafna konnotazzjonijiet (bħall-erotiżmu, eċċ.) li m’għandhomx x’jaqsmu mal-kunċett ta’ care.
Raylene (il-politika tas-solleċitudni, 12.02.2024)
Din bqajt naħseb ħafna fuqha, u bħal Noah għall-bidu wkoll bdejt nippreferi t-terminu “il-politika tal-imħabba” bħala terminu li jqarreb iktar lejn id-definizzjoni bl-Ingliż. Però wkoll inħoss li l-kelma “imħabba” timplika konnotazzjonijiet oħrajn li mhumiex intenzjonati mit-terminu nnifsu. Waqt diskursata ma’ Kurt fuq dan is-suġġett (u ħa nisraqlu t-terminu!) hu ssuġġerixxa traduzzjoni tal-kelma “solicitude” bil-Malti. M’iniex ċerta teżistix kelma ekwivalenti bil-Malti. Bit-Taljan, “solicitude” tiġi tradotta għal “sollecitudine”. Ma nafx allura tagħmilx sens li l-kelma “solleċitudni” tintuża biex tinftiehem bħala “care”, jew jekk hijiex kelma ingombranti li ma tintużax fil-lingwa ta’ kuljum. Naħseb li din id-diffikultà fit-traduzzjoni ta’ “care” tiġi wkoll estiża għal termini Foucauldjani bħal “care of the self”.
Davinia (13.02.2024)
Din id-diskussjoni veru interessatni u domt ħafna naħseb fuqha. Fil-bidu, “il-politika tal-kura” nstemgħet l-aktar viċin, imma dejqitni l-assoċjazzjoni mal-mard jien ukoll. Jien ħsibt fuq il-kelma “providenza”, li għalkemm għandha assoċjazzjonijiet mad-divin, għandha wkoll tifsira ta’ “care” u “foresight”. Imma naħseb li din mhix ċara biżżejjed u għalhekk jogħġobni ferm iktar is-suġġeriment ta’ Raylene u Kurt, ta’ “solicitude”.
Kurt (il-politika tat-tweżin, 13.02.2024)
Qed naħseb ukoll fil-kelma “twieżen” (to be supported; to be propped up). Il-politika tat-tweżin? Jew inkella anki l-kelma “għożża”.
Loranne (indukrar, 14.03.2024)
Għal “care” hemm il-kelma indukrar li tista’ tkun possibbli, eż. child care li tiġi l-indukrar tat-tfal.
Omar (politika tal-ħarsien, 24.02.2025)
Min jaf kieku naħsbu ftit dwar il-possibbiltà li nużaw “il-politika tal-ħarsien”? Bil-Malti ħarsien spiss tfisser kura, attenzjoni, protezzjoni b’tenerezza: pereżempju nużaw l-espressjonijiet “il-ħarsien tal-ambjent”, “il-ħarsien soċjali”, “il-ħarsien tal-annimali”, eċċ. Din l-espressjoni nsibuha spiss ukoll fit-talb (speċjalment Marjan imma anki talb ieħor): sub tuum praesidium = taħt il-ħarsien tiegħek, li għalija hija forma ta’ “politics of care”. F’dan is-sens, allura, il-politika tal-ħarsien toffri refuġju u kenn.
Kristina (01.03.2025)
Dan l-iskambju dwar il-kunċett ta’ “care” jinteressani immens. Jinteressani minn lenti femminista, imma mhux biss. Naħseb l-iktar li jinteressani għax narah wisq nieqes fil-prattika u fil-ħsieb ta’ madwarna. Naqbel mal-kumment dwar kif b’“kura” mill-ewwel naħsbu fl-aspett mediku, u għalhekk nippreferi l-proposta dwar li “nieħdu ħsieb lil xulxin”, għalkemm xorta mhux konvinta għalkollox. Ma nistax ma naħsibx fl-etimoloġija tal-verb “curare” u r-rwol tal-kuraturi, għalkemm anki hemm, l-ironija hi li kultant niddubita kemm teżisti l-vera “care” li qed nitkellmu dwarha hawn. Kważi kważi, qed nibda naħseb f’‘care” aktar f’termini ta’ attitudni. U forsi nistgħu nżidu wkoll “ethics of care” u “relational care”. S’issa m’għandix terminu ieħor bil-Malti x’nissuġġerixxi, imma li qed nipprova nagħmel, naħseb, hu li nfittex it-tifsira u l-valur tal-azzjoni u l-interazzjoni li tirriżulta meta teżisti l-vera “care”. Għalhekk, minbarra l-politika tal-kura, inħares ukoll lejha bħala prattika, u forsi anki bħala strateġija. M’iniex ċerta dwar “il-politika tal-imħabba” għax naħseb li, bħalma semmiet Raylene, it-terminu jinkludi tifsiriet oħra li mhux neċessarjament intenzjonati. Però, dan it-terminu fakkarni f’“labour of love” li jsemmi Kuba Szreder fl-abeċedarju tal-proġettarjat — li ta’ spiss qed insibni nirreferi lejh — fejn jgħaqqdu mal-kritika femminista tal-ekonomija li tibqa’ għaddejja permezz tal-“care labour” u “work of maintenance” li ħafna drabi jseħħu b’mod inviżibbli min-nisa. Hawnhekk jagħmel referenza għall-Manifesto of Maintenance Art ta’ Mierle Laderman Ukeles mis-sittinijiet — azzjoni ta’ solidarjetà. Allura, min jaf kieku naħsbu wkoll dwar “il-politika tas-solidarjetà”? “Il-politika tal-ħarsien” li ssuġġerixxa Omar fakkarni fil-kunċett ta’ “stewardship” li qed jissemma iktar ta’ spiss anki fil-politika Ewropea.
L-aħħar ħaġa għal-lum, nixtieq naqsam magħkom din il-ħolqa għall-Museum of Care .