Invokazzjonijiet #22

it-tnejn u għoxrin

Beverly Agius

Aphroconfuso
jew Ħerakles en plein air,

fil-veranda skietek
vulnerabbli jfewwaħ

daqs iż-żejt mixħut fuq it-tila
jistrieħ fil-ħabba u fl-għadira

xagħri prerafelit waqa’
purtiera quddiem żerq
ħarstek jinfetaħ ċass

għall-kaos u l-kjass
l-għors mit-tieqa
għall-ġnien taħtna

ħalliha għalhekk mazzarell fuq
l-għadajjar tittajjar l-imħabba
ħallik mill-imqass tal-ġennien

dak li l-moħriet jaħrat
jisponta jerġa’ mill-art jaħraq

għax din poeżija mġenna
u dawn fjuri mpittra
u din ħolma li bħal
farfett timmolla

Aphroconfuso
b’din ir-rebbiegħa
li ħadet waqt ħarifa — 

naf,
iżda f’dan
l-assalt tal-fjuri
m’hemmx x’tifhem u tferi

meta togħdos f’Giverny
u titla’ fil-wiċċ, nymphaea
se ssib tistenniek

Dekorazzjoni art-nouveau