Moħbija fl-album tan-nanniet kien hemm tliet ritratti oħra li kienu meħuda f’dan iż-żmien ukoll. Minnhom insir naf li fl-aħħar tas-sena marru s-Salini Bay Hotel, jieklu, jixorbu u jiġbdu r-ritratti tax-show li kien hemm il-Pharaoh’s Den, ta’ żeffiena nisa bojod u twal u rqaq jiddandnu b’kostumi mżejna bil-lewlu, l-antaċċoli u r-rix. F’Diċembru kienu marru wkoll il-Buskett Road House. Hemm ritratt wieħed tiegħu u tagħha flimkien: ommi liebsa din il-libsa sewda Marokkina bħal kaftan tal-bellus bil-ħjata kulur id-deheb mal-għonq. Kienet il-libsa li kien xtralha u li kien riedha tilbes biex titrawwem fil-kultura Libjana li kien kitbilha dwarha. Kienet il-libsa mdendla fil-gwardarobba tal-kamra ż-żgħira għand in-nanna. Fl-ittri kien diġà beda jinsinwa biex tiffemminizza ruħha, biex tilbes bħal tfajliet oħra, biex titgħallem tkun fil-kumpanija tan-nisa, biex tagħmel affarijiet li huma eleganti, biex titkellem b’vuċi baxxa u b’ton delikat. U forsi ommi kienet qed tipprova tikkonforma dan iż-żmien? Jew forsi kienet għadha qed tipprova tagħmel sens mill-identità u s-sesswalità tagħha? Naf li fir-ritratti tagħha meta kienet waħedha, ħdejn il-karozzi li kellha, ommi kienet diġà bdiet tibdel id-dehra tagħha f’waħda l-ewwel androġena u mbagħad aktar maskili. Imma forsi ma’ Otman kienet qed tesperimenta? Forsi kien opportunità? Leħħa ta’ kosmopolitaniżmu? Forsi kien xi ħadd li setgħet timraħ miegħu? Forsi riedet wild biex tkun tista’ tidħol fil-loġika ta’ riproduzzjoni normattiva għan-nies omosesswali, u allura wara t-twelid tiegħi setgħet tieħu n-nifs fil-liżbjaniżmu? L-omm liżbjana kienet tnebbaħni li ma nistax nibqa’ ninħeba wara l-omosesswalità tiegħi biex niġġustifika l-fatt li ma rridx tfal. Ħafna qabel wennisni d-diskors dwar il-falsità tal-kontinwità normattiva, għal snin twal ġarrejt toqol kbir u sens ta’ ħtija li kont jien li waqqaft il-linja ta’ niesi b’din id-deċiżjoni. Darba qaltli li kien madwar iż-żmien li ltaqgħet ma’ Otman għat-tieni darba li l-omosesswalità kienet għadha kif daħlet, jew forsi aħjar ħarġet, fid-diskors pubbliku, li hi stess bdiet tqis b’serjetà possibbiltajiet ġodda ta’ kif setgħet tifhem lilha nnifisha.